29.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 215/59 |
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-259/20)
(2020/C 215/68)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F. Laprévote, S. Rating u I. Metaxas-Maranghidis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56765 (1); u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
— |
ir-rikorrenti talbet ukoll li l-azzjoni tagħha tiġi ddeterminata taħt il-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni minn diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-moviment liberu tas-servizzi li fuqhom ġiet ibbażata l-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni sa minn tmiem is-snin tmenin. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni ppermettiet it-tkattir ta’ linji tal-ajru low-cost li verament huma pan-Ewropej. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tinjora r-rwol ta’ tali linji tal-ajru pan-Ewropej fl-istruttura tas-suq ta’ Stati Membri tal-Unjoni billi tippermetti lil Franza tirriżerva għajnuna biss għal dawk il-linji tal-ajru tal-Unjoni li lilhom Franza ħarġet liċenzji ta’ operat tal-Unjoni. L-Artikolu 107(2)(b) TFUE jipprovdi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE iżda ma jipprovdix eċċezzjoni għar-regoli u prinċipji oħra tat-TFUE. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-istħarriġ tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna għall-ħsara kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji, u fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti min-naħa tagħha. |
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni tagħha. |
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56765 (2020/N) – Franza COVID-19 – Moratoire sur le paiement de taxes aéronautiques en faveur des entreprises de transport public aérien (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).