20.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/15


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2020 PT Wilmar Bioenergi Indonesia and Others vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-111/20)

(2020/C 129/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Wilmar Bioenergi Indonesia (Medan, l-Indoneżja), PT Wilmar Nabati Indonesia (Medan), PT Multi Nabati Sulawesi (Sulawesi Utara, l-Indoneżja) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u E. Gergondet, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (1) sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għad-danni subiti mir-rikorrenti matul din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 3(1)(a)(i), l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”) wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li il-ħlasijiet miksuba mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm għaż-Żejt kienu jikkostitwixxu sussidju kumpensatorju u ma adattawx il-vantaġġ li allegatament irċevew ir-rikorrenti sabiex iqisu t-tnaqqis mogħti kif ukoll l-ispejjeż tat-trasport u tal-kreditu magħmula sabiex jinksbu l-allegati sussidji.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret l-Artikolu 3(1)(a)(iv), l-Artikolu 3(1)(b), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 6(d) u l-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li kien hemm sostenn governattiv għall-provvista taż-żejt tal-palm mhux irraffinat għal rimunerazzjoni inqas minn adegwata.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku billi kkonkludiet li kien hemm theddida ta’ dannu materjali fuq l-industrija tal-Unjoni.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku u li wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu qegħdin jheddu li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u billi injorat l-impatt tal-importazzjonijiet mill-Arġentina.


(1)  ĠU 2019, L 317, p. 42.