8.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/27


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2020 – Rochefort vs Il-Parlament

(Kawża T-171/20)

(2020/C 191/36)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Robert Rochefort (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: M. Stasi, J. Teheux u J. Rikkers, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2019;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 7000000071 tat-22 ta’ Jannar 2020 li tordna l-irkupru ta’ EUR 27 241;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jsir l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, abbażi tal-assistenza parlamentari, kif ukoll tan-nota ta’ debitu relattiva għalih, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-raġunament tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ma huwiex ċar u sa fejn dan ma jindikax b’liema mod il-provi ppreżentati ma kinux jikkostitwixxu provi ta’ xogħol.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li ma huwiex l-obbligu tiegħu li jressaq il-prova tax-xogħol tal-assistent parlamentari tiegħu, iżda li b’mod kuntrarju huwa l-Parlament li għandu jressaq il-prova kuntrarja.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-fatti kkunsidrati mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ma humiex eżatti.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn is-somma mitluba mingħand ir-rikorrent tissoponi li l-assistent parlamentari qatt ma ħadem għar-rikorrent.