6.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 114/19 |
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2020 – Junqueras i Vies vs Il-Parlament
(Kawża T-100/20)
(2020/C 114/21)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Oriol Junqueras i Vies (Sant Joan de Vilatorrada, Spanja) (rappreżentant: A. Van den Eynde Adroer, abogado)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit ir-rikors kontra l-att ikkuntestat, flimkien mal-annessi tiegħu, tiddikjarah ammissibbli u, fil-mertu tat-talba, tiddikjara null u ineffettiv l-att tal-President tal-Parlament Ewropew ikkuntestat, u tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2019, li tiċħad (b’rinviju għad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Awwissu 2019, ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-734/19, Junqueras i Vies vs Il-Parlament) l-ipproċessar tat-talba ta’ żamma tal-immunità mressqa minn Diana Riba i Giner, membru tal-Parlament Ewropew, in rappreżentanza tal-membru parlamentari tal-Unjoni Ewropea Oriol Junqueras i Vies.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDFUE), tal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-Artikoli 20, 21(1) u (2) u 41(1) u (2) KDFUE, u fuq l-interpretazzjoni neċessarja konformi mal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew.
|
2. |
It-tieni motiv jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019 (C-502/19, Junqueras i Vies) u l-ksur tad-dritt għaż-żamma tal-immunità fis-sens tal-Artikolu 39 KDFUE u tal-Artikolu 9 tal-Protokoll fuq il-privileġġi u fuq l-immunità tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern.
|
3. |
It-tielet motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-President tal-Parlament sabiex jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà jew le tat-talba għaż-żamma tal-immunità u minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista minnhom.
|
4. |
Ir-raba’ motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 39 KDFUE, tal-Artikolu 9 in totum tal-Protokoll fuq il-privileġġi u fuq l-immunità tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 7 u 9 tar-regolament intern tal-Parlament Ewropew.
|