5.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/23


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2020 – Fachverband Spielhallen u LM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-510/20)

(2020/C 329/42)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Fachverband Spielhallen eV (Berlin, il-Germanja) u LM (rappreżentanti: A. Bartosch u R. Schmidt, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-konvenuta ċaħdet b’mod definittiv l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tal-miżura 3 jiġifieri t-tnaqqis tat-taxxa fuq in-negozju u tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji wara t-tnaqqis tal-ammonti mħallsa fil-kuntest tal-imposta fuq il-profitti skont l-Artikolu 14 SpielbankG NRW mill-ammont suġġett għal dawn it-taxxi fil-Land Nordrhein-Westfalen u b’hekk irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ din il-miżura;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)8819 final tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44944 (2019/C ex 2016/FC) – Trattament fiskali tal-operaturi ta’ casinos pubbliċi fil-Ġermanja u għajnuna mill-Istat SA.53552 (2019/C ex 2019/FC) – Garanzija allegata għall-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja – il-Ġermanja.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw motiv uniku bbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tiftaħ, ukoll fir-rigward tal-miżura 3, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet:

Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni meta saret il-klassifikazzjoni tal-imposta fuq il-profitti skont l-Artikolu 14 SpielbankG NRW, il-verżjoni preċedenti, bħala taxxa – stabbiliment ta’ premessa żbaljata għall-investigazzjoni.

Assenza ta’ klassifikazzjoni tal-imposta fuq il-profitti skont l-Artikolu 14 SpielbankG NRW, il-verżjoni preċedenti, bħala taxxa skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Ġermaniż.

Argumenti mhux xierqa mressqa mill-konvenuta sabiex issostni n-natura fiskali tal-imposta fuq il-profitti.

Distinzjoni bejn it-taxxi fuq il-profitti ġenerali u speċjali – inverżjoni tar-relazzjoni regola-eċċezzjoni.