5.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/24


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awissu 2020 – Bonicelli vs L-Impriża Konġunta Fusion for Energy

(Kawża T-520/20)

(2020/C 329/44)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Tullio Bonicelli (Badalona, Spanja) (rappreżentant: N. Lhoëst, avukat)

Konvenuta: L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta’ Fusion for Energy tal-24 ta’ Ottubru 2019, ippubblikata fl-istess jum, u li fiha l-lista tal-membri tal-persunal promossi għall-proċedura ta’ promozzjoni 2019, sa fejn isem T. Bonicelli ma jinsabx fiha;

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni ta’ Fusion for Energy tat-8 ta’ Mejju 2020 li tiċħad l-ilment ta’ T. Bonicelli ppreżentat fit-22 ta’ Jannar 2020 kontra l-lista tal-membri tal-persunal promossi għall-proċedura ta’ promozzjoni 2019;

tikkundanna lil Fusion for Energy għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-abbuż u l-użu ħażin ta’ poter, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka r-rifjut sistematiku tal-konvenuta li tagħti promozzjoni lil kwalunkwe uffiċjal għall-grad AD 14 u jqis li dan ir-rifjut jeċċedi kunsiderevolment is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni li l-konvenuta ma wrietx li wettqet eżami tal-merti tar-rikorrent u paragun tal-merti tiegħu ma’ dawk tal-uffiċjali l-oħra kklassifikati fil-grad AD 13.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq id-diskriminazzjoni tar-rikorrent li, fil-kwalità tiegħu ta’ kap ta’ unità, ma jibbenefikax mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(8) u (9) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li huwa wkoll vittma tar-rifjut tal-konvenuta li tagħti promozzjoni lil kwalunkwe uffiċjal għall-grad AD 14. B’hekk, ċerti uffiċjali li għandhom l-istess grad bħar-rikorrent, iżda li ma humiex kapijiet ta’ unità, jistgħu jirċievu remunerazzjoni ogħla.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka r-rapporti ta’ evalwazzjoni eċċellenti tiegħu, il-konsistenza fit-tul tal-merti tiegħu, il-livell ta’ responsabbiltajiet imwettqa, l-użu ta’ diversi lingwi fil-kuntest tax-xogħol tiegħu, l-anzjanità tiegħu fil-grad u l-proposta tas-superjur ġerarkiku tiegħu li jiġi promoss fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2019, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni f’dan l-istess sens tal-Kumitat Konġunt tal-Promozzjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrent iqis li l-motivazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra għaċ-ċaħda tal-ilment tiegħu hija nieqsa minn informazzjoni speċifika għall-każ tiegħu, u dan huwa ekwivalenti għal assenza totali ta’ motivazzjoni.