8.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/38


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2020 – JH vs Europol

(Kawża T-208/20)

(2020/C 191/52)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: JH (rappreżentant: M. Quaas, avukat)

Konvenuta: Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2019 meħuda mid-direttur tal-konvenuta li tneħħi, b’effett immedjat, lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Kap tal-Unità GDPT (Protezzjoni Personali) tad-Diviżjoni Governance Directorate tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija Europol; u

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent kumpens għad-danni, li l-ammont tiegħu jiġi stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin.

1.

Ksur tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Europol

Ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Europol sabiex tittieħed l-miżura dixxiplinari kontenzjuża ma kinux issodisfatti. Fil-fehma tiegħu, il-konvenuta injorat id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, u kien (biss) xhur wara li hija pprovat tiġġustifika l-miżura dixxiplinari li kienet ittieħdet billi bbażat ruħha fuq deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid retroattiva u billi rreferiet għal organizzazzjoni mill-ġdid.

2.

Preġudizzju għas-saħħa u inkapaċità għax-xogħol

Ir-rikorrent jitlob, barra minn hekk, kumpens għad-danni, peress li huwa jqis li huwa stabbilit li l-miżura illegali ppreġudikat is-saħħa tiegħu u qegħditu fl-impossibbiltà li jkompli bl-attività professjonali tiegħu.