6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 222/33


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2020 – Pšonka vs Il-Kunsill

(Kawża T-269/20)

(2020/C 222/36)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Viktor Pavlovyč Pšonka (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentant: M. Mleziva, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/373 tal-5 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/370 tal-5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (2), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrent; tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrent.

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jargumenta b’mod partikolari li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma weriex id-diliġenza meħtieġa, peress li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma eżaminax id-dikjarazzjonijiet lanqas il-provi prodotti mir-rikorrent, li jimmilitaw favur tiegħu, u li huwa bbaża biss fuq il-preżentazzjoni qasira tal-Prokuratur Ġenerali tal-Ukraina u ma talab ebda informazzjoni supplementari dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjoni fl-Ukraina.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-proprjetà tar-rikorrent

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li r-restrizzjonijiet li huma adottati kontrih huma sproporzjonati, inutli u jippreġudikaw il-garanziji internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà tar-rikorrent.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li ngħataw lilu mill-Kunvenzjoni Ewropea għal Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontrih ippreġudikaw id-dritt tiegħu għal proċess xieraq, għall-preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll għall-protezzjoni tal-proprjetà privata.


(1)  ĠU 2020, L 71, p 10.

(2)  ĠU 2020, L 71, p. 1.