8.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/54


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2020 – Guangdong Haomei New Materials u Guangdong King Metal Light Alloy Technology vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-725/20)

(2021/C 44/77)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Guangdong Haomei New Materials Co. Ltd (Qingyuan, iċ-Ċina), Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co. Ltd (Yuan Tan Town, iċ-Ċina) (rappreżentatni: M. Maresca, C. Malinconico, D. Guardamagna, M. Guardamagna, D. Maresca, A. Cerruti, A. Malinconico, G. La Malfa Ribolla, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/1428 (UE) tat-12 ta’ Ottubru 2020, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Ottubru 2020, li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina [ĠU 2020 L 336, p. 8] imwettqa mir-rikorrenti u, sussidjarjament, ir-Regolament “Bażiku” (Regolament Nru 1036/2016), u tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattat FUE u tar-regoli tad-dritt għall-applikazzjoni tat-Trattat, ksur tal-artikoli tar-Regolament Bażiku dwar l-obbligu ta’ konstatazzjoni speċifika tal-kundizzjonijiet ta’ dumping, ksur tal-prinċipji ta’ proċedura amministrattiva ekwa, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ amministrazzjoni tajba previsti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, u fuq użu tal-aħjar informazzjoni possibbli, ksur tal-forom sostanzjali, ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba n-natura ġenerika tal-ilmenti u minħabba nuqqas ta’ verifika effettiva tal-informazzjoni pprovduta bi ħsieb ta’ kollaborazzjoni.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’illegalità inkwantu l-Kummissjoni ma kkonstatax konkretament il-kundizzjonijiet tas-swieq meħuda ikunsiderazzjoni u r-rikorrenti ma tħallewx materjalment jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-qosor, Hoamei u King Metal tqiesu li kienu responsabbli għal dumping, u għaldaqstant kienu suġġetti għal dazji ta’ natura kompensatorja, mhux minħabba aġir proprju min-naħa tagħhom fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina, iżda minħabba evalwazzjoni favorevoli komplessiva tal-ekonomija Ċiniża u għalhekk b’mod għalkollox ġeneriku. Konvinta minn dan, il-Kummissjoni eskludiet kull eżami konkret tad-dokumentazzjoni prodotta mill-impriżi hawn rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattat FUE u tar-regoli tad-dritt għall-applikazzjoni tat-Trattat, nuqqas ta’ sussistenza ta’ dumping b’riferiment għall-parametri tar-Regolament Bażiku, ksur tal-artikoli tar-Regolament Bażiku dwar id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping (Artikolu 2, u, b’mod partikolari, l-paragrafu 6a tiegħu), determinazzjoni żbaljata tal-prezz “normali” tal-prodott suġġett għal investigazzjoni, applikazzjoni tad-dazji provviorji mhux minħabba responsabbiltà personali tal-esportaturi (li lanqas ma ġiet ikkonstatata) iżda minħabba antipatija lejn il-qagħda globali tal-ekonomija Ċiniża, użu ħażin ta’ poter u nuqqas ta’ istruttorja u ta’ motivazzjoni.

F’dan ir-rigward qed tiġi sostnuta l-illegalità li tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni wettqet istruttorja inkompleta u, fi kwalunkwe każ, b’riżultat konfuż u vvizzjat ukoll bl-illegalità li tirriżulta mir-regolament dwar ir-reġistrazzjoni tal-prodotti, li diġà ġie kkontestat quddiem din il-Qorti inkwantu inkludiet fl-istruttorja kodiċijiet tal-prodott (7610 90 90) li, b’ammissjoni tagħha stess, ma għandhomx jiġu inklużi inkwantu dawn huma prodotti differenti minn dawk suġġetti għal investigazzjoni. Dan l-iżball (li ppermetta li jiġu inklużi prodotti differenti) ixejjen kemm il-kundizzjonijiet tad-dumping (inkwantu l-prezz baxx ħafna relatat inaqqas inevitabbilment u artifiċjalment il-prezz medju) kif ukoll id-danni għall-industrija tal-Unjoni ġaladarba dawn huma kwantitajiet konsiderevoli meta mqabbel mal-volum totali ta’ kwantitajiet ta’ prodott tali li jxejjnu l-effett tal-parti li jifdal tal-prodott importat fl-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni lok, l-assenza ta’ konstatazzjoni speċifika dwar il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija inkompatibbli mat-Trattat (u r-regoli ċċitati) inkwantu tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva jew għal raġuni oħra li tinsab f’kunflitt mal-prinċipju bażiku ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1993, C-381/97, Belgocodex, C-381/97, EU:C:1998:589; sentenza tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C-376/02, EU:C:2005:251) minħabba l-prezz tas-suq u tal-istruttura relattiva ta’ nfiq tas-suq prodotta numru ta’ drabi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar injorat kompletament (bħalma ġew injorati l-pożizzjonijiet tal-Gvern Ċiniż dwar is-suġġett tal-ekonomija tas-suq). Dan wassal għal illegalitajiet evidenti kemm ta’ natura sostanzjali (fuq il-kunċetti ta’ valur normali, distorsjonijiet sinjifikanti, aċċess għall-kreditu, sistema fiskali, sistema legali marbuta mal-qasam fallimentari, pajjiż rappreżentattiv u għażla ta’ dan il-pajjiż) fir-rigward tan-natura proċedurali ttrattata b’mod estensiv fil-motiv preżenti, u li pproduċew effett diskriminatorju evidenti u dannuż.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq assenza ta’ dannu, ksur tar-Regolament Bażiku (Artikoli 1, 2 u 7(1)(c)), nuqqas ta’ istruttorja, żball manifest u żnaturament tal-fatti fil-paragun tas-sehem mis-suq, nuqqas ta’ rabta kawżali, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ varjazzjoni fil-fluss totali tal-importazzjonijiet.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li r-regolament ikkontestat huwa illegali peress li, filwaqt li jiżvija mill-għan ta’ antidumping, iqis li l-kompetizzjoni Ċiniża eżerċitata minn Haoei u King Metal toħloq danu għall-industrija tal-Unjoni f’kuntest ta’ żieda sinjifikanti tal-konsum u tal-vijabbiltà tal-insustrija tal-alluminju. Għall-kuntrarju, ma hemm ebda konstatazzjoni ta’ undercutting jew underselling li skont il-ġurisprudenza hija neċessarja għall-finijiet ta’ dannu. Minflok, fil-każ tar-rikorrenti, l-assenza ta’ undercutting u ta’ underselling hija pprovata (fost id-dokumenti varji prodotti fi ħdan il-motiv) mill-prezzijiet ta’ tuq mill-fabbrika (ex works) ta’ Haomei u ta’ King Metal, li huma paragunabbli mal-prezzijiet Ewropej (Dokument 3, report Bauxite).

Barra minn hekk hemm assenza totali ta’ interess tal-Unjoni għall-impożizzjoni tad-dazju iżda hemm interess esklużiv tal-lanjanti – li l-Kummissjoni sempliċement “adottat” bħala motivazzjoni għaliha nnifisha fejn estendietha, mingħajr ma wettqet analiżi, għall-Unjoni kollha. F’tali kuntest il-Kummissjoni, mill-ġdid, injorat kompletament it-tagħrif prodott mir-rikorrenti matul il-proċedura li la ġie ttrattat fil-kontradittorju (la b’mod orali u lanqas bil-miktub) matul il-proċedura u lanqas fir-Regolament.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq assenza ta’ rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu, ksur tal-Artikoli 1, 2 u 7(1)(c) tar-Regolament Bażiku, nuqqas ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-impatt tal-COVID-19 fuq il-flussi kummerċjali, fuq l-għanijiet tal-proċedura antidumping u fuq l-adozzjoni ta’ dazji proviżorji, evalwazzjoni insuffiċjenti u żbaljata tal-effetti ta’ fatturi oħra, u nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li, minkejja l-gravità u r-rilevanza tal-pandemija għall-kummerċ internazzjonali, li diġà avvenimenti ekonomiċi mingħajr preċedenti (pereżempju, il-bejgħ taż-żejt bi prezzijiet negattivi), il-Kummissjoni ma qisitx li kellha telabora, mhux biss studju, minimu ta’ analiżi dokumentata tal-effetti tal-COVID-19 fuq il-kummerċ internazzjonali u tinkludiha fl-istruttorja.

Sussegwentement il-Kummissjoni eskludiet kull evalwazzjoni ta’ fatturi oħra li jinfluwenzaw espliċitament l-analiżi: minn naħa, iż-żieda, anki jekk minima, ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħra bħar-Russja; min-naħa l-oħra iż-żieda tal-esportazzjoni Ewropea ta’ aluminju fid-dinja (punti 284 et seq.). Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom kjarament bħala effett li jinterrompu r-rabta kawżali bejn dumping u dannu.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq illegalità dderivata tar-Regolament ta’ Reġistrazzjoni.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod ċar l-oġġett tal-importazzjonijiet li huma suġġetti għal investigazzjoni u, sabiex tiġġustifika dan, invokat skambju ta’ informazzjoni li kien għadu fis-seħħ bejn id-DG TAXUD u eżami fis-seħħ ta’ ċerti dokumenti TARIC intiż li jistabbilixxi jekk dawn l-elementi kinux rilevanti għall-analiżi.

Madankollu, il-ħtieġa tal-miżura għandha tiġi pprovata fuq il-bażi ta’ elementi tekiċi indiskutibbli. L-assenza ta’ tali analiżi, jew in-natura mhux xierqa tagħha, twassal ukoll għal ksur dirett tal-moviment liberu tal-merkanzija sa fejn ir-reġistrazzjoni sussegwentement tippreġudika n-natura negozjabbli tal-prodotti importati anki wara d-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-livell tal-miżuri, ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku minn aspett ieħor, indikazzjoni żbaljata u arbitrarja tal-ammont tad-drittijiet, nuqqas ta’ istruttorja, żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward ir-rikorrent jsostnu li l-iffissar tal-livell tal-miżuri (punti 330 et seq.) huwa vvizzjat minn żbalji. Ir-rata ta’ 30.4 % għal Haomei u King Metal hija misluta b’mod arbitrarju mill-ilment antidumping ta’ EA, fil-verżjoni kunfidenzjali tiegħu. Il-Kummissjoni, li tiddikjara saħansitra li siltet provi suffiċjenti mill-informazzjoni li tinsab fin-notifika ta’ bidu u fl-ilment, tiffissa b’mod arbitrarju marġni ta’ dumping wieħed għall-prodotti estrużi kollha. L-użu ħażin ta’ poter, fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni mill-ħsara li tista’ ġġarrab l-industrija tal-Unjoni, huwa manifest.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehim Ġenerali tat-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u, sussidjarjament, tal-illegalità tar-Regolament Bażiku jekk dan ma jiġix interpretat konformement mal-ftehimiet internazzjonali.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament 2020/1428, li l-Kummissjoni adottat fuq il-bażi legali tal-Artikolu 207 TFUE, jevita l-kunċetti previsti mid-dritt internazzjonali dwar is-suġġett. Li kieku dan ma kienx l-każ, jiġifieri li kieku ma kienx hemm illegalità li tivvizzja direttament ir-Regolament 2020/1428, l-illegalità tkun taqa’ mill-ġdid fuq ir-Regolament Bażiku.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’riferiment għall-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni ekwivalenti għal sanzjoni kriminali minħabba l-effetti prodotti fuq l-impriżi esportaturi.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kumpanniji rikorrenti, l-applikazzjoni tad-drittijiet inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq tal-attività tagħhom, liema fatt joħloq preġudizzju irreparabbli u paragunabbli għal dak ta’ sanzjoni kriminali, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’numru ta’ okkażjonijiet.