14.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2023 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (C-829/21) u tal-Verwaltungsgericht Darmstadt (C-129/22) – il-Ġermanja) – TE, RU, irrappreżentata legalment minn TE (C-829/21), EF (C-129/22) vs Stadt Frankfurt am Main (C-829/21), Stadt Offenbach am Main (C-129/22)

(Kawżi magħquda C-829/21 u C-129/22 (1), Stadt Frankfurt am Main (Tiġdid ta' permess ta' residenza fit-tieni Stat Membru) et)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika tal-immigrazzjoni - Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul - Direttiva 2003/109/KE - It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4), Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4), Artikolu 19(2) u Artikolu 22 - Dritt ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru - Għoti mill-ewwel Stat Membru ta’ “permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul” għal żmien illimitat - Ċittadin ta’ pajjiż terz assenti mit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul perijodu ta’ iktar minn sitt snin - Telf konsekuttiv tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul - Applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ mit-tieni Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE - Ċaħda tal-applikazzjoni mit-tieni Stat Membru minħabba t-telf ta’ dan id-dritt - Kundizzjonijiet)

(2023/C 286/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qrati tar-rinviju

Hessischer Verwaltungsgerichtshof, Verwaltungsgericht Darmstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TE, RU, irrappreżentata legalment minn TE (C-829/21), EF (C-129/22)

Konvenuti: Stadt Frankfurt am Main (C-829/21), Stadt Offenbach am Main (C-129/22)

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(b) tagħha,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded permess ta’ residenza li huwa jkun ta lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, kif emendata, għar-raġuni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmija direttiva, kif emendata, li peress li kien assenti għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin mit-territorju tal-Istat Membru li tah l-istatus ta’ resident fit-tul u peress li dan l-aħħar Stat Membru ma rrikorriex għall-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-istess direttiva, kif emendata, dan iċ-ċittadin ikun tilef id-dritt għal dan l-istatus f’dan l-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li l-perijodu ta’ sitt snin ikun intemm mhux iktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-imsemmi permess u li dan iċ-ċittadin ikun ġie mistieden minn qabel jipproduċi l-prova ta’ eventwali preżenzi fl-imsemmi territorju matul dan il-perijodu.

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn id-dispożizzjonijiet jiġu debitament trasposti fid-dritt nazzjonali mit-tieni Stat Membru li jimplimentahom permezz ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti fejn l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġuni għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, kif emendata, u fejn it-tieni dispożizzjoni tipprovdi li permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, kif emendata, għandu jiġi rrevokat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun tilef id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istat Membru li jkun ħareġ tali permess, mingħajr ma tirreferi konkretament għal waħda mir-raġunijiet għat-telf tal-imsemmi dritt previsti fl-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva, kif emendata.

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun talab l-għoti ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, kif emendata, jew it-tiġdid ta’ tali permess, ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ma jkunx inkluda dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni tiegħu li jistabbilixxu li huwa għandu akkomodazzjoni xierqa, meta dan l-Istat Membru ma jkunx implimenta din id-dispożizzjoni.


(1)  ĠU C 138, 28.03.2022.

ĠU C 237, 20.06.2022.