1.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/28


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – Car-Master 2 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-743/20)

(2021/C 72/40)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Car-Master 2 sp. z o.o. sp.k. (Kraków, il-Polonja) (rappreżentant: M. Miśkowicz, radca prawny)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 7369 final tat-22 ta’ Ottubru 2020 fil-Każ AT.40665 – Toyota;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża, flimkien mal-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni inkorretta tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003) (1).

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-każ ma ġiex eżaminat minn awtorità Pollakka għall-kompetizzjoni konformement mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, ir-rikorrenti nnotifikat suspett ta’ applikazzjoni ta’ prattiki li jirrestrinġi l-kompetizzjoni lill-President tal-Urzęd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u l-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UOKiK”). Madankollu din l-awtorità rrifjutat li tieħu l-passi previsti mil-liġi u li twettaq evalwazzjoni tal-aġir imqiegħed inkwistjoni, billi invokat informazzjoni insuffiċjenti, u talbet lir-rikorrenti tipprovdilha informazzjoni. Fl-istess waqt l-istess awtorità ma ħadet ebda passi bil-għan li tikseb din l-informazzjoni u qiegħdet l-oneru tal-prova kollu kemm hu fuq ir-rikorrenti. Konsegwentement, l-aġir tal-awtorità ma jistax jiġi kklassifikat bħala “eżami tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet għall-Kompetizzjoni (2) kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tiċħad l-ilment. Ir-rikorrenti żżid li b’riżultat taċ-ċaħda tal-ilment mill-Kummissjoni l-każ ma jista’ jiġi eżaminat minn ebda awtorità, liema fatt essenzjalment imur kontra l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba li jirriżulta mil-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex possibbli li teżerċita d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 41(1) tal-Karta inkwantu ebda awtorità ma inkarigat lilha nnifisha bl-eżami tal-każ tagħha. Ma huwiex possibbli għaliha li taġixxi ġaladarba, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jipprevedux il-possibbiltà ta’ appell miċ-ċaħda ta’ teħid ta’ passi legali mill-President tal-UOKiK. It-tieni, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-każ billi qieset b’mod żbaljat li l-każ kien diġà ġie eżaminat. B’riżultat ta’ dan, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda milli tinvoka d-drittijiet tagħha. Ir-rikorrenti tispeċifika li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u ma evalwatx bir-reqqa s-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni messha evalwat korrettament jekk u kif ġie eżaminat il-każ u għaldaqstant imissha analizzat bir-reqqa l-aġir tal-awtorità nazzjonali ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni naqset milli twettaq dan l-obbligu u għaldaqstant naqset milli tissodisfa d-dmir ta’ premura li jirriżulta mid-dritt għal amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk il-Kummissjoni lanqas ma ssodisfat l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 105(1) TFUE. Fil-fatt, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-każ li kellha tiċħad l-ilment, il-kwistjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tibqa’ inċerta inkwantu l-awtorità nazzjonali ma tkunx tat deċiżjoni f’dan ir-rigward.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

(2)  ĠU 2004, C 101, p. 43.