30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/35


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2020 – IJ vs Il-Parlament

(Kawża T-74/20)

(2020/C 103/50)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: IJ (rappreżentanti: L. Levi, M. Vandenbussche u A. Champetier, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors odjern ammissibbli u fondat,

u konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewroprew tal-10 ta’ Ottubru 2018 sa fejn din tapplika għar-rikorrenti l-klawżola ta’ riżerva prevista mill-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea;

sa fejn dan ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2019 sa fejn din tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tat-8 ta’ Jannar 2019;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 100 tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti issostni li l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ riżerva għall-każ tagħha kienet tikser l-Artikolu 100 tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 45 TFUE. L-Artikolu 100 tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandu wkoll jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikoli 34 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mal-Artikoli 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea. Sussidjarjament, ir-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 100 tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, peress li din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikoli 34 u 35 tal-Karta u l-Artikoli 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 21 tal-Karta. Ir-rikorrenti iqis li l-applikazzjoni fil-konfront tagħha tal-klawżola ta’ riżerva iċċaħħadha, għal perijodu ta’ ħames snin, minn ċerti elementi ta’ kull benefiċċju tal-invalidità u tikkostitwixxi, barra minn dan, diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 21 tal-Karta.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ premura. L-amministrazzjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ premura meta dan l-obbligu kien ġie msaħħaħ fid-dawl tal-istat tas-saħħa fraġġli tal-aġent inkwistjoni.