19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/21


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Amsterdam – il-Pajjizi l-Baxxi) – Eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra X (C-562/21 PPU), Y (C-563/21 PPU)

(Kawżi magħquda C-562/21 PPU u C-563/21 PPU) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Artikolu 1(3) - Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 - Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi - Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati - Eżami f’żewġ stadji - Kriterji ta’ applikazzjoni - Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taffaċċjax, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi)

(2022/C 165/25)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X (C-562/21 PPU) Y (C 563/21 PPU)

Dispożittiv

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ dan il-poter, din l-awtorità ma tistax tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna:

fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, ħlief jekk l-imsemmija awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-imsemmija persuna u relatati mal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li kien jaf bil-kawża kriminali tal-persuna jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ, id-dritt fundamentali tal-istess persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx ġie irrispettat, u

fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, huwa biss jekk din l-istess awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-persuna kkonċernata u relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, man-natura tar-reat li għalih din hija akkużata, mal-kuntest fattwali li fih dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew ma’ kull fatt oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti probabbilment imsejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-proċedura relatata ma’ din il-persuna, din tal-aħħar taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.


(1)  ĠU C 2, 3.1.2022.