Kawża T‑609/20

LA International Cooperation Srl

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tad‑29 ta’ Ġunju 2022

“Strument ta’ għajnuna għal qabel l-adeżjoni – Investigazzjoni tal-OLAF – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni amministrattiva – Esklużjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal perijodu ta’ erba’ snin – Inklużjoni fid-database tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni – Regolament finanzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Proporzjonalità tas-sanzjoni

  1. Baġit tal-Unjoni Ewropea – Regolament finanzjarju – Sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni – Esklużjoni ta’ operatur mill-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti u ta’ għoti ta’ sussidji – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929, Artikolu 108(11))

    (ara l-punt 157)

  2. Baġit tal-Unjoni Ewropea – Regolament finanzjarju – Sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni – Esklużjoni ta’ operatur mill-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti u ta’ għoti ta’ sussidji – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-determinazzjoni tas-sanzjoni imposta fuq l-operatur – Ċirkustanzi attenwanti – Ċaħda

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1929, Artikoli 106(3) u 108(11))

    (ara l-punti 156, 158, 161, 163, 164)

Sunt

Skont ir-Regolament Nru 1085/2006 ( 1 ), l-Unjoni Ewropea ssostni l-pajjiżi kkonċernati mill-għajnuna għal qabel l-adeżjoni, fosthom ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, sabiex jikkonformaw ruħhom progressivament mar-regoli u mal-politiki tagħha. Fil-kuntest ta’ żewġ programmi nazzjonali favur dan il-pajjiż, ingħataw żewġ kuntratti lir-rikorrenti, LA International Cooperation Srl, u konklużi fl-2013 u fl-2015.

Wara investigazzjoni u rapport finali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), dwar eventwali fatti ta’ frodi u ta’ korruzzjoni mwettqa mir-rikorrenti, bejn Ottubru 2012 u Jannar 2017, il-korp adit ( 2 ) adotta rakkomandazzjoni. Fid-dawl ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet b’mod partikolari li teskludi lir-rikorrenti, għal perijodu ta’ erba’ snin, mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ( 3 ) kif ukoll mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ fondi skont il-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp ( 4 ).

Adita b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali teżerċita għall-ewwel darba l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tistħarreġ is-sanzjonijiet adottati mill-Kummissjoni ( 5 ). Hija għandha teżamina wkoll jekk il-perijodu ta’ erba’ snin tal-esklużjoni deċiż mill-Kummissjoni huwiex xieraq u proporzjonat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tirrileva li hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa li tawtorizzaha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità, teżamina mill-ġdid deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kontraenti teskludi operatur ekonomiku u/jew timponilu sanzjoni finanzjarja, inkluż it-tnaqqis jew l-estensjoni tat-tul tal-esklużjoni u/jew li tannulla s-sanzjoni finanzjarja imposta jew li tnaqqas jew iżżid l-ammont tagħha.

Il-Qorti Ġenerali tevalwa jekk it-tul tal-esklużjoni inkwistjoni jiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mir-rikorrenti, jiġifieri l-kooperazzjoni tajba tagħha matul l-investigazzjoni u l-miżuri organizzattivi li hija adottat sussegwentement.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-awtorità kontraenti li teskludi operatur ekonomiku għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tas-sitwazzjoni, it-tul tagħha, ir-repetizzjoni eventwali tagħha, l-intenzjoni jew il-livell ta’ negliġenza jew ta’ kull ċirkustanza attenwanti oħra, bħall-kooperazzjoni tal-imsemmi operatur u l-kontribuzzjoni tiegħu fl-investigazzjoni.

It-tieni, huwa jikkonstata li l-atti ta’ korruzzjoni u ta’ kondotta professjonali gravi mwettqa mir-rikorrenti huma serji ħafna min-natura tagħhom stess. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-gravità tal-fatti stess kif ukoll dik tal-effett tagħhom fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

It-tielet, ċertament, l-elementi invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-kooperazzjoni tajba u sħiħa tagħha matul il-kontrolli fuq il-post huma stabbiliti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li r-rikorrenti kellha obbligu li tikkoopera mal-OLAF u li, f’dan il-każ, l-aġir tagħha jista’ jkollu biss effett dgħajjef fuq il-grad ta’ severità tas-sanzjoni, fid-dawl tal-gravità tal-fatti inkwistjoni.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ organizzazzjoni adottati fl-2016 mir-rikorrenti peress li tikkonstata li mhux biss huma ma waqfux l-aġir kolpuż tagħha, li kompla sa Jannar 2017, iżda, barra minn hekk, huma ma kellhom ebda effett fuq l-imsemmi aġir matul il-perijodu rilevanti.

Il-ħames, l-aġir tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi kemm fatti ta’ nuqqas professjonali serju, li kienu jwasslu għal miżura ta’ esklużjoni ta’ ħames snin, qabel l‑1 ta’ Jannar 2016, u ta’ tliet snin, wara din id-data, kif ukoll fatti ta’ korruzzjoni, suġġetti għal miżuri ta’ esklużjoni ta’ tul massimu ta’ ħames snin wara l‑1 ta’ Jannar 2016.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u ċirkustanzi kollha, il-Qorti Ġenerali tqis li esklużjoni ta’ tul ta’ erba’ snin hija xierqa u proporzjonata.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU 2006, L 210, p. 82). Il-pajjiżi kkonċernati huma msemmija fl-Annessi I u II ta’ dan ir-regolament.

( 2 ) Skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), Artikolu 143.

( 3 ) Skont il-liġi fis-seħħ, jiġifieri:

• Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal‑25 ta’ Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88), Artikolu 93, applikabbli mit‑22 ta’ Awwissu 2006;

• Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), Artikolu 106(1), applikabbli mill‑l1 ta’ Jannar 2013;

• Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew tat‑28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1), Artikolu 106(1).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat‑2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU 2015, L 58, p. 17).

( 5 ) Skont l-Artikolu 108(11) tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929.