31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/43


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2020 – LA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-456/20)

(2020/C 287/63)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: LA (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2019, li permezz tagħha r-rikorrenti ma ġietx inkluża fil-lista tal-kandidati ammessi għall-fażi suċċessiva maċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni tal-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19;

tannulla d-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2019, li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba għal eżami mill-ġdid;

tannulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2020 li permezz tagħha ġie miċħud ir-rikors amministrattiv ippreżentat skont l-Artikolu 90 II tar-Regolamenti tal-Persunal.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

F’dan ir-rigward jiġi invokat il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal), sa fejn il-Bord tal-Għażla ma ħax inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet professjonali b’kuntrast evidenti mad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni u mal-funzjonijiet assenjati lill-kandidati magħżula.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

F’dan ir-rigward jiġi invokat li matul il-fażi tal-Osservatur tal-Kapaċitajiet (Talent Screener), il-Bord tal-Għażla ma żammx mal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni u b’hekk ma ġietx żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju magħqud ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

Ir-rikorrenti tilmenta f’dan ir-rigward in-nuqqas sostanzjali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jaffettwa d-dritt tad-difiża tagħha u d-dritt tagħha għal opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illeġittimità tal-avviż ta’ kompetizzjoni skont l-Artikolu 277 TFUE.

F’dan ir-rigward jiġi invokat li, b’kuntrast mal-Artikolu 1(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriżerva lill-Awtorità tal-Ħatra d-determinazzjoni tan-natura tal-eżamijiet, it-tipi ta’ eżamijiet kif ukoll il-mod kif dawn jiġu evalwati, fil-proċedura preżenti d-determinazzjoni tal-fatturi għat-tweżin (weighting factors) ġiet stabbilita mill-Bord tal-Għażla, meta din kienet il-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra, skont id-dispożizzjoni msemmija.