10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/56


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2020 – OQ vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-713/20)

(2021/C 182/76)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Partijiet

Rikorrent: OQ (rappreżentant: R. Štaba, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

b’konformità mal-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal tat-3 ta’ Settembru 2020, adottata fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/378/20 (AD7) – Ġuristi lingwista (AD 7) fil-lingwa Kroata (HR), qasam: ġuristi lingwista fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 72 A – tal-5 ta’ Marzu 2020, u

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal tat-12 ta’ Ottubru 2020, adottata fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/378/20 (AD7) – Ġuristi lingwista (AD 7) fil-lingwa Kroata (HR), qasam: ġuristi lingwista fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 72 A – tal-5 ta’ Marzu 2020,

u tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenuta marret lil hinn mis-setgħat tagħha.

Fit-12 ta’ Ottubru 2020, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal adotta deċiżjoni li permezz tagħha ċaħad l-ilment tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2020 dwar l-esklużjoni tagħha mill-pass segwenti tal-kompetizzjoni minħabba li, b’mod partikolari, hija ma għandhiex kwalifika fid-dritt Kroat u lanqas konoxxenza tad-dritt Kroat u li d-digriet tat-13 ta’ Marzu 2013 li jirrikonoxxilha din il-kwalifika fir-Repubblika tal-Kroazja ma jinkludix paragun tal-programmi ta’ studju. B’dan il-mod, l-EPSO għamel l-evalwazzjoni proprja tiegħu, minkejja li ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma tagħtih il-kompetenza f’dan is-sens, u, b’hekk, l-EPSO kiser il-prinċipju tat-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu, għaliex huwa paċifiku li l-evalwazzjoni tal-kwalifiki barranin għandha ssir esklużivament mill-awtorità nazzjonali legalment awtorizzata għal dan il-għan, li hija, f’dan il-każ, l-Agencija za znanost i visoko obrazovanje (l-Aġenzija Kroata tax-Xjenzi u l-Istudji Superjuri), b’konformità mal-liġi dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, mar-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-kwalifiki barranin ta’ studji superjuri u mal-kriterji ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent professjonali. Ġie miksur prinċipju fundamentali, jiġifieri l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

L-EPSO aġixxa b’mod arbitrarju u b’mod diskrezzjonarju billi ma ħa inkunsiderazzjoni la l-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, la l-ġurisprudenza tal-Ustavni Sud (il-Qorti Kostituzzjonali) tar-Repubblika tal-Kroazja u d-digriet tal-Aġenzija tax-Xjenzi u l-Istudji Superjuri tat-13 ta’ Marzu 2013, li rrikonoxxa l-kwalifika barranija tar-rikorrenti, u lanqas il-fatt li r-rikorrenti ġiet irreġistrata fil-lista ta’ avukati bi prova mal-Kamra tal-Avukati Kroata, b’konformità mal-Liġi Kroata dwar il-professjoni ta’ avukat, u li, għall-għan ta’ din ir-reġistrazzjoni, il-kwalifika barranija tar-rikorrenti ġiet ikkunsidrata bħala ekwivalenti għall-kwalifika Kroata neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ avukat bi prova. Ir-rikorrenti wettqet il-prattika tagħha ma’ uffiċju ta’ avukati u minn dan jirriżulta b’mod ċar, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-konvenuta, li r-rikorrenti għandha konoxxenza tas-sistema legali Kroata kif ukoll tad-dritt Kroat u li għandha livell suffiċjenti ta’ konoxxenza professjonali u ta’ esperjenza għall-pożizzjoni kkonċernata, li għaliha hija organizzata l-kompetizzjoni (ir-rikorrenti, fil-frattemp, laħqet għamlet b’suċċess l-eżami tal-warrant). L-EPSO lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti għandha iktar minn tliet snin ta’ esperjenza fil-qasam tat-traduzzjoni.