27.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/22


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2020 – Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-275/20)

(2020/C 247/32)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Westfälische Drahtindustrie GmbH (Hamm, il-Ġermanja), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (Hamm) u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (Iserlohn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: O. Duys u N. Tkatchenko, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara invalida l-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2020, li permezz tagħha l-Assistent Direttur Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni talbet li l-ewwel rikorrenti tħallas lill-Kummissjoni ammont ta’ EUR 12 236 931.69;

konsegwentement, tiddikjara li l-ħlasijiet magħmula mill-ewwel rikorrenti lill-Kummissjoni bejn id-29 ta’ Ġunju 2011 u s-16 ta’ Ġunju 2015 fl-ammont ta’ EUR 16 400 000 flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti fl-ammont ta’ EUR 1 420 610, li flimkien jammontaw għal EUR 17 820 610, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-multa awtonoma imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T-393/10, EU:T:2015:515) b’effett mill-15 ta’ Lulju 2015 u li, minħabba l-ħlas tas-17 ta’ Ottubru 2019 fl-ammont ta’ EUR 18 149 636.24, din il-multa diġà tħallset fl-intier tagħha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-ewwel rikorrenti ammont ta’ EUR 1 633 085.17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis-17 ta’ Ottubru 2019, kif ukoll interessi moratorji bir-rata medja applikata mill-BĊE fiż-żmien rilevanti għat-tranżazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 % mis-17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;

sussidjarjament, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tħallas danni lill-ewwel, lit-tieni u lit-tielet rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 12 236 931.69 bi tpaċija tal-ammont ta’ EUR 12 236 931.69 mitlub mill-Kummissjoni lill-ewwel rikorrenti permezz tal-ittra tat-2 ta’ Marzu 2020 u li tħallas lill-ewwel rikorrenti l-ammont ta’ ħlas żejjed li huwa ta’ EUR 1 633 085.17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis-17 ta’ Ottubru 2019 u interessi moratorji kkalkolati bir-rata medja applikata mill-BĊE fiż-żmien rilevanti għat-tranżazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 % mis-17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;

u, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE minħabba azzjoni insuffiċjenti (kontinwa) sabiex tiġi żgurata konformità fir-rigward tal-annullament tal-multa invalida, ikkawżat min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tad-dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ invalidità fir-rigward tal-multa li saret invalida (b’mod retroattiv). Il-Qorti Ġenerali la żammet u lanqas ikkonfermat il-multa invalida, iżda ordnat lir-rikorrenti jħallsu l-multa ġdida u awtonoma imposta minnha.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 99(4) u tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) minħabba li ġew aċċettati b’mod żbaljat interessi moratorji mill-4 ta’ Jannar 2011 għaliex il-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligi tagħha, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni favur ir-rikorrenti l-ħlasijiet magħmula indebitament (ex tunc) mill-ewwel rikorrenti sal-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015 u l-interessi kumpensatorji li kienu saru dovuti fuq il-multa imposta mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali b’effett mill-15 ta’ Lulju 2015.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem minħabba ż-żieda (de facto) tal-multa imposta mill-Qorti Ġenerali, peress li l-Kummissjoni talbet, b’mod indebitu, ħlas mir-rikorrenti ta’ interessi moratorji retroattivi sa mill-4 ta’ Jannar 2011.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u tal-Artikolu 99(4)(b) tar-Regolament Nru 2018/1046 minħabba kalkolu żbaljat tal-ammont massimu ammissibbli tal-ammont ta’ interessi moratorji dovuti mill-15 ta’ Ottubru 2015.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE minħabba ksur tal-prinċipji u tar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba peress li l-Kummissjoni qiegħda titlob b’mod indebitu mir-rikorrenti ħlas ta’ somma (addizzjonali) (flimkien ma’ interessi moratorji) li taqbeż il-multa imposta mill-Qorti Ġenerali (flimkien mal-interessi moratorji).


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).