24.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/57


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2020 – Max Heinr.Sutor vs SRB

(Kawża T-427/20)

(2020/C 279/72)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Max Heinr.Sutor OHG (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Glos, H. Nemeczek u T. Kreft, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-15 ta’ April 2020 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għas-sena 2020 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2020/24 – 1405146-2020-JB), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-SRB għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi segwenti:

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 (1), minħabba li flus ta’ klijenti miżmuma taħt trust mir-rikorrenti ma ġewx esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għas-sena 2020.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), minħabba li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn tistabbilixxi żieda ta’ 200 darba fl-imposta bankarja fuq il-bażi biss tal-obbligi miżmuma taħt trust li kienu indikati mir-rikorrenti fil-bilanċ tagħha u li ma jġorru l-ebda riskju.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li d-deċiżjoni ttrattat lir-rikorrenti b’mod differenti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-istandards tal-kontabbiltà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma jirrikjedux l-indikazzjoni tal-obbligi miżmuma taħt trust jew li japplikaw l-istandards IFRS, kif ukoll minn ditti ta’ investiment li jiġġestixxu flus ta’ klijenti, u dan mingħajr din id-differenza fit-trattament ma hija oġġettivament iġġustifikata.

4.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba li d-deċiżjoni tikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ intrapriża sa fejn l-inklużjoni tal-obbligi miżmuma taħt trust li ma jġorru ebda riskju fil-bażi ta’ kalkolu twassal għal żieda fl-imposta bankarja għar-rikorrenti għas-sena 2020 b’fattur ta’ 200, mingħajr ma tali ndħil ma huwa ġġustifikat.

5.

Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 49 TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 54 TFUE minħabba li d-deċiżjoni tillimita lir-rikorrenti milli teżerċita b’mod liberu l-attività tagħha fl-Istat Membru fejn għandha l-istabbiliment prinċipali tagħha, liema limitazzjoni hija sproporzjonata u tiddiskrimina kontra r-rikorrenti meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri oħra.

6.

Is-sitt motiv: ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta minħabba li r-rikorrenti ma nstemgħetx f’sessjoni eżekuttiva tal-Bord tal-konvenut qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

7.

Is-seba’ motiv: ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn id-deċiżjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-motivazzjoni ta’ atti legali adottati mill-awtoritajiet amministrattivi Ewropej.

8.

It-tmien motiv (sussidjarju): nullità tal-bażi legali għall-bażi ta’ kalkolu fis-sens tal-Artikolu 14(2) ikkunsidrat flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li skont l-istandards tal-kontabbiltà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għandhom jindikaw l-obbligi miżmuma taħt trust bħala obbligi fil-karta tal-bilanċ tagħhom ma ġewx ittrattati bl-istess mod, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra li l-istandards tal-kontabbiltà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma jirrikjedux li jindikaw l-obbligi miżmuma taħt trust jew li japplikaw l-istandards tal-kontabbiltà IFRS

9.

Id-disa’ motiv (sussidjarju): nullità tal-bażi legali għall-bażi ta’ kalkolu fis-sens tal-Artikolu 14(2) ikkunsidrat flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 minħabba ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta sa fejn id-deċiżjoni tikkostitwixxi ndħil mhux ġustifikat fil-libertà ta’ intrapriża.

10.

L-għaxar motiv (sussidjarju): nullità tal-bażi legali għall-bażi ta’ kalkolu fis-sens tal-Artikolu 14(2) ikkunsidrat flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 minħabba ksur tal-Artikolu 49 TFUE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 54 TFUE sa fejn tikser il-libertà ta’ stabbiliment.


(1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

(2)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

(3)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).