2.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/15


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Miskolci Törvényszék – l-Ungerija) – IH vs MÁV-START Vasúti Személyszállító Zrt.

(Kawża C-477/21 (1), MÁV-START)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Direttiva 2003/88/CE - Artikoli 3 u 5 - Serħan ta’ kuljum u serħan ta’ kull ġimgħa - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa minimu ta’ tnejn u erbgħin siegħa - Obbligu li jingħata s-serħan ta’ kuljum - Metodi ta’ għoti)

(2023/C 155/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Miskolci Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IH

Konvenut: MÁV-START Vasúti Személyszállító Zrt.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-serħan ta’ kuljum previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva ma jifformax parti mill-perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa previst fl-imsemmi Artikolu 5, iżda jiżdied miegħu.

2)

L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa li jaqbeż il-perijodu ta’ ħamsa u tletin siegħa konsekuttiva, hemm lok li l-ħaddiem jingħata, minbarra dan il-perijodu, is-serħan ta’ kuljum hekk kif huwa ggarantit mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

3)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta ħaddiem jingħata perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, dan għandu wkoll id-dritt li jibbenefika minn perijodu ta’ serħan ta’ kuljum li jiġi qabel l-imsemmi perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa.


(1)  ĠU C 471, 22.11.2021