14.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court – l-Irlanda) – X vs International Protection Appeals Tribunal, Minister for Justice and Equality, Ireland, Attorney General

(Kawża C-756/21 (1), International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja - Direttiva 2004/83/KE - Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) - Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant fil-valutazzjoni tal-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu - Portata - Kredibbiltà ġenerali ta’ applikant - Artikolu 4(5)(e) - Kriterji ta’ evalwazzjoni - Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali - Direttiva 2005/85/KE - Eżami xieraq - Artikolu 8(2) u (3) - Stħarriġ ġudizzjarju - Artikolu 39 - Portata - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ effettività - Terminu raġonevoli għal teħid ta’ deċiżjoni - Artikolu 23(2) u Artikolu 39(4) - Konsegwenzi ta’ ksur eventwali)

(2023/C 286/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenuti: International Protection Appeals Tribunal, Minister for Justice and Equality, Ireland, Attorney General

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jimponi fuq l-awtorità determinanti li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu, meta jkunu jeżistu indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jistgħu jirriżultaw minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż ta’ oriġini u meta l-użu ta’ tali perizja jkun neċessarju jew rilevanti sabiex jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ użu ta’ tali perizja jkunu konformi, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

il-konstatazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali, ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, ma għandhiex neċessarjament twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li jista’ jiġi impost fuq l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li juri li d-deċiżjoni li tiċħad l-appell setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.

2)

Id-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-termini li ddekorrew bejn, minn naħa, il-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn emendi leġiżlattivi nazzjonali li seħħew matul dawn il-perijodi ta’ żmien, u

in-natura irraġonevoli ta’ terminu wieħed mill-imsemmija termini ma tistax tiġġustifika, waħedha u fl-assenza ta’ kull indizju li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-annullament tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti.

3)

L-Artikolu 4(5)(e) tad-Direttiva 2004/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dikjarazzjoni falza, li tinsab fl-applikazzjoni inizjali għal protezzjoni internazzjonali, li kienet ġiet spjegata u rtirata min-naħa tal-applikant għall-ażil hekk kif ippreżentat ruħha l-okkażjoni, ma hijiex ta’ natura li tipprekludi, waħedha, l-istabbiliment tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


(1)  ĠU C 472, 12.12.2022.