3.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/28


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2020 – El Corte Inglés vs EUIPO – Europull (GREEN COAST)

(Kawża T-361/20)

(2020/C 255/37)

Lingwa tar-rikors: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: El Corte Inglés, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentant: J. L. Rivas Zurdo, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Europull Srl (Carpi, l-Italja)

Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO

Proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża: ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali

Trade mark kontenzjuża kkonċernata: it-trade mark figurattiva GREEN COAST – Trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 14 936 694

Proċedimenti quddiem l-EUIPO: proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-30 ta’ Marzu 2020 fil-Każ R 1555/2019-4

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn billi tiċħad l-appell tar-rikorrenti hija tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni Nru 13 595 C, li tilqa’ t-talba għal annullament, u tikkonferma l-invalidità tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 14 936 694 GREEN COAST, għal prodotti fil-klassi 25.

tikkundanna lill-parti jew lill-partijiet li jopponu dan ir-rikors għall-ispejjeż.

Motivi invokati

Id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-prova tad-dritt preċedenti (trade mark Taljana li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha għandha n-Nru MO1997C000283 u hija mniżżla fir-reġistru bin-Nru 0001247661), essenzjalment sa fejn fil-punt 22 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell iqis li din il-prova kienet ġiet prodotta, u sa fejn fil-punti 15 sa 21, hija tesponi l-elementi prinċipali li jippermettulha li tasal għal din il-konklużjoni.

Ksur tal-Artikolu 12(2)(a) kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(b)(i) li għalih jirreferi l-artikolu preċedenti, kif ukoll, b’analoġija, tal-Artikolu 7(2)(ii) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625.

Ksur tal-Artikolu 18(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.