20.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/7


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2020 – Kazembe Mosunda vs Il-Kunsill

(Kawża T-95/20)

(2020/C 129/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-Claude Kazembe Musonda (Lubumbashi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) (rappreżentanti: T. Bontinck, P. De Wolf u A. Guillerme, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2109 tad-9 ta’ Diċembru 2019, sa fejn din iżżomm lir-rikorrent fin-Nru 9 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2101 tad-9 ta’ Diċembru 2019, sa fejn dan iżomm lir-rikorrent fin-Nru 9 tal-Anness Ia tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005;

tikkonstata l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK u tal-Artikolu 2b(1)(b) tar-Regolament (KE) 1183/2005;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti li jiġu ġġustifikati l-miżuri u li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll il-ksur tad-dritt għal smigħ.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrent f’atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubbika Demokratika tal-Kongo.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU 2010, L 336, p. 30) u tal-Artikolu 2b(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo ta’ l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2005, L 193, p. 1). F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-kriterju legali kif iddefinit f’dawn l-artikoli, li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, jikser il-prinċipju ta’ prevedibbiltà tal-atti tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn dan jikkonferixxi lill-Kunsill setgħa ta’ evalwazzjoni arbitrarja u diskrezzjonali.