27.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/25


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2020 – CX vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-280/20)

(2020/C 247/35)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: CX (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni, bid-data tat-28 ta’ Ġunju 2019, fil-fajl CMS 12/042, taħt riferiment Ares(2019)4110741, li tirrevoka lir-rikorrent skont l-Artikolu 9(1)(h) tal-Annesss IX tal-Istatut, mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għal pensjoni;

tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2020, taħt riferiment Ares(2020)577152, innotifikata l-istess jum, li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra tiċħad l-ilment tar-rikorrent, li kien ressaq fit-28 ta’ Settembru 2019, taħt ir-riferiment R/538/19, kontra d-deċiżjoni kontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha, skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza tal-materjalità tal-fatti kkritikati, taż-żnaturament tal-provi, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, tal-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari r-rikorrent isostni li l-iżnaturament tal-unika prova miżmuma kontra tiegħu huwa kkostitwit peress li l-Awtorità tal-Ħatra tallega allegat “negozjar tal-prezz mhux awtorizzat” ibbażat fuq ittra elettronika unika, minkejja li l-istess test tiegħu juri li r-rikorrent illimita lilu nnifsu li jitrażmetti lill-kuntrattur, f’konformità perfetta mal-kuntratt qafas, istruzzjoni ċara u inekwivoka, ’il bogħod minn kull “negozjar” li kellu bżonn, għall-inqas, id-diskussjonijiet kollha bil-għan ta’ ftehim ma’, jekk ikun il-każ, abbandun tal-allegazzjonijiet minn naħa u minn oħra. Ir-rikorrent iżid li l-iskambji li seħħew bejnu u l-kuntrattur li jistabbilixxu biss il-proċess kooperattiv u ripetut ta’ xogħol intiż li jistabbilixxi verżjoni finali tal-kwistjonarju u tas-servizzi konnessi u f’ebda każ “negozjar”. B’dan il-mod, l-Awtorità tal-Ħatra tkun ibbażat ilment minn fatti mhux stabbiliti u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ta’ kemm ilhom jeżistu l-fatti kkritikati u l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà dixxiplinarja. Skont ir-rikorrent, il-fatti kkritikati lilu huma ttraċċjati lura rispettivament, għal Settembru 2001 u Ġunju 2003, jiġifieri 18 u 16-il sena qabel id-data tad-deċiżjoni kkontestata. Il-proċedura dixxiplinata nfetħet fis-7 ta’ Frar 2013, jiġifieri diġà rispettivament 11 u 9 snin wara d-data tal-fatti kkritikati. Ir-rikorrent iqis li t-terminu bejn il-fatti kkritikati u d-deċiżjoni kkontestata huwa manifestament mhux raġonevoli. Huwa jżid li l-antikità tal-fatti missha wasslet lill-Awtorità tal-Ħatra li jikkunsidra mitigazzjoni tar-responsabbiltà dixxiplinari tiegħu, saħansitra li jgħid li din ir-responsabbiltà hija preskritta.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-ksur tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma laqgħatx it-talbiet varji tiegħu, li bdew fil-bidu tal-proċedura fl-2013, ta’ produzzjoni tad-dokumenti li ġġudika indispensabbli għad-difiża tiegħu, jiġifieri b’mod partikolari l-ittri elettroniċi kollha tiegħu dwar iż-żewġ ilmenti li kienu kkritikati lilu, il-kuntratt qafas, il-kwistjonarji intermedji u finali tal-istħarriġ inkwistjoni, kif ukoll il-fajl finanzjarju relattiv tiegħu. Wieħed isib hemm il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u l-ksur tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq vizzji ta’ forma u ta’ proċedura u tal-ksur tad-dmir li wieħed jistaqsi b’mod approfondita, li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw. Ir-rikorrent jiddikjara li mis-16 ta’ April 2018, il-qorti ta’ korrezzjoni ta’ [kunfidenzjali] (1) ġġudikat li ebda fatt ma kien stabbilit u ħelset lir-rikorrent “mill-prevenzjonijiet kollha kontrih” billi ġie ppreċiżat li din il-qorti, iddeċediet eżattament fuq l-istess fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u qalet li ma kinux stabbiliti. Ir-rikorrent iqis ukoll li billi ma ttrażmettietx lill-kunsill ta’ dixxiplina element daqstant fundamentali ta’ deċiżjoni ta’ ġustizzja, li saret definittiva, li ħelset totalment ir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra kisret l-obbligu tagħha li tikkomunika lill-kunsill ta’ dixxiplina d-dokumenti kollha rilevanti u utli għall-istabbiliment tal-opinjoni tagħha u wettqet vizzju ta’ proċedura.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dmir ta’ imparzjalità. Skont ir-rikorrent, is-Segretarju Ġenerali kiteb lill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni, lil żewġ membri tal-Kummissjoni, lid-Direttur Ġenerali li jiddependi minnu, lid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani, kif ukoll lill-Awtorità tal-Ħatra li l-investigazzjoni “ikkonfermat il-kunflitt ta’ interessi u qiegħdet għall-evidenza diversi irregolaritajiet fil-kap tal-persuna kkonċernata”, li jikkostitwixxi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dmir ta’ imparzjalità.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-użu ta’ dokument qabel ma ġie kkunsidrat bħala legalment ineżistenti, tal-ineżistenza stess tal-imsemmi dokument u tal-ksur tal-Artikolu 1(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”). Ir-rikorrent jirrileva li l-OLAF qatt ma semgħetu fuq il-fatti kkonċernati bejn it-3 ta’ Mejju 2011 u t-18 ta’ April 2012, data tat-trażmissjoni tar-rapport tagħha, u li dan il-ksur tal-obbligu tagħha li tisma’ lir-rikorrent qabel ma tiffinalizza r-rapport tagħha għandu jwassal għall-ineżistenza legali tiegħu.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolament, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-aspettattivi leġittimi u ta’ żbal manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li s-sanzjoni ma hijiex adegwata mal-fatti miżmuma. Ir-rikorrent jiddikjara f’dan ir-rigward li s-sanzjoni deċiża mill-Awtorità tal-Ħatra hija manifestament disproporzjonata. Fil-fehma tiegħu, il-fatti miżmuma kontrih huma ta’ importanza relattiva ħafna, billi s-somma inkwistjoni togħla għal EUR 2 000. Barra minn hekk, dawn il-fatti huma antiki ħafna. Issa, is-sanzjoni deċiża twassal li tiċħad lill-familja tar-rikorrent minn kull riżors u minn kull kopertura ta’ mard, liema fatt huwa manifestament disproporzjonat.


(1)  Data kunfidenzjali moħbija.