8.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/58


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – ExxonMobil Production Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-731/20)

(2021/C 44/80)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: ExxonMobil Production Deutschland GmbH (Hannover, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u J. Hoss, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Diċembru 2020 (Ref. Ares (2020)7439507 – 08/12/2020); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2020, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat, fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) u tal-applikazzjoni f’dak is-sens mill-Umweltbundesamt (l-Aġenzija Federali għall-Ambjent), li tipparteċipa fit-trasferiment ta’ kwoti ta’ emissjoni biex tiżgura provviżorjament id-dritt tar-rikorrenti għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni bl-għan li tkun żgurata l-effettività tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-271/20.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

1.

L-ewwel motiv li jallega li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2020 taffettwa direttament u individwalment lir-rikorrenti. B’hekk din għandha locus standi.

2.

It-tieni motiv li jallega li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-għoti ta’ miżuri provviżorji abbażi ta’ proċeduri quddiem qorti nazzjonali, għandha l-obbligu, abbażi tal-prinċipju li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, li tipparteċipa fl-iżgurar li ma jiskadux drittijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

3.

It-tielet motiv li jallega li d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (2) jifformaw qafas regolatorju għal tali parteċipazzjoni u għat-trasferiment ta’ kwoti ta’ emissjonijiet f’kontijiet nazzjonali.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.

(2)  ĠU 2013, L 122, p. 1.