19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/22


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Lulju 2020 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-469/20)

(2020/C 348/31)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman, J. Langer u M. de Ree, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) final 2998 tat-12 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) – il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni sostniet li Vattenfall kienet kisbet vantaġġ.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni wettqet tqassim żbaljat tal-oneru tal-prova.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE peress li l-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni għad-dubju li hija kellha dwar id-dritt għal kumpens kif ukoll milli tistabbilixxi l-ammont ta’ kumpens żejjed li Vattenfall kienet irċeviet, kif ukoll minħabba li din id-deċiżjoni hija intrinsikament kontradittorja.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE peress li l-Kummissjoni ddikjarat il-kumpens mogħti lil Vattenfall bħala kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma hija kompetenti biex tagħmel hekk.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi jekk il-kumpens mogħti lil Vattenfall għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.