|
3.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 2/12 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Amsterdam – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa fil-konfront ta’ HM (C-428/21 PPU), TZ (C-429/21 PPU)
(Kawżi Magħquda C-428/21 PPU u C-429/21 PPU) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Artikolu 27(3)(g) u (4) - Talba għal kunsens għal prosekuzzjonijiet għal reati oħra minbarra dawk li ġġustifikaw il-konsenja - Artikolu 28(3) - Talba għal kunsens għal konsenja ulterjuri tal-persuna kkonċernata lil Stat Membru ieħor - Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni - Modalitajiet)
(2022/C 2/15)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Amsterdam
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: HM (C-428/21 PPU), TZ (C-429/21 PPU)
fil-preżenza ta’: Openbaar Ministerie
Dispożittiv
L-Artikolu 27(3)(g) u (4), kif ukoll l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tibbenefika mid-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din tal-aħħar tiġi adita, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, b’talba għall-kunsens abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni kwadru, liema smigħ jista’ jseħħ fl-Istat Membru emittenti, fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan tal-aħħar ikunu f’dan il-każ marbuta li jiżguraw li d-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata jiġi eżerċitat b’mod utli u effettiv, mingħajr il-parteċipazzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiżgura li jkollha provi suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tadotta b’konjizzjoni sħiħa — u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar — id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal kunsens imressqa skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jew skont l-Artikolu 28(3) tagħha, u li tistieden, jekk ikun il-każ, lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha informazzjoni addizzjonali b’urġenza.