2.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Högsta domstolen – l-Isvezja) – Norra Stockholm Bygg AB vs Per Nycander AB

(Kawża C-268/21 (1), Norra Stockholm Bygg)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tad-data personali - Regolament (UE) 2016/679 - Artikolu 6(3) u (4) - Legalità tat-trattament - Produzzjoni ta’ dokument li jinkludi data personali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ċivili - Artikolu 23(1)(f) u (j) - Protezzjoni tal-indipendenza tal-ġustizzja u tal-proċeduri ġudizzjarji - Eżekuzzjoni ta’ talbiet irregolati mid-dritt ċivili - Rekwiżiti li għandhom jiġu osservati - Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-suġġetti tad-data - Ponderazzjoni tal-interessi kunfliġġenti preżenti - Artikolu 5 - Minimizzazzjoni tad-data personali - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 7 - Dritt għar-rispett tal-ħajja privata - Artikolu 8 - Dritt għall-protezzjoni tad-data personali - Artikolu 47 - Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Prinċipju ta’ proporzjonalità)

(2023/C 155/10)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Högsta domstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Norra Stockholm Bygg AB

Konvenut: Per Nycander AB

fil-preżenza ta’: Entral AB

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni tapplika, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ċivili, għall-produzzjoni bħala prova ta’ reġistru tal-persunal li jinkludi data personali ta’ terzi persuni miġbura prinċipalment għall-finijiet ta’ kontroll fiskali.

2)

L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta ssir il-ponderazzjoni tal-punt dwar jekk għandhiex tiġi ordnata l-produzzjoni ta’ dokument li jinkludi data personali, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data u tevalwahom skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, tat-tip ta’ proċedura inkwistjoni u billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll, b’mod partikolari, minn dawk li jirriżultaw mill-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 5(1)(c) ta’ dan ir-regolament.


(1)  ĠU C 252, 28.06.2021.