DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Proċedura ta’ insolvenza – Rifjut tal-BĊE li jilqa’ t-talba tal-Bord tad‑Diretturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu intiża sabiex tingħata struzzjoni lill‑amministratur legali tal-imsemmija istituzzjoni li jagħti lill-avukat imqabbad minn dan il-bord l-aċċess għall-bini, għall-informazzjoni, għall-persunal u għar‑riżorsi ta’ din l-istituzzjoni – Kompetenza tal-awtur tal-att – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑50/20,

PNB Banka AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, F. Bonnard u V. Hümpfner, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-amministratur legali tar-rikorrenti jagħti lill-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi ta’ din tal-aħħar l-aċċess għall-bini tagħha, għall-informazzjoni fil-pussess tagħha kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq it-talbiet għal annullament

25

Ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-BĊE li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba. L-aċċess għall-bini, għall-informazzjoni, għall-persunal u għar-riżorsi tar-rikorrenti huwa allegatament indispensabbli sabiex il-Bord tad-Diretturi tagħha jwettaq ir-rwol tiegħu li jirrappreżentaha konformement mas-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923). Hija ssostni li l-Bord tad-Diretturi ma jkunx f’pożizzjoni li jirrappreżentaha b’mod effettiv jekk l-aċċess għall-informazzjoni u għall-fajls fil-pussess tagħha kif ukoll għar-riżorsi tagħha, b’mod partikolari għar-riżorsi finanzjarji tagħha, li jippermettu l-inkarigu ta’ rappreżentanza legali esterna, jiġi rrifjutat lill-avukat imqabbad mill-imsemmi bord.

26

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq allegat żball imwettaq mill-BĊE sa fejn huwa ddikjara li ma għandux kompetenza sabiex jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tad-dritt tagħha għal smigħ. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal motivazzjoni adegwata. Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kiser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat żball imwettaq mill-BĊE sa fejn huwa ddikjara li ma għandux kompetenza sabiex jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba

27

Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li l-BĊE, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità superviżorja diretta tar-rikorrenti b’effett mill-kwalifika tagħha bħala “istituzzjoni ta’ kreditu sinjifikattiva”, għandu kompetenza li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba, b’mod partikolari abbażi tad-dritt Latvjan, partikolarment l-Artikolu 1321(3) tal-Kredītiestāžu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tal‑5 ta’ Ottubru 1995 (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 163), li jipprovdi dan li ġej:

“Konformement mal-kompetenza prevista minn din il-liġi, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali (iktar ’il quddiem, il-KSFK) hija awtorizzata tikkontrolla l-attivitajiet u l-konformità tal-amministratur legali mar-restrizzjonijiet previsti minn din il-liġi. Għal dan il-għan, il-mandatarju tal-[KSFK] għandu d-dritt li jkollu għarfien tad-dokumentazzjoni kollha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu relatata ma’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, kif ukoll li jirċievi mingħand l-amministratur legali spjegazzjonijiet u kull informazzjoni utli oħra relatata mal-proċedura ta’ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.”

28

Għaldaqstant, huwa l-BĊE li għandu jikkontrolla l-attivitajiet tal-amministratur legali sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ governanza interna adegwata tar-rikorrenti. Wieħed mill-kompiti importanti tal-awtorità superviżorja huwa li tiggarantixxi li l-Bord tad-Diretturi jkun f’pożizzjoni li jwettaq effettivament ir-responsabbiltajiet tiegħu. Ir-rikorrenti tenfasizza li huwa impossibbli għall-amministrazzjoni tagħha li teżerċita r-responsabbiltajiet tagħha sakemm din ma jkollhiex aċċess għall-bini u għar-riżorsi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

29

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1024/2013 u fuq l-Artikoli 67 u 74 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rekwiżiti dwar il-miżuri ta’ governanza interna ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Hija tenfasizza li mill-Artikolu 67(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta b’mod partikolari li, f’sitwazzjoni fejn istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx stabbilixxiet il-miżuri ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tal-istess direttiva, l-awtorità superviżorja tista’ toħroġ ordni lill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli sabiex ittemm l-aġir inkwistjoni u tastjeni milli tirrepetih.

30

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-BĊE, peress li ssostitwixxa l-KSFK, għandu s-setgħa li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba sabiex tiġi ggarantita rappreżentazzjoni effettiva tar-rikorrenti għal finijiet regolatorji. F’dan il-każ, il-BĊE qiegħed jipprekludi huwa stess l-osservanza mir-rikorrenti tar-regoli superviżorji li huwa għandu l-obbligu jikkontrolla.

31

Barra minn hekk, il-BĊE rrikonoxxa li l-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti kien żamm l-istatus ta’ rappreżentant ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, il-BĊE ta lill-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tagħha l-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni relatata mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti.

32

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-BĊE jiċħad dawn l-argumenti.

33

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, b’deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2020, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni bankarja tar-rikorrenti. B’effett minn dik id-data, din ma għadhiex, fil-prinċipju, istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tar-Regolament Nru 1024/2013, suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tistax ukoll validament tallega u tinvoka obbligi tal-BĊE fir-rigward tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali fis-sitwazzjoni attwali tagħha. Madankollu, huwa paċifiku li, fil-mument tar-rifjut tal-BĊE li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba, fid‑19 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti kienet istituzzjoni ta’ kreditu. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex iġġustifikata meta tqis li l-BĊE kellu kompetenza f’dak il-mument sabiex jilqa’ t-talba tagħha.

34

Għandu jiġi indikat, mill-bidu, li r-rikorrenti tibbaża dan il-motiv, essenzjalment, fuq l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1024/2013, fuq l-Artikoli 67 u 74 tad-Direttiva 2013/36 u fuq l-Artikolu 1321(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-BĊE is-setgħa li jordna l-istruzzjoni mitluba.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE japplika, fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali bħal dak previst fl-Artikolu 4(1)(e) tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, meta dan ikun jinkludi direttivi, id-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi.

– Fuq ir-Regolament Nru 1024/2013

36

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li dan “jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju”.

37

Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi li dan “huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu kompiti superviżorji li mhumiex ikkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament”.

38

Konformement mal-Artikolu 4(1)(c) tal-istess regolament, “il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti: […] jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponi rekwiżiti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jimplimentaw arranġamenti, inkluż ir-rekwiżiti kompetenti u xierqa għall-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, proċessi għall-ġestjoni tar-riskji, mekkaniżmi interni ta’ kontroll, politiki u prattiki dwar remunerazzjoni sodi ta’ governanza u proċessi effikaċi ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern, inklużi mudelli [b]bażati fuq [k]lassifikazzjonijiet [i]nterni”.

39

L-ewwel nett, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirregola għalhekk il-portata tas-superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-BĊE, li ma tinkludix is-setgħa lil din l-istituzzjoni li tagħti struzzjonijiet li ma għandhomx rabta mal-imsemmija superviżjoni, bħal dawk mitluba mir-rikorrenti, lil amministratur legali, maħtur skont id-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mibdija fil-konfront ta’ istituzzjoni bħalma hija r-rikorrenti, li jagħti aċċess lill-avukat tal-Bord tad-Diretturi ta’ tali istituzzjoni għall-bini, għall-informazzjoni, għall-persunal u għar-riżorsi ta’ din l-istituzzjoni.

40

Is-sempliċi fatt li l-BĊE huwa l-unika istituzzjoni inkarigata bil-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 fir-rigward tal-“istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha” bl-ebda mod ma jfisser, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li huwa għandu, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu msejħa “sinjifikattivi” u għalhekk taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, bħar-rikorrenti, kompetenza iktar estiża minn dik prevista fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1024/2013.

41

Ċertament, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, fil-kuntest tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, il-BĊE huwa “esklussivament kompetenti” sabiex jeżerċita, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu 4(1) fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kollha”. Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-BĊE għandu kompetenza esklużiva sabiex jeżerċita l-kompiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha, jiġifieri kemm l-“istituzzjonijiet sinjifikattivi” kif ukoll l-istituzzjonijiet “inqas sinjifikattivi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden‑Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 3738).

42

Madankollu, fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 6(4) sa (6) tal-istess regolament, id-differenza bejn iż-żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu hija rilevanti mhux fir-rigward tal-portata tal-kompetenzi tal-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali, iżda biss għall-finijiet tat-tqassim tal-kompiti bejn il-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, sa fejn dawn jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu mill-imsemmi regolament, bl-implimentazzjoni ddeċentralizzata ta’ wħud minn dawn il-kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden‑Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 41).

43

Fil-fatt, huwa minnu li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, kompost minnu stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u jiżgura l-funzjonament effettiv u koerenti tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden‑Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 39).

44

Huwa f’dan il-kuntest li, konformement mal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jwettqu u huma inkarigati mill-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1)(b), (d) sa (g) u (i) ta’ dan ir-regolament u huma awtorizzati jadottaw id-deċiżjonijiet kollha rilevanti fil-qasam tas-superviżjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4), jiġifieri dawk li, skont il-kriterji stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni, huma “inqas sinjifikattivi” (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden‑Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 40). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu msejħa “sinjifikattivi”, bħar-rikorrenti, li fir-rigward tagħhom il-BĊE jeżerċita huwa stess direttament il-kompiti superviżorji rilevanti kollha abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

45

Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jistabbilixxux li l-kompiti ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu “sinjifikattivi” jinkludu s-setgħa li jagħti struzzjonijiet, li ma għandhomx rabta ma’ dawn il-kompiti, lil amministratur legali bħal dik mitluba mir-rikorrenti, kif ġie kkonstatat fil-punt 39 iktar ’il fuq. Huwa wkoll manifest li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali setgħa. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

46

It-tieni nett, fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 4(1)(e) tiegħu, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 127(6) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali li abbażi tagħha ġie adottat ir-Regolament Nru 1024/2013, jipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jafda lill-BĊE b’kompiti speċifiċi relatati mal-politiki fil-qasam tal-kontroll prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 52).

47

Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-Artikolu 127 TFUE jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Politika Monetarja”, tat-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, u jiffissa l-għanijiet kif ukoll il-kompiti fundamentali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 54).

48

L-eżerċizzju tal-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali bankarja msemmija fl-Artikolu 127(6) TFUE għandu l-għan li jiżgura s-sigurtà u s-solidità ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari dawk ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar u ta’ gruppi bankarji, sabiex isir kontribut għall-garanzija tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 55).

49

Barra minn hekk, it-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet hija msemmija espliċitament fil-premessi 16, 26, 30 u 65 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 56).

50

Minn dan isegwi li s-superviżjoni prudenzjali mwettqa mill-BĊE, imsemmija mir-Regolament Nru 1024/2013, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) tiegħu, għandha l-għan li tillimita riskji speċifiċi marbuta mal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fi ħdan iż-żona euro billi jiġi evitat, b’mod partikolari, il-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Il-kompetenza tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti superviżorji fdati lilu hija indispensabbli sabiex jiġu identifikati r-riskji li jheddu l-vijabbiltà tal-banek u sabiex jiġu obbligati jieħdu l-miżuri meħtieġa.

51

F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza mmexxija minn amministratur legali, konformement mad-dritt Latvjan, u l-istruzzjoni mitluba, li hija intiża biss sabiex jingħata aċċess lill-avukat tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti għall-bini, għall-informazzjoni, għall-persunal u għar-riżorsi tagħha, ma hijiex ta’ natura li tista’ tikkontribwixxi għall-ġestjoni tar-riskji li r-Regolament Nru 1024/2013 huwa intiż li jillimita. Fil-fatt, la l-vijabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni u lanqas l-istabbiltà ekonomika jew finanzjarja ma huma affettwati mill-istruzzjoni mitluba.

52

Għaldaqstant, huwa manifest li la l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1024/2013, la l-għan tagħhom, rifless b’mod partikolari fil-bażi legali tal-imsemmi regolament fit-Trattat FUE, u lanqas il-kuntest tagħhom ma jippermettu li jiġi konkluż li l-eżami tat-talba tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti intiża sabiex il-BĊE jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba jaqa’ taħt il-kompetenzi ta’ dan tal-aħħar.

– Fuq id-Direttiva 2013/36

53

Konformement mal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, “[l]-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effikaċi u jippromwovuha”.

54

Skont l-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36, dan l-artikolu japplika, b’mod partikolari, meta “istituzzjoni ma tkunx stabbilixxiet arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 [tal-imsemmija direttiva]”. Mill-Artikolu 67(2)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jkunu jistgħu jiġu applikati jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin: […] ordni li teħtieġ li l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba u li ma tirrepetix dik l-imġiba”.

55

Fir-rigward tal-governanza korporattiva ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-għanijiet tad-Direttiva 2013/36 jirriżultaw b’mod ċar mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha u, b’mod partikolari, mill-premessi 53 u 54 (sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punt 73).

56

Fil-premessa 53 tad-Direttiva 2013/36, huwa enfasizzat li “[p]unti debboli fil-governanza korporattiva f’għadd ta’ istituzzjonijiet kienu fattur li kkontribwixxa għat-teħid eċċessiv u imprudenti ta’ riskji fis-settur bankarju li wassal għall-falliment ta’ istituzzjonijiet individwali u problemi sistemiċi fl-Istati Membri u globalment […]” (sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punt 74).

57

F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur enfasizza, fl-istess premessa, li “[f]’xi każijiet in-nuqqas ta’ kontrolli u ekwilibriji effettivi fi ħdan l-istituzzjonijiet irriżulta f’nuqqas ta’ sorveljanza effettiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tad-diriġenza, li aggrava l-istrateġiji ta’ ġestjoni li jħarsu lejn l-immedjat u eċċessivament riskjużi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punt 74).

58

Għandu jiġi rrilevat li l-għanijiet tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36 huma simili għal dawk tar-Regolament Nru 1024/2013. Għaldaqstant, minkejja li l-BĊE huwa l-awtorità kompetenti sabiex jiżgura l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma tagħti kompetenza lill-BĊE sabiex jadotta miżuri istruttorji, bħall-istruzzjoni mitluba, b’mod li s-suġġett tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-BĊE jordna lill-amministratur legali jaġixxi skont l-istruzzjoni mitluba jaqa’ manifestament barra mill-kamp ta’ kompetenzi tal-BĊE. Fil-fatt, it-talba tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti, fir-realtà, għandha biss l-għan li tippermetti lill-imsemmi bord jiddisponi mill-fondi tar-rikorrenti sabiex jirremunera l-avukat tagħhom u sabiex ikollu aċċess għal dokumentazzjoni u għal informazzjoni intiżi sabiex ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ u d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv. Għaldaqstant, din it-talba ma għandhiex rabta mal-għan tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, li jirrigwarda t-tmexxija tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-istabbiliment ta’ ġestjoni soda u effikaċi tar-riskji fi ħdan l-imsemmija istituzzjoni.

59

L-Artikolu 67(1)(d) u (2)(b) tad-Direttiva 2013/36 ma jistax iqiegħed f’kontestazzjoni dak li ntqal. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, b’mod partikolari, li, f’sitwazzjoni fejn istituzzjoni ma tkunx implimentat il-miżuri ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din l-istess direttiva, l-awtorità superviżorja tista’, b’mod partikolari, toħroġ ordni li tordna lill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli ttemm l-aġir inkwistjoni u tastjeni milli tirrepetih.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istruzzjoni mitluba ma tistax titqies li taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet u li hija intiża b’mod partikolari li tillimita t-teħid ta’ riskji eċċessivi mill-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni.

– Fuq il-liġi Latvjana dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu

61

Skont ir-rikorrenti, il-BĊE, inkarigat mis-superviżjoni diretta tagħha sa mill-kwalifika tagħha bħala entità sinjifikattiva, għandu, fil-każ ineżami, l-istess kompetenzi bħal dawk mogħtija lill-KSFK mill-Artikolu 1321(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, li jipprovdi kif ġej:

“Konformement mal-kompetenza prevista minn din il-liġi, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali (iktar ’il quddiem, il-KSFK) hija awtorizzata tikkontrolla l-attivitajiet u l-konformità tal-amministratur legali mar-restrizzjonijiet previsti minn din il-liġi. Għal dan il-għan, il-mandatarju tal-[KSFK] għandu d-dritt li jkollu għarfien tad-dokumentazzjoni kollha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu relatata ma’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, kif ukoll li jirċievi mingħand l-amministratur legali spjegazzjonijiet u kull informazzjoni utli oħra relatata mal-proċedura ta’ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.”

62

Kif ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punt 35 iktar ’il fuq, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta kif ġej:

“Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet.”

63

Għandu jiġi rrilevat li l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu hija fost l-istrumenti leġiżlattivi Latvjani intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2013/36.

64

Mill-Artikolu 1321(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1024/2013 u tad-Direttiva 2013/36, ma jirriżultax li huwa l-BĊE li għandu jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba. Fil-fatt, il-proċeduri ta’ insolvenza jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fl-assenza, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu tali kompetenza lill-BĊE.

65

Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord tad-Diretturi tagħha huwa prekluż milli jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu minħabba r-rifjut tal-amministratur legali li jistabbilixxi mill-ġdid l-aċċess għall-bini u għar-riżorsi tagħha ma hijiex ta’ natura li tqiegħed f’kontestazzjoni dak li ntqal, fid-dawl, minn naħa, tal-assenza ta’ kompetenza tal-BĊE f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, tan-natura u tal-għan tal-proċedura ta’ insolvenza pendenti kontra r-rikorrenti. Fil-fatt, skont il-punt 47 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), “proċeduri normali ta’ insolvenza” tfisser “il-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza li jinvolvu divestiment parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur jew amministratur, normalment applikabbli għal istituzzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u, jew speċifiċi għal dawk l-istituzzjonijiet jew ġeneralment applikabbli għal kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika”.

66

Konsegwentement, huwa manifest li la r-Regolament Nru 1024/2013, la d-Direttiva 2013/36 u lanqas id-dritt nazzjonali ma jagħtu lill-BĊE l-kompetenza li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba.

– Fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P)

67

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-BĊE kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), għandu jiġi rrilevat li dik is-sentenza tikkonċerna l-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuna ġuridika Trasta Komercbanka, istituzzjoni ta’ kreditu, f’ċirkustanzi speċifiċi, jiġifieri r-revoka mill-istralċjarju maħtur tal-mandat tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi ta’ dik l-istituzzjoni sabiex jippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni li affettwat lil dak il-bank. Essenzjalment, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li, fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-qorti tal-Unjoni ma setgħetx, f’dawk iċ-ċirkustanzi, tieħu inkunsiderazzjoni r-revoka tal-mandat tal-avukat ikkonċernat u li, għaldaqstant, kien hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 55 tas-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li jirreferi għalih ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan il-prinċipju ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Dan il-prinċipju huwa preżentement affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta.

69

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuna ġuridika bħal Trasta Komercbanka, li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata permezz ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni bħalma huwa l-BĊE, adottata fuq il-bażi ta’ att tal-Unjoni bħar-Regolament Nru 1024/2013, hija żgurata mid-dritt li kellha din il-persuna, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tippreżenta quddiem il-qorti tal-Unjoni rikors għall-annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni.

70

F’dak il-każ, għandu jitqies li l-BĊE osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923). L-ewwel nett, wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, il-BĊE rrikonoxxa li l-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti kien għadu jirrappreżenta lil din tal-aħħar għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Għalhekk, minflok ma ġabar l-osservazzjonijiet tal-amministratur legali biss, il-BĊE talab ukoll, filwaqt li kkonforma ruħu ma’ dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti. It-tieni nett, fl-ittra li kienet tinkludi wkoll ir-rifjut tal-BĊE li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba, il-BĊE alloka l-proroga tat-terminu, fuq talba tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. It-tielet nett, f’dik l-ittra, il-BĊE ddikjara li l-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tar-rikorrent għandu aċċess għall-fajl dwar is-superviżjoni prudenzjali (supervisory file). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li, peress li rrifjuta li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba, il-BĊE kiser il-konsegwenzi tas-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 56) huwa manifestament infondat.

71

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk ikun il-każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru li għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħhom. Filwaqt li jħaddnu diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, l-imsemmija awtoritajiet għandhom madankollu jiżguraw li jingħata effett sħiħ lid-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ kompetenza tal-BĊE li jagħti lill-amministratur legali l-istruzzjoni mitluba ma ċċaħħadx ipso facto lill-persuni kkonċernati, bħar-rikorrenti, minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza, bħal dik pendenti fil-konfront tar-rikorrenti, b’risposta għal eventwali talba għal aċċess għad-dokumentazzjoni, għall-bini, għall-persunal jew għar-riżorsi tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni, huma bħala prinċipju suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, li jistgħu, jekk ikun il-każ, iressqu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE fil-każ fejn jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

73

Minn dan isegwi li l-BĊE ma kellux manifestament kompetenza sabiex jilqa’ t-talba tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti intiża li tingħata l-istruzzjoni mitluba.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ippreżentata mir-Repubblika tal-Latvja.

 

3)

PNB Banka AS hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mat-talba għal intervent.

 

4)

PNB Banka, il-BĊE u r-Repubblika tal-Latvja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2021.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

A. Kornezov


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.