SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Investigazzjonijiet tal-OLAF – Rivelazzjonijiet fl-istampa – Danni materjali u morali – Rabta kawżali – Imputabbiltà tar-rivelazzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunfidenzjalità tal-opinjonijiet legali”

Fil-Kawża T‑752/20,

International Management Group (IMG), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi u J.-Y. de Cara, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, J.‑F. Brakeland u S. Delaude, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

– ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2020,

– l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Marzu 2021,

– id-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021 li jordna li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrenti, International Management Group (IMG), titlob kumpens għad-danni materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) b’konsegwenza ta’ rapport fir-rigward tagħha redatt minn dan tal-aħħar.

[omissis]

It‑talbiet tal‑partijiet

19

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 10000 fix-xahar għall-perijodu bejn nofs Diċembru 2015 u l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 2.1 miljun, flimkien mal-interessi moratorji, bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat jew bħala infondat;

tirtira mill-proċess ta’ din il-kawża l-opinjoni tas-Servizz Legali tagħha tas‑16 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tas-Servizz Legali”), annessa mar-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

Fuq it‑talba għall‑kumpens

[omissis]

Fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni u tal-OLAF

[omissis]

– Fuq ksur tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura

70

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq id-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura tagħha sa fejn la kkundannat pubblikament ir-rivelazzjoni tar-rapport tal-OLAF u lanqas ma waqqfet it-tixrid ta’ informazzjoni falza pprovokat mill-imsemmija rivelazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ stqarrija li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni prinċipali li tinsab fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, li permezz tagħha hija kienet iddeċidiet li ma ssegwix kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-OLAF.

71

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet id-dmir ta’ premura bħala kunċett li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ekwilibriju jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

B’hekk, id-dmir ta’ premura jikkonċerna speċifikament l-obbligi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-konfront tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħhom, b’mod partikolari sa fejn jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi individwali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, EU:T:2008:555, punt 167).

73

Peress li dan ir-rikors ma jikkonċernax ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni tal-Unjoni u wieħed mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal tagħha, id-dmir ta’ premura ma huwiex applikabbli f’dan il-każ u għalhekk ma jistax jiġi invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha.

74

B’hekk, l-illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda sa fejn hija bbażata fuq ksur tad-dmir ta’ premura.

75

Għaldaqstant, l-imsemmija illegalità għandha tiġi eżaminata sa fejn hija bbażata fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

76

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tkun tista’ tiġi stabbilita f’każ partikolari, huwa meħtieġ li l-persuna li titlob kumpens għad-dannu jew għad-danni li hija tqis li ġarrbet minħabba aġir jew att tal-Unjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 4142, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31).

77

Barra minn hekk, dan il-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, rekwiżit li min-naħa tiegħu jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jkunu kisru din ir-regola u mill-kwistjoni ta’ jekk dawn kisrux b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq din is-setgħa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-imsemmija regola, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha kif ukoll tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 404344, kif ukoll tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30).

78

Mill-punt 70 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu pożizzjoni li tikkundanna pubblikament ir-rivelazzjoni tar-rapport tal-OLAF u li ttemm it-tixrid ta’ informazzjoni falza pprovokat mill-imsemmija rivelazzjoni, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ stqarrija. B’hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli taġixxi.

79

Skont il-ġurisprudenza, l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni fil-każ biss meta l-imsemmija istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jaġixxu, li jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara d-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, Acquafarm vs Il‑Kummissjoni, C‑40/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:566, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Mill-punti 77 u 79 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk istituzzjoni wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi minħabba ommissjoni jimplika li jiġi ddeterminat jekk tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta’ obbligu legali li tittieħed azzjoni, it-tieni, l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali għall-istituzzjoni, għall-korp jew għall-organu tal-Unjoni inkwistjoni u, it-tielet, ksur b’mod manifest u serju minn dawn tal-aħħar tal-limiti imposti fuq din is-setgħa.

81

Għandu jiġi eżaminat jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dan il-każ.

82

Id-dmir ta’ diliġenza, li huwa inerenti għad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku, jeżiġi li din taġixxi b’attenzjoni u bi prudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il‑Kummissjoni, C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dmir ta’ diliġenza jikkostitwixxi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur tagħha jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri jekk jiġi stabbilit, f’każ partikolari, li dan il-ksur huwa suffiċjentement serju, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il‑Kummissjoni, C‑308/87, EU:C:1990:134, punti 6714; tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 91; u tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punti 3841).

84

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura tad-dmir ta’ diliġenza, li huwa intrinsikament marbut mal-kuntest li fih taġixxi l-amministrazzjoni tal-Unjoni f’każ partikolari, it-turija tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dmir tista’ tirriżulta biss minn eżami każ b’każ tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, li jieħu inkunsiderazzjoni l-qasam, il-kundizzjonijiet u l-kuntest li fihom id-dmir ta’ diliġenza jaqa’ fuq l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kkonċernati, kif ukoll iċ-ċirkustanzi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ osservanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punti 4041).

85

Kif tfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq id-dmir ta’ diliġenza tagħha sa fejn la kkundannat pubblikament ir-rivelazzjoni tar-rapport tal-OLAF u lanqas ma waqqfet it-tixrid ta’ informazzjoni falza pprovokat mill-imsemmija rivelazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ stqarrija li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni prinċipali li tinsab fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015.

86

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dmir ta’ diliġenza jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni kellha obbligu legali li taġixxi, li kien jikkonsisti fl-obbligu li tikkundanna pubblikament rivelazzjoni u li twaqqaf it-tixrid ta’ informazzjoni falza pprovokat minn din ir-rivelazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ stqarrija.

87

Għandu jiġi rrilevat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda dispożizzjoni legali preċiża li minnha jirriżulta, għall-Kummissjoni, obbligu legali li taġixxi u li jikkonsisti f’teħid ta’ pożizzjoni li tikkundanna pubblikament ir-rivelazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF u li ttemm it-tixrid ta’ informazzjoni falza pprovokat minn tali rivelazzjoni bil-għan li jittieħdu passi wara t-trażmissjoni ta’ rapport tal-OLAF. Madankollu, il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza invokat mir-rikorrenti huwa intrinsikament marbut mar-Regolament Nru 883/2013, li jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku li fih aġixxiet il-Kummissjoni meta adottat l-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, b’tali mod li għandu jiġi ddeterminat jekk tali obbligu jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

88

Minn naħa, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2013, “[i]r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet mfassla wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat rilevanti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’konformità mar-regoli relatati mal-investigazzjonijiet esterni u, jekk meħtieġ, lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni”. Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix obbligu legali għall-Kummissjoni li taġixxi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti wriet li d-dmir ta’ diliġenza kien joħloq obbligu legali għall-Kummissjoni li taġixxi fuq din il-bażi.

89

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 883/2013, “[l]-informazzjoni mogħtija jew miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet rilevanti”. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, iddedikat, skont it-titolu tal-imsemmi artikolu, għall-“Investigazzjonijiet esterni”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-każ, l-OLAF, “skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post għand operaturi ekonomiċi”. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303), jipprevedi li “[l]-informazzjoni komunikata jew akkwistata f’kull forma taħt dan ir-Regolament għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali”.

90

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 883/2013, “[l]-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kkonċernati għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] tkun irrispettata”. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni hija istituzzjoni kkonċernata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

91

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF, il-Kummissjoni hija marbuta b’obbligi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali.

92

Madankollu, minkejja l-obbligu li għalhekk għandha l-Kummissjoni li tiżgura l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, id-dmir ta’ diliġenza li għalih hija suġġetta l-Kummissjoni ma jistax jimponilha, meta ma tkunx kisret dan l-obbligu ta’ kunfidenzjalità u meta r-responsabbiltà għar-rivelazzjoni tar-rapport tal-OLAF fl-istampa ma tkunx tista’ tiġi imputata lilha (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), obbligu li taġixxi bħal dak invokat mir-rikorrenti f’dan il-każ, jiġifieri li tikkundanna r-rivelazzjoni fl-istampa ta’ informazzjoni dwar tali investigazzjoni u li tiddistakka ruħha mill-informazzjoni ppubblikata.

93

Id-dmir ta’ diliġenza ma għandux il-portata li tattribwixxilu r-rikorrenti. Hija r-rivelazzjoni ta’ dan ir-rapport fl-istampa, u mhux l-ommissjoni li biha r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, li tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità msemmi iktar ’il fuq, li l-imputazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni madankollu ma ġietx stabbilita (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Ziegler u Ziegler Relocation vs Il‑Kummissjoni, T‑539/12 u T‑150/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:15, punt 102).

94

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet marbuta b’obbligu li taġixxi f’dan il-każ.

95

B’hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, l-ommissjoni allegata ma tistax tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

96

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha obbligu legali li taġixxi, li jirriżulta mid-dmir ta’ diliġenza, għandu jiġi eżaminat jekk din kisritx b’mod manifest u gravi l-limiti imposti f’dan il-każ fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

97

Għandu jiġi rrilevat li tali ipoteżi twassal sabiex id-dmir ta’ diliġenza jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ rivelazzjoni ta’ dokument kunfidenzjali li fir-rigward tagħha ma jkunx intwera li kienet ikkawżata mill-istituzzjoni kkonċernata, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2013, din l-istituzzjoni jkollha l-obbligu li ma taggravax id-dannu li jista’ jirriżulta minn dan il-ksur tal-kunfidenzjalità.

98

Issa, kif tfakkar fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kisritx b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha għandha tiġi ddeterminata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li l-ksur suffiċjentement serju tagħha jkun qiegħed jiġi invokat u tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni li jistgħu jirriżultaw minn dan.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi sabiex ma taggravax id-dannu kkawżat minn ksur tal-kunfidenzjalità li ma jkunx imputabbli lilha ma jirriżultax mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 883/2013 u lanqas ma jista’ jiġi dedott b’mod impliċitu mill-kontenut tiegħu. Fil-fatt, meta jipprovdi li l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jiżguraw l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi obbligu għal dawn l-istituzzjonijiet li jiggarantixxu li l-kontenut tal-investigazzjonijiet tal-OLAF jibqa’ kunfidenzjali. Għall-kuntrarju, huwa ma jimponix fuqhom, meta din il-kunfidenzjalità ma tkunx ġiet osservata u meta l-iżvelar ma joriġinax mill-istituzzjoni kkonċernata, obbligi li jikkundannaw ir-rivelazzjoni, li jtemmu t-tixrid tal-informazzjoni inkwistjoni jew li jikkoreġu dik l-informazzjoni li tkun żbaljata.

100

Tali obbligi ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt l-obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 883/2013. Fil-fatt, minn naħa, peress li kien hemm ksur tal-imsemmija kunfidenzjalità, l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura l-osservanza tagħha tilef l-iskop tiegħu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel, l-eventwali neċessità li tiġi kkundannata r-rivelazzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi obbligu li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, it-tieni, f’każ bħal dan, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li ttemm it-tixrid tar-rapport tal-OLAF li jirriżulta minn din ir-rivelazzjoni permezz tal-istampa u, it-tielet, jekk jitqies li ċerta informazzjoni mxerrda hija żbaljata, ir-rettifika tagħha ma tkunx ta’ natura li tistabbilixxi mill-ġdid in-natura kunfidenzjali tagħha, li għebet definittivament.

101

B’hekk, anki jekk jitqies li f’dan il-każ il-Kummissjoni kellha obbligu legali li taġixxi, ma jistax jitqies li l-ksur tad-dmir ta’ diliġenza allegat mir-rikorrenti jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

102

Għaldaqstant hemm lok li jitqies li r-raba’ illegalità ma hijiex serja f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ diliġenza mill-Kummissjoni.

103

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta.

104

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dokument prodott minn International Management Group (IMG) bħala Anness A.21 mar-rikors huwa rtirat mill-proċess.

 

2)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

3)

IMG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Ġunju 2023.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis li hija utli.