15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/52


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ April 2020 – CH u CN vs Il-Parlament

(Kawża T-222/20)

(2020/C 201/66)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: CH u CN (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors tagħhom ammissibbli;

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn ma jiħdux pożizzjoni b’mod definittiv fuq ir-realtà tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddenunzjati;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas, lil kull wieħed minnhom, ta’ EUR 5 000, ex aequo et bono, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat bl-iskadenza tat-terminu raġonevoli, miżjud bl-interessi moratorji sal-ħlas sħiħ;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas, lil kull wieħed minnhom, ta’ ammont ta’ EUR 100 000, ex aequo et bono, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat bin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni definittiva fuq ir-realtà tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddenunzjati, miżjuda bl-interessi moratorji sal-ħlas sħiħ;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Parlament tat-13 ta’ Settembru 2019 li permezz tagħhom l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ta’ din l-istituzzjoni, bi tweġiba għat-talbiet għal għajnuna tagħhom, ma ħaditx pożizzjoni b’mod definittiv fuq ir-realtà tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddenunzjati, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza u tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), għar-raġuni li, billi ma ħaditx pożizzjoni b’mod definittiv fir-rigward tal-eżistenza tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddenunzjati, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Parlament naqset mid-dmir tagħha ta’ assistenza li huwa obbligu tagħha.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll fuq ksur tad-dritt għad-dinjità u tal-Artikoli 1 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għar-raġuni li, billi ma ħaditx pożizzjoni b’mod definittiv fir-rigward tal-eżistenza tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddenunzjati, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Parlament kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir tagħha ta’ premura, u b’dan il-mod kisret id-dritt għad-dinjità tal-bniedem tar-rikorrenti.