30.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 35/9 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski gradski sad – il-Bulgarija) – proċeduri kriminali kontra HYA, IP, DD, ZI, SS
(Kawża C-348/21) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Direttiva (UE) 2016/343 - Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċess tiegħu waqt il-kors tal-proċeduri kriminali - Artikolu 8(1) - Dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Dritt għal smigħ xieraq u drittijiet tad-difiża - Interrogazzjoni tax-xhieda tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali - Impossibbiltà ta’ smigħ tax-xhieda tal-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti kriminali tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq id-depożizzjonijiet preċedenti tal-imsemmija xhieda)
(2023/C 35/09)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski gradski sad
Parti fil-proċedura kriminali prinċipali
HYA, IP, DD, ZI, SS
fil-preżenza ta’: Spetsializirana prokuratura.
Dispożittiv
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil qorti nazzjonali, meta ma jkunx possibbli li ssir eżaminazzjoni ta’ xhud ta’ prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċedura kriminali, tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna fuq id-depożizzjoni tal-imsemmi xhud miksuba waqt smigħ li seħħ quddiem mħallef waqt l-istadju ta’ qabel din il-proċedura, iżda mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jew tal-avukat tagħha, sakemm ma jkunx hemm raġuni serja li tiġġustifika n-nuqqas ta’ dehra ta’ xhud matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li d-depożizzjoni ta’ dan ix-xhud ma tikkostitwixxix l-bażi unika jew determinanti ta’ kundanna tal-persuna akkużata u li jeżistu elementi kumpensatorji suffiċjenti sabiex jikkontrobilanċjaw id-diffikultajiet ikkawżati lil din il-persuna jew l-avukat tagħha minħabba l-fatt tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija depożizzjoni.