25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/56


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2020 – NZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-668/20)

(2021/C 28/85)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: NZ (rappreżentant: H. Tagaras, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tapplika l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba fil-punt 35 tar-[rikors] (kif ukoll f’dawk imsemmija fil-punti 21 u 30), u, fi tmiem il-proċedura;

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha intiż għall-annullament, prinċipalment, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-bord tal-kompetizzjoni COM/1/AD10/18 li isimha ma jiġix inkluż fuq il-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha u, sussidjarjament, tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-bord tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mhux biss minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni iżda wkoll minħabba kontradizzjoni manifesta fil-motivazzjoni mogħtija, minħabba l-fatt b’mod partikolari li minkejja li l-marka litterali tar-rikorrenti kienet suffiċjenti għall-inklużjoni tagħha fuq il-lista ta’ riżerva, fil-kriterji kollha użati, (“very strong”), il-bord taha bħala medja marka inferjuri (“strong to very strong”) li wassal għall-esklużjoni tagħha mil-lista.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tal-bdil kontinwu fil-kompożizzjoni tal-bord, kif ukoll minħabba l-fatt li xi kandidati, bl-istess identiċi evalwazzjonijiet letterali bħar-rikorrenti, ġew inklużi fil-lista ta’ riżerva.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw il-funzjonament tal-bord u tal-kumitati ta’ għażla.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-ksur allegat mir-rikorrenti abbażi tat-tieni motiv.