|
15.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 53/66 |
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2020 – Impriża Komuni Clean Sky 2 vs NG
(Kawża T-767/20)
(2021/C 53/83)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Impriża Komuni Clean Sky 2 (rappreżentanti: M. Velardo, avukat u B. Mastantuono, aġent)
Konvenut: NG
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tikkundanna lill-konvenut iħallas lill-Impriża Komuni Clean Sky 2 l-ammont ta’ EUR 56 111,31 b’rabta mal-Ftehim ta’ Sussidju Nru 271874 WISMOA fil-kuntest tas-7 Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ interessi ta’ 3,5 % applikata mill-Bank Ċentrali għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, li jibdew jiddekorru mit-23 ta’ Mejju 2019 sad-data ta’ ħlas effettiv; |
|
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha ir-rikorrenti tinvoka l-motiv segwenti:
Il-konvenut naqas milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu billi naqas milli jirrimborsa l-ammont relatat mal-ispejjeż ta’ persunal – li tqiesu li ma kinux eliġibbli għal finanzjament. Konsegwentement, ir-rikorrenti ħarġet żewġ noti ta’ debitu għal ammont komplessiv ta’ EUR 56 111,31 diġà mħallas lil Alpha Consulting Service Srl, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sussidju. Ma hemm ebda dubju f’din il-kawża fir-rigward tal-fatti li taw lok għall-obbligi tal-konvenut fil-kapaċità tiegħu bħala msieħeb kif ukoll rappreżentant tal-impriża Alpha Consulting Service Srl, imħassra mir-reġistru tal-kumpanniji. L-oġġezzjonijiet tal-kumpannija b’konsegwenza tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu huma ġeneriċi, inkompleti u mhux issostanzjati bi provi u, għaldaqstant, jidhru li huma għalkollox infondati. Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha dritt titlob l-irkupru u r-rimbors tal-ammont imħallas flimkien mal-interessi moratorji.