23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus – il-Finlandja) – Proċedura mibdija minn A

(Kawża C-296/21) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar - Direttiva 91/477/KEE - Parti III tal-Anness I - Standards u tekniċi ta’ diżattivazzjoni - Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 - Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar - Artikolu 3 - Entità ta’ verifika ċċertifikata minn awtorità nazzjonali - Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni - Entità li ma tinsabx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea - Trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea ta’ armi tan-nar iddiżattivati - Artikolu 7 - Rikonoxximent reċiproku)

(2023/C 24/11)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Parti fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Fil-preżenza ta’: Helsingin poliisilaitos, Poliisihallitus

Dispożittiv

1)

It-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008, u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment:

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, bħal kumpannija kummerċjali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “entità ta’ verifika”, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, peress li din il-persuna tinsab fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

2)

It-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta ċertifikat ta’ diżattivazzjoni ta’ arma tan-nar jinħareġ minn “entità ta’ verifika”, l-Istat Membru li fih tiġi ttrasferita l-arma tan-nar iddiżattivata huwa obbligat li jirrikonoxxi l-imsemmi ċertifikat, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jikkonstataw, waqt eżami fil-qosor tal-arma inkwistjoni, li dan iċ-ċertifikat manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.


(1)  ĠU C 289, 19.07.2021