|
24.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 408/15 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem – il-Pajjiżi l-Baxxi) – I, S vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
(Kawża C-19/21) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (UE) Nru 604/2013 - Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali - Artikolu 8(2) u Artikolu 27(1) - Minuri mhux akkumpanjat li qarib tiegħu ikun jinsab legalment fi Stat Membru ieħor - Ċaħda minn dan l-Istat Membru tal-applikazzjoni għal teħid inkarigu ta’ dan il-minuri - Dritt għal rimedju effettiv tal-imsemmi minuri jew ta’ dan il-qarib kontra d-deċiżjoni ta’ caħda - Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Interessi superjuri tal-wild)
(2022/C 408/16)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: I, S
Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
Dispożittiv
L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jimponi fuq l-Istat Membru li lilu tkun tressqet talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu, ibbażata direttament fuq l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu li jagħti dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu lill-minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament, li jkun qiegħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali, iżda mhux lill-qarib ta’ dan il-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-istess regolament.