22.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/35


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2020 – Price vs Il-Kunsill

(Kawża T-231/20)

(2020/C 209/46)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: David Price (Le Dorat, Franza) (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tissospendi d-deċiżjoni f’din l-istanza billi tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domandi preliminari segwenti fi proċedura mgħaġġla:

1.

L-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jħassar iċ-ċittadinanza taċ-ċittadini Britanniċi li, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kienu jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

2.

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, tal-punt 6 tal-preambolu tiegħu u tal-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kkunsidrati flimkien għandhom jitqiesu bħala li ppermettew lil dawn iċ-ċittadini Britanniċi li jżommu, mingħajr esklużjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza Ewropea li kienu jgawdu minnhom qabel l-irtirar tal-pajjiż tagħhom mill-Unjoni Ewropea?

3.

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Ftehim dwar il-ħruġ jikser l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sa fejn dan ma jinkludix dispożizzjoni li tippermettilhom li jżommu dawn id-drittijiet mingħajr esklużjoni?

4.

F’kull każ, l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ jikser l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn iċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt għal moviment liberu u għall-istabbiliment liberu tagħhom fir-Renju Unit mid-dritt għall-vot u għall-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet lokali f’dan il-pajjiż u, jekk il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jinterpretawh bl-istess mod bħall-Kunsill tal-Istat Franċiż, dan il-ksur jestendi wkoll għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw il-moviment liberu u l-istabbiliment liberu tagħhom?

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sa fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jippermettix li jiġi protett b’mod sħiħ id-dritt għas-saħħa ta’ dawn iċ-ċittadini u sa fejn dawn l-atti jiddistingwu b’mod awtomatiku u ġenerali, mingħajr ebda kontroll ta’ proporzjonalità, liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit mill-1 ta’ Frar 2020, u tannulla b’mod partikolari s-sitt paragrafu tal-preambolu u l-Artikoli 9, 10 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi l-ispejjeż tal-avukat li jammontaw għal EUR 5 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kontroll tal-proporzjonalità tat-tneħħija taċ-ċittadinanza Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini Britanniċi. Ir-rikorrent isostni li bħala ċittadin Ewropew li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Unjoni u li ilu assenti mit-territorju Britanniku għal iktar minn ħmistax-il sena, huma ma ġiex awtorizzat jivvota waqt ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 dwar l-appartenenza tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ demokrazija, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ moviment liberu, ta’ libertà tal-espressjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tas-sistema legali tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inerenti għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent isostni b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra s-sistema legali tal-Unjoni, li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament taċ-ċittadini kollha, u kontra s-sistema legali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata twassal għat-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti tiegħu, miksub wara ħames snin ta’ residenza kontinwa fi Stat Membru, mingħajr ma ġew previsti l-konsegwenzi konkreti ta’ dan it-telf u fuq kollox mingħajr ma ġie eżerċitat ebda kontroll tal-proporzjonalità.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tolqot id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tiegħu sa fejn din tneħħilu ċ-ċittadinanza Ewropea u, għaldaqstant, id-dritt li jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa ma huwiex ċittadin tiegħu, iżda li fuq it-territorju tiegħu huwa fforma l-ħajja tal-familja tiegħu.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-vot u għall-eliġibbiltà taċ-ċittadini Britanniċi għall-elezzjonijiet lokali u Ewropej. Skont ir-rikorrent, l-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ jikser l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni kkontestata għandha b’hekk tiġi annullata sa fejn din tirratifika ftehim li jinkludi dispożizzjoni li toħloq diskriminazzjoni bejn ċittadini Britanniċi.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq id-distinzjoni awtomatika u ġenerali, magħmula mill-Ftehim dwar il-ħruġ, bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit mingħajr kontroll tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadini Britanniċi mill-1 ta’ Frar 2020. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li t-tneħħija taċ-ċittadinanza Ewropea ma tistax tkun awtomatika u ġenerali, li kellha ssir evalwazzjoni in concreto tal-konsegwenzi u li, fin-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri tad-dritt għas-saħħa. Ir-rikorrent iqis li minħabba l-fatt li l-Ftehim dwar il-ħruġ ma jipprevedi ebda rimedju għall-protezzjoni tad-dritt għas-saħħa tiegħu din il-kompetenza ta’ sostenn tintemm għar-Renju Unit u għaċ-ċittadini tiegħu, u b’hekk tpoġġi lil dawn fil-perikolu, b’mod partikolari f’perijodu ta’ pandemija u ta’ kriżi sanitarja.