25.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/30


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2020 – Tartu Agro vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-150/20)

(2020/C 175/41)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Rikorrenti: AS Tartu Agro (rappreżentanti: T. Järviste, T. Kaurov, M. Peetsalu u M. A. R. Valberg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39182 (2017/C), li tikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna allegatament illegali lil Tartu Agro;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv: ir-rikors huwa ammissibbli.

Ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti hija l-allegata benefiċjarja tal-għajnuna. Din id-deċiżjoni għalhekk tikkonċernaha b’mod dirett u individwali.

2.

It-tieni motiv: il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali sostantivi u proċedurali sa fejn użat il-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex tevalwa jekk it-tranżazzjoni kinitx konformi mas-suq, naqset milli tissodisfa l-oneru ta’ prova tagħha u interpretat b’mod żbaljat il-fatti tal-każ.

Il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest viġenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kera, il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ dak iż-żmien kif ukoll l-istandards ta’ interpretazzjoni applikabbli f’dak il-mument.

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti li jiżguraw il-kundizzjonijiet tas-suq, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ppermettew, b’mod ġenerali, li jinkiseb l-aħjar rendiment possibbli għall-Istat.

3.

It-tielet motiv: il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali sostantivi u proċedurali sa fejn ivverifikat jekk l-ammont tal-kera miftiehem fil-kuntratt ta’ kera kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-suq, kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova meta eżaminat jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat u interpretat b’mod żbaljat il-fatti tal-każ.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat fuq il-bażi ta’ data irrilevanti u inkompleta. Hija kien imissha kkonstatat li l-investimenti fit-titjib tal-artijiet, l-ispejjeż marbuta mal-manteniment tal-artijiet u mat-titjib tal-kwalità tal-ħamrija kienu inklużi kollha fil-kera.

Il-Kummissjoni żbaljat sa fejn naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-vantaġġ ekonomiku allegatament miksub mill-kuntratt ta’ kera kien fi kwalunkwe każ intemm sa mhux iktar tard mill-2002 minħabba l-privatizzazzjoni kif ukoll l-amalgamazzjoni tar-rikorrenti u tal-proprjetarji tal-ishma tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv: fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ, il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat.

Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni użat metodi matematiċi u rati statistiċi dwar il-kera żbaljati u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

5.

Il-ħames motiv: il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat sa fejn ikklassifikat il-fatti tal-każ bħala għajnuna ġdida.

Kull allegata għajnuna kienet ingħatat qabel l-adeżjoni tal-Estonja mal-Unjoni u, fil-mument ta’ din l-adeżjoni, kienet kompletament intemmet sa fejn l-impriża kienet ġiet ipprivatizzata fl-2001 u r-rikorrenti u l-proprjetarji tal-ishma tagħha kienu ġew amalgamati fl-2002.

6.

Is-sitt motiv: il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat sa fejn ikkunsidrat li l-għajnuna kienet intemmet biss parzjalment.

Il-Kummissjoni kien imissha waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna mill-Istat li allegatament tirriżulta mill-kuntratt ta’ kera kienet waqfet kompletament sa mhux iktar tard mill-amalgamazzjoni tar-rikorrenti u tal-proprjetarji tal-ishma tagħha, li seħħet fl-2002, b’tali mod li din l-għajnuna kienet intemmet kompletament.

7.

Is-seba’ motiv: il-Kummissjoni kisret dispożizzjonijiet legali sa fejn obbligat lir-Repubblika tal-Estonja tirkupra l-għajnuna mingħand Tarto Agro, bi ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

Minn ċirkustanzi partikolari kien jirriżulta li l-irkupru fil-konfront tar-rikorrenti kien ser ikun estremament inġust – ir-rikorrenti ma hijiex obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ għajnuna legali.

8.

It-tmien motiv: il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u interpretat b’mod żbaljat il-fatti tal-każ sa fejn qieset li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern.

Minkejja li l-parteċipanti kienu stabbilixxew b’liema mod il-kuntratt ta’ kera kien ikkontribwixxa sabiex jiġi ffavorit l-iżvilupp ekonomiku, il-Kummissjoni ma kinitx indirizzat dan il-punt fir-rigward tal-mertu tiegħu.