15.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal – l-Irlanda) – L-eżekuzzjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa fil-konfront ta’ LU (C-514/21), PH (C-515/21)

(Kawżi Magħquda C-514/21 u C-515/21 (1), Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) et)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni - Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva - Artikolu 4a(1) - Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà - Kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” - Portata - L-ewwel kundanna sospiża - It-tieni kundanna - Assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża - Revoka tas-sospensjoni - Drittijiet tad-difiża - Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali - Artikolu 6 - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 47 u 48 - Ksur - Konsegwenzi)

(2023/C 173/06)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

LU (C-514/21), PH (C-515/21)

fil-preżenza ta’: Minister for Justice and Equality

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-kundanna kriminali, mogħtija fil-kontumaċja, tikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena msemmija.

2)

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni biex tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, meta jidher li l-proċedura li wasslet għat-tieni kundanna kriminali ta’ din il-persuna, determinanti għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, seħħet fil-kontumaċja ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jinkludi, fir-rigward ta’ din il-proċedura, waħda mill-indikazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (a) sa (d).

3)

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, għar-raġuni li l-proċedura li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni li takkumpanja l-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew twettqet fil-kontumaċja, jew tissuġġetta l-konsenja ta’ din il-persuna għall-garanzija li din tkun tista’ tibbenefika, f’dan l-Istat Membru, minn sentenza jew minn proċedura ta’ appell ġdida li tippermetti l-eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni ta’ ċaħda jew tat-tieni kundanna kriminali li ġiet imposta fuqha fil-kontumaċja u li tirriżulta li hija determinanti għall-ħruġ ta’ dan il-mandat.


(1)  ĠU C 119, 14.3.2022.