30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ April 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte costituzionale – l-Italja) – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra E. D. L.

(Kawża C-699/21 (1), E. D. L. (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq mard))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Artikolu 1(3) - Artikolu 23(4) - Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri - Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 4(3) TUE - Obbligu ta’ kooperazzjoni leali - Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew - Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti - Marda gravi, kronika u potenzjalment irreversibbli - Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew)

(2023/C 189/02)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte costituzionale

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E. D. L.

Fil-preżenza ta’: Presidente del Consiglio dei Ministri

Dispożittiv

L-Artikoli 1(3) u 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta jeżistu raġunijiet validi li jitqies li hemm ir-riskju li l-konsenja ta’ persuna rikjesta, b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tqiegħed manifestament f’perikolu s-saħħa tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, bħala eċċezzjoni, tissospendi temporanjament din il-konsenja;

meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni msejjħa tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna rikjesta, li tkun serjament marida, b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tqis li jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li temmen li din il-konsenja għandha tesponi lill din il-persuna għal riskju reali ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tagħha jew ta’ deterjorament rapidu, sinjifikattiv u irrimedjabbli tal-istat tas-saħħa tagħha, hija għandha tissospendi l-imsemmija konsenja u titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha kull informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom ikun ippjanat li l-imsemmija persuna tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni jew detenuta kif ukoll dwar il-possibbiltajiet li dawn il-kundizzjonijiet jiġu adattati għall-istat tas-saħħa tagħha sabiex jiġi evitat li tali riskju jseħħ;

jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti kif ukoll f’dak tal-informazzjoni l-oħra kollha li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, jidher li dan ir-riskju ma jistax jitwarrab f’terminu raġonevoli, din l-aħħar awtorità għandha tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmi riskju jista’ jiġi mwarrab f’tali terminu, għandha tiġi miftiehma data ġdida ta’ konsenja mal-awtorità ġudizzjarja emittenti.


(1)  ĠU C 73, 14.02.2022.