SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)
22 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Deċiżjoni tas-SRB li tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni – Valutazzjoni tad-differenza fit-trattament – Indipendenza tal-evalwatur”
Fil-Kawża T‑330/20,
ACMO Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn T. Soames u I. Prodromou-Stamoudi, avukati, u R. East, solicitor,
rikorrenti,
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn M. Fernández Rupérez, A. Lapresta Bienz, L. Forestier u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, V. Del Pozo Espinosa de los Monteros u L. Hesse, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,
intervenjent,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),
komposta waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere (Relatur), G. Steinfatt, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,
Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat l-ittra, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Jannar 2023, li permezz tagħha PIMCO Dynamic Income Fund informat lill-Qorti Ġenerali bil-kwalità tagħha bħala aventi kawża universali ta’ PIMCO Income Opportunity Fund u ta’ PIMCO Dynamic Credit and Mortgage Income Fund,
wara li rat l-ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2023, li permezz tagħha Bybrook Capital Badminton Fund LP talbet tissostitwixxi lil Cairn Global Funds PLC u lil Cairn Special Opportunities Credit Master Fund Limited bħala rikorrenti f’din il-kawża, filwaqt li l-partijiet l-oħra ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom,
wara li rat l-ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2023, li permezz tagħha PIMCO Global Cross-asset Opportunities Master Fund LDC talbet tissostitwixxi lil PHFS series SPC - PHSF VII SP bħala rikorrenti f’din il-kawża, filwaqt li l-partijiet l-oħra ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom,
wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ACMO Sàrl u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑17 ta’ Marzu 2020, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni implimentati fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Ir-rikorrenti huma fondi ta’ investiment, li, qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”), kellhom strumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 u strumenti tal-kapitali tal-kategorija 2 ta’ din tal-aħħar, li minnhom uħud permezz ta’ kompartimenti, bl-eċċezzjoni ta’ waħda minnhom li hija aventi kawża ta’ entità li kellha bonds ta’ Banco Popular. |
3 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). |
4 |
Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fit‑23 ta’ Mejju 2017, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, is-SRB ingaġġa lill-uffiċċju Deloitte Réviseurs d’Entreprises bħala evalwatur (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju evalwatur”) fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ eventwali riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-uffiċċju evalwatur ngħata kuntratt speċifiku wara sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ kuntratt qafas multiplu ta’ servizzi li s-SRB kien iffirma ma’ sitt uffiċċji, fosthom l-uffiċċju evalwatur. Konformement mal-kuntratt speċifiku, il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur kien jinkludi t-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ Banco Popular qabel riżoluzzjoni eventwali kif ukoll il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, wara riżoluzzjoni potenzjali. |
5 |
Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni, skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. |
6 |
Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), imfassla skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li twettaq stima tal-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. |
7 |
Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, peress li qies li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda li jiżvaluta u li jikkonverti l-istrumenti tal-kapital ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u li japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej. |
8 |
Is-SRB iddeċieda li jikkanċella 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular, li jikkonverti u li jiżvaluta l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular f’“azzjonijiet ġodda II”. Wara proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja), l-“azzjonijiet ġodda II” ġew ittrasferiti lil Banco Santander SA, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ euro. Sussegwentement, Banco Santander issostitwixxa lil Banco Popular b’mod universali fit‑28 ta’ Settembru 2018, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist. |
9 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31). |
10 |
Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċċju evalwatur ittrażmetta lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, l-uffiċċju evalwatur bagħat addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali. |
11 |
L-uffiċċju evalwatur qies, fil-valutazzjoni 3, it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Huwa wettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ billi applika l-Ley 22/2003, Concursal, (il-Liġi 22/2003 dwar il-Falliment), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905). |
12 |
L-uffiċċju evalwatur indika li x-xenarju ta’ stralċ ipotetiku kien ġie ppreparat abbażi tal-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata tas‑6 ta’ Ġunju 2017 jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017. Huwa qies li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza għal Banco Popular fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Sabiex jiġu evalwati l-valuri tal-likwidazzjoni tal-assi, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni tliet xenarji temporali ta’ stralċ alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin, u kull wieħed minnhom kien jinkludi l-aħjar u l-agħar ipoteżi. Huwa kkonkluda li, f’kull waħda minn dawn il-preżunzjonijiet, għall-azzjonisti affettwati u għall-kredituri subordinati, l-ebda rkupru ma kien ikun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza u li għalhekk ma kienx hemm differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni. |
13 |
Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, is-SRB ippubblika, fis-sit internet tiegħu, l-opinjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu fir-rigward tan-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jirrigwardaw Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ (SRB/EES/2018/132) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar l-opinjoni tas-SRB ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 277I, p. 1). |
14 |
Fid-deċiżjoni preliminari, is-SRB qies li mill-valutazzjoni 3 kien jirriżulta li ma kinitx teżisti differenza bejn it-trattament li kienu realment suġġetti għalih l-azzjonisti u l-kredituri affettwati minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda, preliminarjament, li ma kienx obbligat iħallas kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. |
15 |
Sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jingħataw kumpens għad-danni, is-SRB stedinhom jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
16 |
Is-SRB indika li l-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kienet ser tiżvolġi f’żewġ fażijiet. |
17 |
Fl-ewwel fażi, il-fażi ta’ reġistrazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom permezz ta’ formola ta’ reġistrazzjoni online, sal‑14 ta’ Settembru 2018. Sussegwentement, is-SRB kellu jivverifika jekk kull parti li kienet immanifestat l-interess tagħha kellhiex effettivament l-istatus ta’ azzjonist jew ta’ kreditur affettwat. L-azzjonisti u l-kredituri affettwati kkonċernati kellhom jipproduċu prova tal-identità tagħhom u prova li huma kellhom, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular li ġew żvalutati jew ikkonvertiti u ttrasferiti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni. |
18 |
Fit-tieni fażi, il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kienu esprimew l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul l-ewwel fażi u li l-istatus tagħhom kien ġie vverifikat mis-SRB, setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari li magħha kienet annessa l-valutazzjoni 3. |
19 |
Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, is-SRB ħabbar li l-azzjonisti u l-kredituri eliġibbli kienu ser jintalbu jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari mis‑6 ta’ Novembru 2018. Fis‑6 ta’ Novembru 2018, is-SRB bagħat lill-azzjonisti u lill-kredituri eliġibbli link personali uniku li jagħti aċċess fuq l-internet għal formola li tippermettilhom jippreżentaw, sas‑26 ta’ Novembru 2018, kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. |
20 |
Fi tmiem il-fażi ta’ konsultazzjoni, is-SRB eżamina l-kummenti rilevanti tal-azzjonisti u l-kredituri affettwati relatati mad-deċiżjoni preliminari. Huwa talab lill-uffiċċju evalwatur jipprovdilu dokument li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kummenti rilevanti dwar il-valutazzjoni 3 u jeżamina jekk il-valutazzjoni 3 kinitx għadha valida fid-dawl ta’ dawn il-kummenti. |
21 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda lis-SRB l-evalwazzjoni tiegħu intitolata “Dokument ta’ Kjarifika Dwar il-Valutazzjoni tad-Differenza fit-Trattament” (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ kjarifika”). Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ikkonferma li l-istrateġija u x-xenarji differenti ta’ stralċ ipotetiċi ddettaljati fil-valutazzjoni 3, kif ukoll il-metodoloġiji segwiti u l-analiżi mwettqa baqgħu validi. |
22 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta id-deċiżjoni kkontestata. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). |
23 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075, tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1). |
24 |
Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3 u qies li din kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u kienet suffiċjentement immotivata u kompleta sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa qies li l-valutazzjoni 3 kienet tevalwa l-elementi neċessarji previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344, tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2018, L 67, p. 3). |
25 |
Taħt it-Titolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-“Kummenti Mibgħuta mill-Azzjonisti u mill-Kredituri Affettwati kif ukoll l-Evalwazzjoni Tagħhom”. Taħt it-Titolu 6.1 “Evalwazzjoni tar-Rilevanza” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li wħud minn dawn il-kummenti, li la kienu relatati mad-deċiżjoni preliminari tiegħu u lanqas mal-valutazzjoni 3, ma kinux rilevanti sa fejn ma kinux jaqgħu taħt il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq “Eżami tal-Kummenti Rilevanti” mibgħuta mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur u l-kontenut tal-valutazzjoni 3, miġbura skont is-suġġett. |
26 |
Is-SRB ikkonkluda li mill-valutazzjoni 3, moqrija flimkien mad-dokument ta’ kjarifika u l-konklużjonijiet stabbiliti taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ma kienx hemm differenza bejn it-trattament li għalih kienu realment suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri affettwati u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku Banco Popular kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. |
27 |
Għaldaqstant, is-SRB iddeċieda: “Artikolu 1 Valutazzjoni Sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […], il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, hija stabbilita skont l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mad-dokument ta’ kjarifika […] li jinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni. Artikolu 2 Kumpens għad-danni L-azzjonisti u l-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […] ma għandhomx dritt għal kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Artikolu 3 Destinatarju tad-Deċiżjoni Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-FROB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.” |
II. It‑talbiet tal‑partijiet
28 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
29 |
Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
30 |
Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
A. Fuq l‑ammissibbiltà
31 |
Is-SRB isostni li wħud mir-rikorrenti ma wrewx il-locus standi tagħhom. Huwa jqis li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat, minn ċerti rikorrenti li jaġixxu fil-kwalità ta’ rappreżentant, jiġifieri bħala amministratur ta’ fondi li kellhom bonds ta’ Banco Popular, u minn rikorrenti oħra li huma kkonċernati biss permezz tal-kompartimenti tagħhom, li kellhom strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular. |
32 |
Għandu jiġi kkonstatat li s-SRB ma jinvokax l-inammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-rikorrenti kollha. |
33 |
F’dan ir-rigward, mid-dokumenti formali annessi mar-rikors jirriżulta li diversi rikorrenti effettivament kellhom strumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 jew strumenti tal-kapital tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li huma pparteċipaw ukoll fil-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. |
34 |
Minn dan isegwi li dawn ir-rikorrenti jifformaw parti mill-kategorija tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Għaldaqstant, huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u għandhom locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mis-SRB. |
35 |
Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istess rikors uniku, meta mill-inqas waħda mir-rikorrenti jkollha locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni, T‑310/18, EU:T:2019:757, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti li jaġixxu bħala rappreżentant jew għall-kompartimenti tagħhom ma għandhomx locus standi. |
B. Fuq il‑mertu
37 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mis-SRB meta approva l-valutazzjoni 3, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ insolvenza, tas-self li jrendi, tas-self li ma jrendix, tal-assi immobbli u tar-riskji legali ta’ Banco Popular. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lill-uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti. It-tielet motiv, imqajjem ukoll sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li s-SRB iddelega indebitament lill-uffiċċju evalwatur is-setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir-Regolament Nru 806/2014. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
a) Fuq il‑portata tal‑istħarriġ eżerċitat mill‑Qorti Ġenerali
38 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. |
39 |
Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni lanqas ma għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Peress li d-deċiżjonijiet tas-SRB li huma intiżi li jiddeterminaw jekk kumpens għandux jingħata lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fil-konfront ta’ entità huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, għandu jitqies li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba teżerċita. |
42 |
Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każijiet ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti li jkunu saru f’din id-deċiżjoni ma jitqisux li huma plawżibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 72, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Konsegwentement, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE, T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14). |
b) Fuq l‑ammissibbiltà tal‑provi prodotti fl‑anness tar‑replika
46 |
Fil-kontroreplika, is-SRB isostni li r-rikorrenti pproduċew fl-anness tar-replika xhieda oħra ta’ A u addendum għall-perizja tagħhom li huma intiżi li jsostnu argumenti diġà mressqa fir-rikors u li għalhekk kellhom ikunu annessi miegħu. Ir-rikorrenti ma ġġustifikawx id-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi ġodda, bi ksur tal-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u għalhekk dawn ma humiex ammissibbli. |
47 |
Skont l-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-offerta ta’ provi jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti u l-partijiet prinċipali jkunu għadhom jistgħu jipproduċu provi jew jagħmlu offerta ta’ provi fir-replika u fil-kontroreplika insostenn tal-argument tagħhom, sakemm id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom tkun iġġustifikata. |
48 |
Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċew, fl-anness tar-rikors, ix-xhieda ta’ avukat speċjalizzat fid-dritt Spanjol tal-falliment, A, bid-data tat‑28 ta’ Mejju 2020, dwar il-kwistjonijiet rilevanti li jaqgħu taħt id-dritt u l-prattiki fil-qasam tal-insolvenza. Min-naħa l-oħra, ukoll fl-anness tar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew perizja, bid-data tat‑28 ta’ Mejju 2020, li inizjalment kienet intiża li teżamina l-preżunzjonijiet u l-metodoloġija wżati fil-valutazzjoni 3 wara l-formola mibgħuta mis-SRB fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ u li ġiet aġġornata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tad-dokument ta’ kjarifika. |
49 |
F’anness mar-replika, ir-rikorrenti pproduċew it-tieni xhieda ta’ A, tad‑9 ta’ April 2021, dwar ċerti aspetti tar-risposta li tirrigwarda d-dritt Spanjol tal-falliment u addendum għall-perizja tagħhom, tat‑13 ta’ April 2021, ippreparat sabiex tingħata tweġiba għal ċerti mistoqsijiet imqajma fir-risposta tas-SRB. |
50 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerta ta’ provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-offerta ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerta ta’ provi prodotti jibqgħu rriżervati (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u tal‑5 ta’ Mejju 2021, ITD u Danske Fragtmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑561/18, EU:T:2021:240, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Sa fejn minn dawn l-annessi jirriżulta espressament li dawn għandhom l-għan li jsostnu argumenti intiżi sabiex jikkontestaw evalwazzjonijiet li jinsabu fir-risposta, għandu jitqies li dawn huma ammissibbli. |
2. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l‑evalwazzjoni tat‑tul tal‑perijodu ta’ insolvenza, tas‑self li jrendi, tas‑self li ma jrendix, tal‑assi immobbli u tar‑riskji legali ta’ Banco Popular
52 |
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta approva l-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika u li l-uffiċċju evalwatur wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ, fir-rigward tat-tul tal-proċedura ipotetika ta’ stralċ u tal-evalwazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ assi ta’ Banco Popular. Dawn l-iżbalji wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ipotetika ta’ insolvenza ta’ Banco Popular u, għaldaqstant, għal ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom. |
53 |
Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur wettqu żball fir-rigward tat-tul tax-xenarju ta’ stralċ ipotetiku. It-tieni, huma jsostnu li l-evalwazzjoni tas-self li jrendi mwettqa fil-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq preżunzjonijiet irraġonevoli. It-tielet, huma jikkontestaw l-istrateġija ta’ trasferiment adottata mill-uffiċċju evalwatur għall-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular. Ir-raba’, huma jsostnu li l-istima, fil-valutazzjoni 3, tal-portafoll tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular tinkludi lakuni u kontradizzjonijiet. Il-ħames, huma jikkontestaw l-approċċ adottat mill-uffiċċju evalwatur fir-rigward tar-riskji legali. |
54 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li, skont l-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 3 kellha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux ġew ittrattati b’mod agħar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jiġu ttrattati li kieku Banco Popular kienet ġiet “stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza”. Huwa rrileva, l-istess bħall-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika (punt 5.1.5), li l-Ley 11/2005 de recuperación y resolución de entidades de crédito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Impriżi tas-Servizzi ta’ Investiment), tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797), li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tipprevedi speċifikament li l-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha ssir billi jiġi preżunt li l-entità daħlet fi proċedura ta’ stralċ. |
55 |
F’dan ir-rigward, is-SRB irrileva li, konformement mal-valutazzjoni 3, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-inkapaċità ta’ Banco Popular li tħallas id-djun tagħha mal-iskadenza tagħhom, il-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni kien iwassal għal stralċ ta’ Banco Popular, li kien jinvolvi likwidazzjoni mħaffa tal-assi, mingħajr prezz minimu vinkolanti, u l-ħlas tal-likwidazzjoni netta lill-kredituri konformement mal-ġerarkija stabbilita mil-Liġi 22/2003. |
56 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-valutazzjoni 3 kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u li din kienet tikkostitwixxi bażi xierqa u suffiċjenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa indika li bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 3 u fuq id-dokument ta’ kjarifika, li huma annessi mad-deċiżjoni kkontestata u jagħmlu parti integrali mill-motivazzjoni tagħha. |
57 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur qies li, peress li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet tiġi rrevokata bid-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, fatt li jwassal għal waqfien immedjat tal-attivitajiet u li jipprekludi bejgħ bħala impriża operattiva, l-istralċ kien ikun beda immedjatament. Huwa żied li, skont l-iskema ta’ riżoluzzjoni, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien ikkonkluda li Banco Popular kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014. L-uffiċċju evalwatur indika li, f’dan il-kuntest, l-istralċ kien l-uniku xenarju possibbli ta’ insolvenza. |
58 |
L-uffiċċju evalwatur indika b’mod partikolari dan li ġej: “Il-ftuħ ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza għal [Banco Popular] fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Min-natura tiegħu stess dan iniżżel il-valur, għal raġunijiet bħal: il-waqfien f’daqqa tal-attivitajiet; it-telf tal-klijenti; proċess ineffiċjenti ta’ likwidazzjoni tal-assi u spejjeż u talbiet addizzjonali (ta’ spiss sinjifikattivi). Fil-każ ta’ [Banco Popular], l-istralċ taħt falliment ikun avveniment bla preċedent fi Spanja, minħabba l-istatus tiegħu bħala s-sitt l-ikbar bank u attur ewlieni f’setturi ewlenin bħall-finanzjament ipotekarju u s-self lill-[impriżi żgħar u medji (SMEs)] u intrapriżi żgħar.” |
59 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur spjega li l-valutazzjoni 3 kienet min-natura tagħha eżerċizzju ipotetiku u prospettiv, intiż sabiex jiġi stmat il-valur tal-irkupru tal-kredituri ta’ Banco Popular, li għalih kien neċessarju li jiġu adottati xenarji ipotetiċi differenti. Huwa ppreċiża li bbaża l-preżunzjonijiet u l-istimi tiegħu fuq l-informazzjoni pprovduta minn Banco Popular, li ġiet analizzata u vverifikata, kif ukoll fuq informazzjoni pubblika differenti. |
60 |
Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, sabiex juru li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandhom jipproduċu provi suffiċjenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati f’din id-deċiżjoni. |
61 |
Għalhekk, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-verifika ta’ jekk is-SRB wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni sa fejn approva l-valutazzjoni 3, li jimplika li jiġi vverifikat jekk l-uffiċċju evalwatur wettaqx żbalji manifesti fil-valutazzjoni 3 billi bbaża ruħu fuq preżunzjonijiet u stimi li ma kinux plawżibbli. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-evalwatur li wettaq il-valutazzjoni 3. |
62 |
F’dan ir-rigward, f’diversi okkażjonijiet, fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi mwettqa mill-esperti tagħhom fil-perizja annessa mar-rikors bħala paragun mal-valutazzjoni 3, bl-għan li juru li l-evalwazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mwettqa f’din il-perizja, ibbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk ikkunsidrati fil-valutazzjoni 3, kienet twassal għal irkupri ikbar għal kategoriji differenti ta’ assi. |
63 |
Għalhekk, fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsemmu l-analiżi dwar l-irkupru tas-self li jrendi fuq perijodu ta’ seba’ snin, li jinsab fil-perizja tagħhom, billi jindikaw li din l-analiżi hija bbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk użati fil-valutazzjoni 3. Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi dwar l-irkupru ta’ self li ma jrendix li jinsab fil-perizja tagħhom. Huma jindikaw li, meta mqabbla mal-valutazzjoni 3, l-analiżi tagħhom hija bbażata fuq perijodu itwal, fuq annullament tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-self li jrendi f’self li ma jrendix u fuq rata ta’ redditu interna (RRI) inferjuri. Fil-kuntest tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi li tinsab fil-perizja tagħhom dwar l-irkupru marbut mal-assi immobbli ta’ Banco Popular inklużi l-assi immobbli miżmuma b’mod indirett, f’każijiet ta’ trasferiment ta’ tliet snin u ta’ seba’ snin. |
64 |
Għandu jiġi rrilevat li l-perizja annessa mar-rikors ġiet redatta bl-għan li tingħata risposta għall-mistoqsijiet magħmula fil-formola mibgħuta mis-SRB fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Din il-perizja ma hijiex limitata għal analiżi kritika tal-valutazzjoni 3, iżda tipproponi l-evalwazzjoni tagħha stess tal-assi ta’ Banco Popular f’xenarju ta’ stralċ għall-finijiet ta’ paragun ma’ dik imwettqa mill-uffiċċju evalwatur. |
65 |
Issa, l-analiżi mwettqa f’din il-perizja hija bbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk użati fil-valutazzjoni 3 u hija bbażata fuq tliet xenarji temporali ta’ stralċ ta’ ħames, seba’ u disgħa snin, filwaqt li dan l-aħħar wieħed ma huwiex kopert mill-valutazzjoni 3. F’din il-perizja, l-esperti tar-rikorrenti jippreżentaw b’mod partikolari r-riżultat tal-paragun bejn il-kalkoli tagħhom stess u l-valutazzjoni mwettqa mill-uffiċċju evalwatur abbażi ta’ xenarju ta’ insolvenza ta’ seba’ snin. Huma jindikaw ukoll li ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni kollha li kellu l-uffiċċju evalwatur. |
66 |
Għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 3 tinkludi evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi. Bħala definizzjoni, l-evalwazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ assi ta’ Banco Popular fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali hija bbażata fuq preżunzjonijiet u tinkludi neċessarjament stimi bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli fid-data tar-riżoluzzjoni. |
67 |
Barra minn hekk, l-uniku każ li fih l-evalwazzjonijiet li minnhom tirriżulta deċiżjoni bbażata fuq fatti kumplessi jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali huwa dak li fih ir-rikorrent jallega li l-evalwazzjonijiet fattwali inkwistjoni ma humiex plawżibbli (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 77). |
68 |
Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandhom jistabbilixxu li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, huma għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-istimi tal-kategoriji differenti ta’ assi mwettqa mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3. |
69 |
Il-fatt li r-riżultat tal-istima tal-valur tal-assi ta’ Banco Popular fil-każ ta’ proċedura normali ipotetika ta’ insolvenza li tinsab fil-perizja tar-rikorrenti ma taqbilx mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 3, minbarra fil-każ fejn ir-rikorrenti jallegaw li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex plawżibbli, jaqa’ taħt kontestazzjoni li tmur lil hinn mill-istħarriġ ristrett tal-Qorti Ġenerali previst fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 78). |
70 |
Għaldaqstant, il-preżentazzjoni mir-rikorrenti, fid-diversi partijiet tal-ewwel motiv, tal-istimi tad-diversi kategoriji ta’ assi ta’ Banco Popular imwettqa fil-perizja tagħhom ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li ċċaħħad il-plawżibbiltà tal-valutazzjoni 3 u lanqas, għaldaqstant, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mis-SRB. |
71 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv. |
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar it‑tul tax-xenarju ta’ stralċ
72 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjonijiet adottati mis-SRB u mill-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri u huma manifestament żbaljati. Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-preżunzjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji li jirregolaw il-Liġi 22/2003. Permezz tat-tieni lment, billi jibbażaw ruħhom fuq eżempji ta’ fallimenti bankarji, huma jilmentaw li l-uffiċċju evalwatur ma kkunsidrax perijodu ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin, li kien iwassal għal irkupri ikbar. |
73 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva dan li ġej: “[L-uffiċċju evalwatur] indika li l-għan aħħari tal-istralċjarju kien li jillikwida l-assi f’terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, [huwa] eżamina numru ta’ xenarji alternattivi u strateġiji possibbli li stralċjarju seta’ japplika biex jimmassimizza l-irkupru għall-kredituri f’terminu raġonevoli. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv Spanjol, imsemmi fil-valutazzjoni 3, li jipprevedi fażi ta’ stralċ tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ sena, li fi tmiemha kull parti kkonċernata tista’ titlob is-sostituzzjoni tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni indebita ta’ din il-fażi, u tal-kumplessità tal-proċedura ta’ stralċ ipotetiku ta’ [Banco Popular], [l-uffiċċju evalwatur] evalwa tliet xenarji temporali alternattivi, billi ppreżuma li perijodi itwal kienu jippermettu irkupri ikbar permezz ta’ trasferiment u likwidazzjoni iktar ordnata tal-assi: (i) perijodu ta’ stralċ ta’ 18-il xahar, (ii) perijodu ta’ stralċ ta’ 3 snin u (iii) perijodu ta’ stralċ ta’ 7 snin. [L-uffiċċju evalwatur] qies li, fir-rigward tal-mod li bih il-kredituri differenti evalwaw il-pjan ta’ stralċ, is-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi wara l-bidu tal-istralċ setgħet tkun importanti. Dan kien ibbażat fuq il-fatt li l-kredituri ta’ livell superjuri setgħu jikkunsidraw li ma tantx kien probabbli li jiġu kkumpensati f’każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti, filwaqt li s-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-kredituri ta’ livell inferjuri fil-ġerarkija tal-kredituri. F’dan il-kuntest, [l-uffiċċju evalwatur] qies li ma jkunx raġonevoli li l-kredituri jintalbu jistennew iktar minn 7 sena għat-tmiem tal-istralċ.” |
74 |
Is-SRB indika wkoll li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu ppreżentaw kummenti matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ dwar it-tul tal-istralċ. Huwa semma li, għal kull xenarju temporali alternattiv, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra l-aħjar strateġija u l-perijodu ta’ trasferiment li jippermettu li jiġu mmassimizzati l-kisbiet għall-kategoriji differenti ta’ assi, skont in-natura u l-likwidità tagħhom. Is-SRB irrileva li, f’dan ir-rigward, skont id-dokument ta’ kjarifika, il-punt 2.2 tal-valutazzjoni 3 kien jindika li, skont il-Liġi 22/2003, wara r-riforma tal‑2015, perijodu ta’ 18-il xahar kien il-massimu effettiv għall-istralċ ta’ Banco Popular. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura ta’ insolvenza ipotetika ta’ Banco Popular u tal-fatt li proċess mgħaġġel ħafna jwassal għal problemi ta’ kapaċità tas-suq, tal-prezzijiet li qed jonqsu u tal-valuri baxxi ta’ kisbiet, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra wkoll żewġ xenarji ta’ stralċ itwal minn dak ta’ 18-il xahar stabbilit mil-Liġi 22/2003, jiġifieri xenarji ta’ 3 u 7 snin. L-uffiċċju evalwatur kien qies li dawn ix-xenarji addizzjonali kienu jippermettu li l-assi ta’ Banco Popular jiġu llikwidati b’mod iktar effikaċi u b’rati ta’ rkupru ogħla minn dawk tax-xenarju ta’ 18-il xahar, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ restituzzjoni tal-valur lill-kredituri f’terminu raġonevoli. Huwa qies li perijodu ta’ stralċ itwal mix-xenarju ta’ 7 sena kien iwassal għal spejjeż ta’ stralċ ogħla, għal spejjeż ta’ ġestjoni u ta’ żamma iktar sinjifikattivi u kien iżid l-inċertezza fir-rigward tal-livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi. Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur kien qies li perijodu ta’ stralċ itwal ma kienx konformi mal-loġika tal-Liġi 22/2003 u mal-interessi tal-kredituri mhux iggarantiti ta’ livelli ogħla. Is-SRB ikkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq evalwazzjoni korretta tat-tul tal-istralċ. |
1) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Liġi 22/2003
75 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-preżunzjonijiet dwar it-tul tax-xenarji ta’ stralċ użati fil-valutazzjoni 3 huma bbażati fuq tliet żbalji ta’ interpretazzjoni tal-Liġi 22/2003. |
76 |
Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, skont ix-xhieda ta’ A, avukat speċjalizzat fid-dritt Spanjol tal-falliment, annessa mar-rikors, skont il-Liġi 22/2003, it-tul xieraq tal-perijodu ta’ stralċ jiddependi biss fuq il-kriterju ta’ massimizzazzjoni tal-irkupru fl-interess tal-kredituri u li ma hemmx limitazzjoni ratione temporis a priori tat-tul tal-proċedura ta’ insolvenza. Filwaqt li rrikonoxxew li l-għan tal-proċedura ta’ insolvenza huwa li jimmassimizza l-valur tal-assi fl-interess tal-kredituri, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur qiesu b’mod żbaljat li dan il-prinċipju tad-dritt Spanjol kien jobbliga li tiġi vverifikata n-“natura raġonevoli” tal-perijodu ta’ stralċ. |
77 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur irrileva li, matul il-likwidazzjoni tal-assi, il-Liġi 22/2003 kienet teżiġi li l-istralċjarju jaġixxi b’mod diliġenti sabiex jikseb l-aħjar valur fid-dawl taċ-ċirkustanzi, iżda li ma kienx obbligat jispekula fuq riżultati inċerti u li kellu jieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa tal-kredituri li jirċievu r-rimbors tas-somom dovuti f’terminu raġonevoli. |
78 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati li t-tul tax-xenarji ta’ stralċ previsti fil-valutazzjoni 3 kien qasir wisq, l-uffiċċju evalwatur indika li perijodu ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin kien inevitabbilment iwassal għal spejjeż ta’ stralċ, ta’ ġestjoni u ta’ żamma ogħla u jżid l-inċertezza għall-istralċjarju f’termini ta’ livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi. Huwa kkunsidra li stralċjarju ma jkunx lest li jispekula fuq punti pożittivi futuri possibbli li jkunu inċerti ħafna. |
79 |
L-uffiċċju evalwatur qies li l-għanijiet tal-Liġi 22/2003 u l-pressjoni tal-kredituri ma jappoġġawx xenarju itwal minn dak ta’ seba’ snin. L-ewwel, huwa rrileva li l-Liġi 22/2003 kienet tistabbilixxi r-regoli ta’ stralċ tal-assi tal-bank insolventi bl-għan globali li jinkiseb l-ogħla valur ta’ likwidazzjoni. Kif stabbilit minn din il-liġi, l-istralċjarju kien obbligat jaġixxi b’mod diliġenti sabiex jikseb l-aħjar valur ta’ likwidazzjoni tal-assi tal-entità fil-parametri awtorizzati mill-qafas legali (inkluż iż-żmien mogħti għal-likwidazzjoni), madankollu, huwa ma kienx obbligat jispekula dwar riżultati inċerti. It-tieni, huwa indika li l-Liġi 22/2003 kienet tinkoraġġixxi l-bejgħ fi żmien utli tal-assi tal-entità fi stralċ. L-emendi li saru għal-Liġi 22/2003 fl‑2015 kienu maħsuba biex iħaffu l-proċeduri ta’ stralċ u jevitaw estensjonijiet indefiniti, li kienu ta’ tħassib qabel it-twettiq tar-riformi. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li, wara din ir-riforma tal‑2015, il-Liġi 22/2003 kienet stabbilixxiet id-dritt tal-kredituri li jitolbu lil qorti s-sostituzzjoni tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni mhux iġġustifikata tal-fażi ta’ stralċ. Din il-konstatazzjoni kienet partikolarment rilevanti fir-rigward ta’ suq li, fil-bidu tal-istralċ, kien vast u likwidu. It-tielet, l-uffiċċju evalwatur indika li l-kredituri jkunu jeżiġu li l-krediti tagħhom jiġu rrimborsati f’terminu raġonevoli, b’mod partikolari dawk li huma f’livell ogħla fil-ġerarkija tal-kredituri. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar l-interessi fuq il-krediti mhux iggarantiti (jiġifieri meta l-interessi wara l-istralċ ma jkunux eżiġibbli), il-kredituri ta’ livell ogħla (inkluża l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti) ftit li xejn ikollhom il-possibbiltà li jiġu kkumpensati f’każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti u għalhekk jagħmlu pressjoni għal perijodu ta’ stralċ iqsar. |
80 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-massimizzazzjoni tal-irkupru tikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-istralċjarju, dan ma huwiex l-uniku għan tiegħu. B’mod partikolari, kif jenfasizzaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, l-istralċjarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll għanijiet oħra u jibbilanċja diversi interessi. |
81 |
Kif jirrilevaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, ċerti kredituri skont il-livell tagħhom fil-ġerarkija jista’ jkollhom interess għal konklużjoni rapida tal-proċedura ta’ stralċ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li dan l-interess jirriżulta b’mod partikolari mil-Liġi 22/2003, sa fejn din tipprevedi sospensjoni tal-interessi għad-djun mhux iggarantiti, li timplika, kif jirrileva s-SRB, li l-kredituri ta’ livell ogħla ma humiex ikkumpensati għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti. |
82 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur, meta jibbilanċja l-interessi tad-diversi kategoriji ta’ kredituri, ikkunsidra li xenarju itwal minn dak ta’ seba’ snin ma kienx prevedibbli, ma kienx intiż li jiffavorixxi lil ċerti gruppi ta’ kredituri, iżda li jimmassimizza l-irkupru għalihom kollha. |
83 |
Sussegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-proċedura ta’ stralċ kellha tiżvolġi f’terminu raġonevoli, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Liġi 22/2003 kien li jiġi evitat tul eċċessiv tal-proċeduri ta’ stralċ. |
84 |
F’dan ir-rigward, il-premessa VII tal-Liġi 22/2003 tipprevedi li “[i]l-liġi għandha l-għan li tevita l-estensjoni eċċessiva tal-operazzjonijiet ta’ stralċ, għal dan l-għan, hija timponi fuq l-amministraturi l-obbligu li jirrappurtaw kull tliet xhur dwar il-progress ta’ dawn l-operazzjonijiet u tistabbilixxi terminu ta’ sena sabiex dawn jitlestew, b’sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-revoka tal-amministraturi u t-telf tad-dritt għal remunerazzjoni”. |
85 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 153 tal-Liġi 22/2003 jipprevedi l-possibbiltà għal kull parti kkonċernata li titlob lill-qorti tal-falliment ir-revoka tal-amministraturi ġudizzjarji u l-ħatra ta’ amministraturi ġodda meta l-fażi ta’ stralċ ma tkunx ingħalqet sena wara l-ftuħ tagħha. |
86 |
Barra minn hekk, kif jirrileva r-Renju ta’ Spanja, f’digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2015, il-Juzgado de lo Mercantil no 6 Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 6 ta’ Madrid, Spanja) qieset li l-Liġi 22/2003 “fl-ebda każ ma [kienet] tiddetermina b’mod imperattiv li l-istralċ tal-insolvenza [kellu] jkollu tul massimu ta’ sena, peress li [kien] jirriżulta mill-formulazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi [Taqsima VII] tal-Liġi [22/2003] u mill-Artikolu 153 tagħha, li jagħti l-possibbiltà li tintalab ir-revoka ta’ amministraturi negliġenti, li x-xewqa u l-aspirazzjoni tal-leġiżlatur kienu li l-operazzjonijiet ta’ stralċ ma jdumux għal żmien itwal minn dak li kien neċessarju, bil-perijodu ta’ sena inizjalment meqjus bħala raġonevoli għall-implimentazzjoni u t-tlestija tagħhom, inkluż sabiex jitwettqu l-ħlasijiet, il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-konklużjoni tal-proċedura ta’ falliment”. |
87 |
L-għan intiż sabiex il-proċedura ta’ stralċ ma tittawwalx indebitament ġie kkonfermat bl-emenda tal-Liġi 22/2003 prevista mil-Ley 25/2015 de mecanismo de segunda oportunidad, reducción de la carga financiera y otras medidas de orden social (il-Liġi 25/2015 dwar il-Mekkaniżmu tat-Tieni Opportunità, it-Tnaqqis tal-Piż Finanzjarju u ta’ Miżuri Soċjali Oħra), tat‑28 ta’ Lulju 2015 (BOE Nru 180, tad‑29 ta’ Lulju 2015, p. 64479). It-tielet dispożizzjoni tranżitorja dwar it-tariffa tad-drittijiet tar-rappreżentanti ġudizzjarji tal-Liġi 25/2015 tipprevedi: “Mit-tlettax-il xahar wara l-ftuħ tal-fażi ta’ stralċ, il-mandatarju ġudizzjarju ma jirċievi ebda remunerazzjoni, ħlief jekk il-qorti tiddeċiedi, b’mod immotivat u wara li tkun semgħet lill-partijiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li testendi dan it-terminu. L-estensjonijiet miftiehma għandhom ikunu trimestrali u ma jaqbżux total ta’ sitt xhur.” |
88 |
F’sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2020, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) interpretat it-tielet dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 25/2015, fis-sens li tipprovdi, “b’mod ġenerali, li d-dritt għal remunerazzjoni tal-istralċjarju matul il-fażi ta’ stralċ [kien] limitat għall-ewwel tnax-il xahar” u li “mit-tlettax-il xahar, ma [kellux] id-dritt li jirċievi onorarji miġbura mill-massa, sakemm il-qorti ma tawtorizzax dan, b’mod immotivat u wara li tisma’ lill-partijiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża”. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li “din id-dispożizzjoni [kienet] tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jiżguraw li l-fażi ta’ stralċ ma ddumx wisq (Artikolu 152 tal-Liġi 22/2003)”. |
89 |
Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Liġi 22/2003 mill-qrati Spanjoli ssostni l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li l-proċedura ta’ stralċ għandha titwettaq f’terminu raġonevoli. |
90 |
Barra minn hekk, sabiex jitqies li l-proċedura ta’ stralċ ma tistax iddum iktar minn seba’ snin, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur ħadu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra. Huma osservaw b’mod partikolari li, minn ċertu tul ta’ żmien, l-ispejjeż tal-proċedura u l-inċertezzi marbuta mal-likwidazzjoni tal-assi ma kinux jippermettu li tiġi żgurata l-massimizzazzjoni tal-irkupru. Kif jinnota l-SRB, perijodi itwal ta’ stralċ iwasslu għal livell ogħla ta’ inċertezzi dwar it-tnaqqis potenzjali fil-valur u r-riskji makroekonomiċi. |
91 |
Kif jenfasizzaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, ir-rikorrenti ma jistgħux jaffermaw li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proċedura itwal jagħti neċessarjament vantaġġi u jwassal neċessarjament għal massimizzazzjoni tal-irkupru. |
92 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-għan tal-proċedura ta’ stralċ li jikkonsisti fil-massimizzazzjoni tal-irkupru tal-kredituri kien jipprekludi l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li din il-proċedura għandha titwettaq f’terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, huma ma wrewx li din l-evalwazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni Spanjola. |
93 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur qiesu b’mod żbaljat li l-Artikolu 153 tal-Liġi 22/2003, kif emendata fl‑2015, kien jistabbilixxi perijodu ta’ sena għall-proċess ta’ stralċ. Huma jilmentaw li l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Istralċjarju kienu jistabbilixxu terminu “massimu effettiv” ta’ 18-il xahar għall-istralċ ta’ Banco Popular. |
94 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li kien ikkunsidra xenarju ta’ stralċ ta’ 18-il xahar, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont il-Liġi 22/2003, l-istralċjarju kien jiġi rremunerat biss għal 12-il xahar, b’estensjoni possibbli ta’ 6 xhur għall-proċeduri kumplessi. Madankollu, huwa qies li d-daqs tal-bank u l-kumplessità tiegħu jagħmlu xenarju bħal dan improbabbli ħafna. |
95 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur fakkar dak li kien indika fil-valutazzjoni 3, jiġifieri li s-sitwazzjoni skont il-Liġi 22/2003, wara r-riforma tal-2015, kienet li perijodu ta’ 18-il xahar huwa l-massimu effettiv għall-istralċ ta’ Banco Popular. Huwa rrileva li l-għan ta’ dawn l-emendi kien li jiġi evitat li l-proċedura ta’ stralċ tiġi estiża b’mod indefinit u li l-Liġi 22/2003 kif emendata kienet tagħmel l-estensjoni mhux iġġustifikata tal-fażi ta’ stralċ raġuni li tiġġustifika s-sostituzzjoni tal-istralċjarju. Madankollu, l-uffiċċju evalwatur fakkar li, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura ta’ insolvenza ipotetika ta’ Banco Popular u tal-fatt li proċedura mgħaġġla wisq twassal għal problemi ta’ kapaċità tas-suq, ta’ prezzijiet iktar baxxi u ta’ rkupru dgħajjef, huwa kien ippreveda żewġ xenarji ta’ stralċ itwal minn dak ta’ 18-il xahar previst mil-Liġi 22/2003. Huwa żied li x-xenarji addizzjonali ta’ 3 u ta’ 7 snin jippermettu li l-assi ta’ Banco Popular jiġu llikwidati b’mod iktar effikaċi u b’rata ta’ rkupru aħjar mix-xenarju ta’ 18-il xahar, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ restituzzjoni tal-valur lill-kredituri f’terminu raġonevoli. |
96 |
Għaldaqstant, peress li l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra x-xenarju ta’ stralċ ta’ 18-il xahar bħala improbabbli ħafna u għalhekk elabora żewġ xenarji oħra itwal, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkritikaw lill-uffiċċju evalwatur talli interpreta b’mod żbaljat il-Liġi 22/2003 fis-sens li tistabbilixxi terminu “massimu effettiv” ta’ tul ta’ likwidazzjoni ta’ 18-il xahar huma ineffettivi. Bl-istess mod, l-eżempji ċċitati fix-xhieda ta’ A, ta’ proċeduri ta’ insolvenza li bdew wara l-2015 u għal iktar minn 3 snin, lanqas ma huma rilevanti. |
97 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti, billi jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A, jikkontestaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur, li tinsab fid-dokument ta’ kjarifika, li jipprovdi li ċerti kredituri ta’ livell ogħla tal-azzjonisti affettwati u għall-kredituri affettwati jistgħu jitolbu t-tneħħija tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni indebita tal-perijodu ta’ stralċ lil hinn minn sena u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi li l-istralċjarju jantiċipa tali azzjonijiet u jħaffef il-proċedura. |
98 |
Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika ma humiex intiżi sabiex jiġġustifikaw xenarju ta’ stralċ “imħaffef”, iżda sabiex jiġġustifikaw ir-raġuni għalfejn il-proċedura ta’ stralċ ma għandhiex iddum iktar minn seba’ snin. |
99 |
Minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, jirriżulta li s-SRB indika li, fir-rigward tal-mod kif id-diversi kredituri evalwaw il-pjan ta’ stralċ, l-uffiċċju evalwatur, fil-valutazzjoni 3, kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi wara l-istralċ setgħet tkun sinjifikattiva, sa fejn il-kredituri ta’ livell ogħla qiesu li kien ftit probabbli li kienu ser jiġu kkumpensati għad-dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti. |
100 |
Għalhekk, id-diversi kredituri ta’ Banco Popular, skont il-livell tagħhom fil-ġerarkija, seta’ jkollhom interessi diverġenti fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ u l-uffiċċju evalwatur u s-SRB ma jistgħux jiġu kkritikati li ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi kollha. |
101 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut tal-Liġi 22/2003, li tipprevedi l-possibbiltà li l-istralċjarju jitneħħa fil-każ ta’ estensjoni mhux iġġustifikata tal-istralċ u tal-fatt li ċerti kredituri ma għandhomx interess li l-proċedura titkompla, din it-tneħħija tikkostitwixxi possibbiltà li l-uffiċċju evalwatur seta’ jieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ. |
102 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fix-xhieda ta’ A, li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, dan iddikjara li “jekk ċerti gruppi ta’ kredituri kellhom jagħmlu pressjoni fuq l-istralċjarju sabiex jitħaffef il-proċess ta’ stralċ, gruppi oħra ta’ kredituri, bħad-detenturi ta’ krediti subordinati, ikunu jistgħu jmorru kontra tali strateġija” permezz ta’ azzjoni għad-danni kontra l-istralċjarju. Huwa żied jgħid li għalhekk ikkunsidra “li [l-uffiċċju evalwatur] [kien] ippreżuma li l-interessi u l-azzjonijiet ipotetiċi tal-kredituri ta’ livell ogħla kienu jinfluwenzaw lill-istralċjarju iktar mill-interessi tal-kredituri ta’ livell inferjuri” u li huwa ma kien jara “l-ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li stralċjarju kien jiffavorixxi grupp ta’ kredituri speċifiku fit-tfassil tal-pjan ta’ stralċ minflok il-grupp ieħor, billi jħaffef indebitament il-proċedura ta’ insolvenza u, konsegwentement, billi jirrinunzja potenzjalment għall-irkupru għad-detenturi ta’ krediti subordinati”. |
103 |
Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li x-xhieda ta’ A tikkostitwixxi sempliċi opinjoni li ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur li ċerti kredituri jistgħu jqisu li tul tal-proċedura ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin huwa inġustifikat u jistgħu, minħabba f’hekk, jiġu mħeġġa jitolbu t-tneħħija tal-istralċjarju sabiex jiksbu rimbors tal-krediti tagħhom f’terminu raġonevoli. |
104 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jqajmu ebda argument intiż li jikkontesta l-elementi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3 u mfakkra fid-dokument ta’ kjarifika intiż sabiex jiġġustifika li l-proċedura ta’ stralċ ma ddumx iktar minn seba’ snin, bħall-ispejjeż ta’ stralċ, ta’ ġestjoni u ta’ żamma ogħla, iż-żieda tal-inċertezza għall-istralċjarju f’termini ta’ livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi u l-fatt li stralċjarju ma huwiex lest li jispekula fuq eventwali punti pożittivi futuri li huma inċerti ħafna. |
105 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-preżunzjonijiet adottati mis-SRB jew mill-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tax-xenarji ta’ stralċ kienu bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Liġi 22/2003 u, għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ stralċ itwal
106 |
Ir-rikorrenti jsostnu li, skont ix-xhieda ta’ A annessa mar-rikors u l-addendum tagħha anness mar-replika, stima raġonevoli tat-tul tal-perijodu ta’ insolvenza hija ta’ għaxar snin jew iktar u ta’ seba’ snin minimu. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq il-perizji tagħhom, li abbażi tagħhom xenarju ta’ stralċ ta’ għaxar snin kien iwassal għal irkupri ogħla. Huma jinvokaw eżempji ta’ insolvenza, imsemmija fil-perizji tagħhom u fix-xhieda ta’ A, li fihom it-tul tal-perijodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-assi qabeż il-perijodu ta’ stralċ massimu ta’ seba’ snin meħud inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Delegat 2018/344 jipprevedi li: “Il-valwatur għandu jqis dawn li ġejjin meta jiġi biex jiddetermina l-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija skont proċeduri normali tal-insolvenza:
[…]
|
108 |
Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu għamlu riferiment għal każijiet ta’ insolvenza preċedenti fi Spanja u f’qrati oħra. Huwa indika li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur kien innota li, minkejja li kien ħa inkunsiderazzjoni, sa ċertu punt, il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Banco de Madrid, l-emendi importanti li saru sussegwentement fid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza (pereżempju, l-emendi li jaffettwaw it-tul ta’ dawn il-proċeduri) ma kinux jippermettu paragun ma’ kawżi Spanjoli preċedenti. Barra minn hekk, huwa kkonstata li l-uffiċċju evalwatur kien eżamina jekk każijiet oħra ta’ stralċ fl-Ewropa setgħux jagħtu ħarsa ġenerali lejn ix-xenarju ipotetiku ta’ stralċ. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej differenti fil-qasam tal-insolvenza, dan il-paragun tqies mill-uffiċċju evalwatur biss bħala li għandu valur limitat. Barra minn hekk, il-kuntest makroekonomiku, l-operazzjonijiet, l-attivitajiet u l-assi tal-entità setgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn każ għal ieħor u kellhom impatt fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza. Is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur, konformement mal-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament Delegat 2018/344, kien ħa inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar każijiet preċedenti reċenti ta’ insolvenza ta’ entitajiet simili u kien ipprovda motivazzjoni suffiċjenti dwar ir-rilevanza tagħha. |
109 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżempji msemmija mir-rikorrenti u ċċitati fil-perizji tagħhom annessi mar-rikors u mar-replika ma jikkostitwixxux punti ta’ paragun rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular. |
110 |
Fir-rigward tal-każijiet ta’ AFINSA Bienes Tangibles SA, ta’ Ploder Uicesa SA, ta’ Assignia Infraestructruras SA u ta’ Essentium Grupo SL, imsemmija fix-xhieda ta’ A u fil-perizja annessi mar-rikors, li l-proċeduri ta’ insolvenza tagħhom kienu damu iktar minn 18-il xahar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel is-SRB, li dawn l-impriżi ma humiex istituzzjonijiet bankarji u li għalhekk dawn ma humiex eżempji rilevanti. |
111 |
Fir-rigward tal-każijiet ta’ Northern Rock, Bradford & Bingley, Dexia SA, Heta Asset Resolution AG, SNS Bank jew Banco Espírito Santo, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jikkonċernawx banek Spanjoli u li, għaldaqstant, il-proċedura ta’ insolvenza tagħhom kienet irregolata minn dispożizzjonijiet nazzjonali differenti minn dawk applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular. |
112 |
Barra minn hekk, l-esperti tar-rikorrenti indikaw, fir-rapport tagħhom anness mar-rikors, li ma kienx hemm każijiet ta’ insolvenza ta’ banek paragunabbli għal Banco Popular fi Spanja u li l-eżempji tal-bank Portugiż Banco Espírito Santo u tal-bank Olandiż SNS Bank kienu bbażati fuq rapporti ta’ insolvenza ipotetiċi. Għalhekk ma jistgħux iservu bħala eżempji tal-prattika fil-qasam tal-insolvenza fi Spanja. |
113 |
Barra minn hekk, is-SRB indika li l-każijiet tas-Sociedad de Gestión de Activos procedente de la Reestructuración Bancaria (SAREB), ta’ Heta Asset Resolution, ta’ Northern Rock, ta’ Bradford & Bingley u ta’ Dexia ma kinux jikkonċernaw każijiet ta’ insolvenza, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti kif ukoll l-esperti tagħhom fir-rapport tagħhom anness mar-replika. |
114 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-SAREB, l-uniku eżempju ta’ bank Spanjol imsemmi mir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tas-SRB li t-tul ta’ ħmistax-il sena previst għall-finijiet tat-trasferiment ordnat tal-assi kien jikkorrispondi għal perijodu ta’ ristrutturazzjoni stabbilit fil-kuntest ta’ proċess ġenerali ta’ ristrutturazzjoni tas-settur bankarju Spanjol u mhux għal perijodu ta’ stralċ. |
115 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn is-sitwazzjoni tad-diversi eżempji li huma semmew hija paragunabbli ma’ dik ta’ Banco Popular f’termini b’mod partikolari ta’ struttura ta’ portafolli ta’ assi jew ta’ kuntest makroekonomiku. |
116 |
Fir-rigward tal-każ ta’ Banco de Madrid, ir-rikorrenti jsostnu li l-insolvenza ta’ dan il-bank, li huwa iżgħar u inqas kumpless minn Banco Popular, ilha għaddejja għal iktar minn sitt snin u turi li xenarju ta’ għaxar snin huwa xieraq. |
117 |
F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li kien ħa inkunsiderazzjoni l-każ ta’ Banco de Madrid, li kien f’dak iż-żmien l-aħħar proċedura ta’ insolvenza bankarja Spanjola miftuħa, filwaqt li kkonstata li din kienet differenti mill-każ ta’ Banco Popular fir-rigward tal-impatt sistemiku tiegħu. Huwa rrileva wkoll li l-istralċ ta’ Banco de Madrid kien jippreċedi ċerti emendi legali importanti tal-Liġi 22/2003 li kellhom impatt fuq ix-xenarju applikat għal Banco Popular. Madankollu, huwa indika li dan il-preċedent kien utli fir-rigward tal-konferma tar-revoka tal-liċenzja bankarja u għall-evalwazzjoni ta’ ċerti assi. |
118 |
Fil-fatt, kif indika wkoll l-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika, il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Banco de Madrid kienet preċedenti għall-emenda tal-Liġi 22/2003 li potenzjalment kellha l-effett li tillimita l-proċedura ta’ stralċ għal 18-il xahar. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 87 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-Liġi 25/2015 kienet intiża sabiex il-proċedura ta’ stralċ ma tittawwalx indebitament billi tipprevedi l-possibbiltà li r-remunerazzjoni tal-istralċjarju tiġi limitata għal 18-il xahar. |
119 |
Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco de Madrid, mibdija f’Marzu 2015, kienet ilha għaddejja għal 5 snin u għalhekk ma kinitx tikkontradixxi l-ipoteżi ta’ xenarju ta’ stralċ massimu ta’ seba’ snin. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jispjegawx għalfejn dan l-eżempju jistabbilixxi li xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular ta’ għaxar snin ikun xieraq. |
120 |
Għaldaqstant, l-eżempji ċċitati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul massimu tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular ta’ seba’ snin kien manifestament żbaljat. |
121 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li l-esperti tar-rikorrenti wettqu l-evalwazzjoni tagħhom stess tal-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular sabiex jistabbilixxu li l-irkupri kienu jkunu ikbar fuq perijodu ta’ għaxar snin ma huwiex ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-valutazzjoni 3. |
122 |
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ A, li “fl-opinjoni [tiegħu], stima raġonevoli tat-tul tal-perijodu tal-insolvenza hija ta’ 10 snin jew iktar u ta’ mill-inqas 7 snin”, tikkostitwixxi sempliċi opinjoni li ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni konkreta tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular. |
123 |
Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
124 |
Mill-analiżi tal-ewwel parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur li t-tul tal-perijodu massimu tal-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular kien ta’ seba’ snin, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan li l-istralċ isir f’terminu raġonevoli kif ukoll tal-inċertezzi li jirriżultaw minn tul ta’ stralċ estiż. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. |
125 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti, dwar il‑valutazzjoni tas‑self li jrendi
126 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjonijiet adottati mill-uffiċċju evalwatur u li fuqhom is-SRB ibbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li jrendi ta’ Banco Popular, huma manifestament żbaljati u wasslu għal sottovalutazzjoni sostanzjali ta’ dan il-portafoll. |
127 |
Din il-parti għandha tinqasam f’erba’ lmenti relatati mal-analiżi magħmula mill-uffiċċju evalwatur dwar, l-ewwel, ir-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix, it-tieni, il-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas-self li jrendi, it-tielet, in-nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas-self li jrendi rimanenti u, ir-raba’, ir-rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi. |
1) Fuq l‑ewwel ilment, dwar ir‑riklassifikazzjoni tas‑self li jrendi bħala self li ma jrendix
128 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-motivi mogħtija mill-uffiċċju evalwatur sabiex jiġġustifika r-riklassifikazzjoni, fil-valutazzjoni 3, ta’ EUR 1.1 biljun ta’ self li jrendi bħala self li ma jrendix huma manifestament żbaljati. |
129 |
Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-użu tal-istandard IFRS 9 [International Financial Reporting Standard (Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju)] u taċ-circular 4/2017 del Banco de España, a entidades de crédito, sobre normas de información financiera pública y reservada, y modelos de estados financieros (Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja, għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, dwar ir-Regoli ta’ Rapportar Finanzjarju Pubbliku u Rriżervat u l-Mudelli ta’ Dikjarazzjonijiet Finanzjarji), tas‑27 ta’ Novembru 2017 (BOE Nru 296, tas‑6 ta’ Diċembru 2017, p. 119454) ma huwiex xieraq fil-kuntest ta’ insolvenza u li l-uffiċċju evalwatur, sabiex iwettaq ir-riklassifikazzjoni ta’ self li jrendi bħala self li ma jrendix, applika l-istandard IFRS 9 b’mod restrittiv wisq. Il-kriterji użati mill-uffiċċju evalwatur ma jikkorrispondux għal dak li l-istandard IFRS 9 jiddefinixxi bħala self li għandu jiġi kklassifikat fil-fażi 3 u għalhekk li għandu jiġi “żvalutat” u jitneħħa mill-grupp ta’ self li jrendi. |
130 |
F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 3, fir-rigward tar-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni l-klijenti li, fil-kotba tal-kontabbiltà ta’ Banco Popular, kienu kklassifikati fil-fażi 2 skont l-istandard IFRS 9, jiġifieri l-klijenti li fir-rigward tagħhom hemm riskju għoli ta’ nuqqas ta’ ħlas, u sussegwentement applika kriterji oġġettivi sabiex jiddetermina liema kienu l-kuntratti ta’ self miżmuma minn dawn il-klijenti li setgħu jiġu rikklassifikati bħala self li ma jrendix, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-bank. L-uffiċċju evalwatur imbagħad ikkunsidra li kellu jiġi rikklassifikat bħala self li ma jrendix dak is-self li kien diġà inadempjenti għal iktar minn 30 jum u li l-ammont tiegħu li kien għadu dovut kien ogħla mil-livell tal-garanziji mogħtija kif ukoll is-self tal-klijenti li diġà kellhom kuntratt ta’ self inadempjenti meta jew il-garanziji mogħtija kienu insuffiċjenti, jew il-kuntratt inadempjenti kien importanti fir-relazzjoni globali mal-bank. |
131 |
Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur ma kkunsidrax li ċertu self kellu jiġi kklassifikat fil-fażi 3 skont il-kriterji previsti mill-istandard IFRS 9 u li huwa ma wettaqx ir-riklassifikazzjoni ta’ ċertu self li jrendi bħala self li ma jrendix skont dan l-istandard. |
132 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur indika, fil-valutazzjoni 3, li l-metodu tiegħu kien konformi mal-Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja ma jfissirx, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li huwa applikah sabiex jirriklassifika s-self li jrendi bħala self li ma jrendix. |
133 |
Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirriżulta minn qari żbaljat tal-valutazzjoni 3. |
134 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur, sabiex jiġġustifika d-diffikultajiet ta’ persuna li tissellef sabiex tirrimborsa s-self tagħha, ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-iffriżar tal-fondi tiegħu, billi injora, minn naħa, il-fatt li persuna li tissellef jista’ jkollha kontijiet f’banek oħra u, min-naħa l-oħra, il-funzjonament tas-sistema Spanjola ta’ garanzija tad-depożiti. Ir-riferiment għal “kontrotalbiet” mhux speċifikati huwa sempliċi konġettura. Huma jsostnu li dawn id-dikjarazzjonijiet huma vagi u mhux issostanzjati u ma jiġġustifikawx ir-riklassifikazzjoni sostanzjali tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix magħmula fil-valutazzjoni 3. |
135 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati intiżi sabiex jiksbu kjarifiki dwar ir-riklassifikazzjoni ta’ ċertu self li jrendi bħala self li ma jrendix magħmula fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ipprovda l-ispjegazzjonijiet li ġejjin: “Kif indikat fil-[valutazzjoni 3], insolvenza ta’ Banco Popular ikollha konsegwenzi sinjifikattivi, inkluż għall-persuni li jissellfu, u tista’ twassal għal żieda fil-livell ta’ nuqqasijiet ta’ ħlas (pereżempju, il-persuni li jissellfu li jkollhom ukoll kontijiet kurrenti ma’ Banco Popular jistgħu jkunu suġġetti għall-iffriżar ta’ dawn il-kontijiet u ma jkunux jistgħu jaċċedu għall-fondi tagħhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jressqu kontrotalbiet sabiex ma jwettqux jew idewmu r-rimborsi previsti). Din iż-żieda hija kkonċentrata fuq il-partijiet tal-portafoll u/jew fuq il-persuni li jissellfu, diġà f’diffikultà, u hija aggravata mid-diffikultajiet sabiex tinżamm attitudni proattiva fil-ġestjoni ta’ dan is-self, fid-dawl tat-tfixkil tal-operazzjonijiet u tal-persunal ta’ Banco Popular li jirriżulta mill-insolvenza. Fuq il-bażi tal-esperjenza [tiegħu] u tal-ġudizzju espert [tiegħu], [huwa qies] li l-persuni li jissellfu identifikati bħala fil-fażi 2 [skont l-istandard IFRS 9] fid-data pprovduta [kienu] jippreżentaw riskju għoli ta’ nuqqas ta’ ħlas. Din il-klassifikazzjoni flimkien ma’ fatturi oħra (pereżempju, il-kollateral assoċjat) [kienu] jiddeterminaw l-istima taż-żieda tal-inadempjenza u tar-riklassifikazzjoni. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni [kienet] differenti minn analiżi kontabbli fit-tkomplija tal-operat.” |
136 |
Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement isostnu li l-eżempji mogħtija mill-uffiċċju evalwatur tal-aġir li jista’ jiġi adottat, fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular, minn persuni li jissellfu, ma jiġġustifikawx il-portata tar-riklassifikazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 3. Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
137 |
Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-valutazzjoni 3 u fid-dokument ta’ kjarifika dwar ir-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix ma humiex ibbażati fuq dawn l-eżempji. Ir-rikorrenti jidhru li jinjoraw il-fatt li r-riklassifikazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 3, imsemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna biss ċertu self miżmum minn persuni li jissellfu li kienu diġà jippreżentaw riskji ta’ nuqqas ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, huma ma jqajmux argumenti intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-konsegwenzi ta’ waqfien f’daqqa tal-attivitajiet tal-bank, minn naħa, fuq id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-persuni li jissellfu li diġà kellhom diffikultajiet sabiex jirrimborsaw is-self tagħhom meta Banco Popular kienet għadha topera u, min-naħa l-oħra, fuq iż-żieda tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ self li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom bħal-livell baxx tal-kollateral assoċjat, kienu diġà jippreżentaw riskji ta’ nuqqas ta’ rimbors qabel l-istralċ. |
138 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li s-SRB kellu jqis li r-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix imwettaq fil-valutazzjoni 3 kienet manifestament żbaljata. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq it‑tieni lment, dwar il‑preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas‑self li jrendi
139 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3 dwar it-tnaqqis tad-daqs tal-portafoll ta’ self li jrendi minn EUR 59.5 biljun għal EUR 24.9 biljun fi 18-il xahar hija bbażata fuq preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat mhux realistiku. Huma jikkontestaw dawn il-preżunzjonijiet fir-rigward, minn naħa, tas-self li jrendi lill-impriżi u, min-naħa l-oħra, tas-self li jrendi ipotekarju. |
140 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-paragun magħmul mir-rikorrenti bejn il-livelli ta’ rimbors antiċipat fis-suq Spanjol fl‑2017 u l-preżunzjonijiet ikkunsidrati mill-uffiċċju evalwatur ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, sa fejn il-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq il-preżunzjoni li Banco Popular kienet ser tiġi stralċjata, il-livelli ta’ rimbors antiċipat għal impriżi operattivi ma humiex paragunabbli. |
i) Fir‑rigward tas‑self li jrendi lill-impriżi
141 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw il-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li 80.23 % tal-portafoll ta’ self li jrendi lill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular ser jiġi rrimborsat b’mod antiċipat f’terminu ta’ sena wara l-insolvenza ta’ Banco Popular. Din il-preżunzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni illoġika u kuntrarja għall-karatteristiċi tas-suq Spanjol li l-klijenti professjonali li għandhom bżonn bank li jipprovdi servizzi bankarji kummerċjali huma obbligati li jiffinanzjaw mill-ġdid is-self tagħhom minn bank ġdid li jista’ joffri dawn is-servizzi. |
142 |
L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li ma teżistix rabta bejn self u kont kurrenti, li ma huwiex eżatt li impriża li tissellef għandha biss relazzjoni bankarja waħda għall-bżonnijiet kollha tagħha u li għandu jiġi rrikonoxxut in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu biex ibiddlu l-bank. L-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa dan fid-dokument ta’ kjarifika u bbaża ruħu fuq dikjarazzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet mill-qrib tal-banek Spanjoli mal-klijenti tagħhom jew mal-istrateġiji tal-banek kompetituri, mingħajr ma identifika kemm mill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular li kisbu self kienu jibbenefikaw minn funzjonijiet bankarji oħra li għalihom huma kellhom iċaqilqu. |
143 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur qies li r-rati tar-rimbors antiċipat setgħu jkunu sostanzjalment ogħla f’xenarju ta’ stralċ milli fil-każ ta’ bank operattiv, peress li l-klijenti li kellhom il-kapaċità kienu probabbilment jiċċaqilqu lejn istituzzjonijiet finanzjarji oħra u jirrimborsaw id-dejn tagħhom lill-bank, u li l-banek Spanjoli l-kbar l-oħra setgħu wkoll jippruvaw b’mod attiv jattiraw l-aħjar klijenti tal-bank fi stralċ. Huwa qies li din il-preżunzjoni tapplika b’mod speċjali għall-impriżi klijenti li, għall-ġestjoni tal-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, kellhom jibbażaw ruħhom fuq bank kompletament operattiv, li jista’ joffri prodotti u servizzi bħal faċilitajiet ta’ kreditu rinnovabbli, ġbid ta’ kreditu ieħor, funzjoni ta’ punt ta’ bejgħ u anki servizzi oħra li Banco Popular ma tkunx f’pożizzjoni li tkompli toffri wara li tkun tpoġġiet fi stralċ. |
144 |
Huwa indika wkoll li huwa kien ippreżuma li l-klijenti impriżi kollha kienu jiċċaqilqu bl-eċċezzjoni tal-impriżi li kienu fuq il-lista ta’ sorveljanza, li ftit li xejn setgħu jiksbu finanzjament mill-ġdid minn bank ieħor, u kumpanniji ta’ kuntratturi tal-proprjetà immobbli li fir-rigward tagħhom il-banek kompetituri kellhom ftit interess fid-data tar-riżoluzzjoni. |
145 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, wara kummenti mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati li l-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat għas-self li jrendi kienu jidhru għoljin wisq, l-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej: “Barra minn hekk, ikkonstatajna li l-mudell ekonomiku Spanjol tal-bank bl-imnut huwa bbażat fuq l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet mill-qrib mal-klijenti. F’dan ix-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular, numru kbir ta’ impriżi klijenti jwettqu diskussjonijiet kummerċjali ma’ fornituri ta’ servizzi bankarji oħra, li matulhom l-entità alternattiva tkun f’pożizzjoni tajba sabiex tattira s-self tal-impriżi klijenti kif ukoll l-attivitajiet bankarji tranżazzjonali tagħhom. Biex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità, ma nistgħux nippreżumu rabta operattiva bejn iż-żewġ prodotti. Madankollu, nassumu li d-diskussjonijiet kummerċjali li jirriżultaw minn dan ikopru l-ħtiġijiet bankarji kollha tal-klijent (kemm jekk tranżazzjonijiet kummerċjali kif ukoll self) u li l-fornitur l-ieħor ikun jixtieq jattira l-ikbar numru possibbli ta’ attivitajiet ġodda. Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jkunu iktar faċli meta tkun diġà teżisti relazzjoni bankarja (klijenti multibankarji). B’mod partikolari, is-SMEs u l-franchises ta’ valur iżgħar ta’ Banco Popular kienu, fil-fehma tagħna, ta’ interess strateġiku għal banek Spanjoli oħra f’dak iż-żmien, b’tali mod li strateġija proattiva intiża sabiex tattira l-klijenti ta’ Banco Popular minn kompetitur wieħed jew iktar kienet tkun ir-riżultat probabbli ta’ xenarju ta’ stralċ. Għalhekk, aħna nqisu li l-preżunzjonijiet li fuqhom hija bbażata ż-żieda fil-livell tar-rimborsi antiċipati ta’ self, kif esposti [fil-valutazzjoni 3], huma raġonevoli.” |
146 |
Barra minn hekk, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati li jissuġġerixxu li l-inerzja tal-persuna li tissellef tnaqqas il-livell ta’ ċaqliq u li l-aġir tal-klijenti mhux dejjem huwa razzjonali, l-uffiċċju evalwatur qabel li, jekk dan kien fattur f’sitwazzjoni ta’tkomplija tal-operat, is-sitwazzjoni kienet differenti ħafna f’xenarju ta’ stralċ. Huwa fakkar li l-klijenti li jiddependu fuq Banco Popular għal servizzi bankarji tranżazzjonali jkunu mġiegħla jbiddlu l-bank u, anki li kieku ma kienx hemm rabta operattiva, probabbilment huma jċaqilqu s-self tagħhom fl-istess ħin sabiex iżommu l-livelli ta’ servizz u għal raġunijiet ta’ konvenjenza amministrattiva. |
147 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa l-assenza ta’ rabta operattiva bejn self u kont kurrenti ma jikkontestax l-evalwazzjoni tiegħu li l-impriżi klijenti għandhom jibbażaw ruħhom fuq bank li jista’ joffrilhom firxa sħiħa ta’ prodotti u ta’ servizzi. Il-fatt li Banco Popular, minħabba l-istralċ tiegħu, ma għadux f’pożizzjoni li joffrilhom dawn is-servizzi huwa element ta’ natura li jiffavorixxi ċ-ċaqliq ta’ din il-klijentela lejn banek oħra u għalhekk rimbors antiċipat tas-self tagħhom. |
148 |
Barra minn hekk, mill-valutazzjoni 3 ma jirriżultax li l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni li impriża għandha biss relazzjoni bankarja waħda għall-bżonnijiet kollha tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li dan kien aċċetta n-natura żbaljata tal-ipoteżi tiegħu meta rrikonoxxa l-eżistenza ta’ relazzjonijiet multibankarji fid-dokument ta’ kjarifika bi tweġiba għal ċerti kummenti. F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur qies li l-fatt li klijent ta’ Banco Popular ikollu kont f’bank ieħor jista’ jkun element ta’ natura li jiffaċilita x-xiri tas-self tagħhom minn dan il-fornitur l-ieħor u għalhekk ir-rimbors antiċipat tas-self li jrendi. |
149 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fid-dokument ta’ kjarifika l-uffiċċju evalwatur ma rrikonoxxiex in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu biex ibiddlu l-bank fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular. |
150 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-uffiċċju evalwatur indika b’mod ċar liema kienu l-kategoriji tal-impriżi klijenti li huwa kien eskluda mill-preżunzjoni tiegħu bħala li ma kinux f’pożizzjoni li jittrasferixxi s-self tagħhom, l-argument intiż bħala ilment tal-fatt li huwa ma identifikax kemm mill-impriżi klijenti li kienu sselfu kienu jibbenefikaw minn funzjonijiet bankarji oħra ma huwiex rilevanti. |
151 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-uffiċċju evalwatur qiegħed ir-“relazzjonijiet bankarji mill-qrib” bħala fattur determinanti tar-rimborsi antiċipati ’l fuq mill-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha, inklużi l-ispejjeż tas-self. Fil-fehma tagħhom, il-klijenti professjonali, b’mod partikolari l-SMEs, jippreferu l-ispiża tas-self fuq in-natura tar-relazzjonijiet bankarji tagħhom. |
152 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-bidu tal-proċess ta’ stralċ ta’ Banco Popular, mhux biss fuq l-inkapaċità tiegħu li jipprovdi s-servizzi bankarji kollha, iżda wkoll fuq l-aġir tal-banek kompetituri. B’mod partikolari, l-uffiċċju evalwatur indika, fid-dokument ta’ kjarifika, li parti mill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular, b’mod partikolari l-SMEs, jirrappreżentaw interess strateġiku għal banek Spanjoli oħra li jistgħu jistabbilixxu strateġija biex jattiraw lil dawn il-klijenti fil-każ ta’ stralċ. |
153 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi li l-eżistenza ta’ relazzjonijiet mill-qrib tal-klijenti professjonali Spanjoli mal-bank tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi element rilevanti li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. L-argumenti tar-rikorrenti ma jċaħħdux mill-plawżibbiltà l-ipoteżi, meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur, li, wara l-istralċ ta’ Banco Popular, il-klijenti professjonali li kellhom jittrasferixxu t-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom lejn bank ieħor kienu jagħżlu li jittrasferixxu wkoll is-self tagħhom, sabiex iżommu relazzjoni li tkopri s-servizzi bankarji kollha. |
154 |
It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn l-uffiċċju evalwatur ma pprovdiex ċifri relatati mar-rati ta’ interessi relatati u mal-ispejjeż ta’ xoljiment li huwa kkunsidra. |
155 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti dwar ir-rati ta’ interessi relatati u l-ispejjeż ta’ trasferiment, l-uffiċċju evalwatur indika li kkunsidra, waqt il-formulazzjoni tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, ix-xewqa tal-klijent li jiċċaqlaq (pereżempju, ir-rati ta’ interessi relattivi applikati bejn Banco Popular u fornituri oħra), l-ostakoli potenzjali (pereżempju, l-ispejjeż ta’ trasferiment) u l-attrazzjoni tal-klijent għal banek oħra waqt l-eżami tar-rifinanzjament tas-self tal-klijent (filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-profil tar-riskju tal-persuna li tissellef, l-istorja tal-kreditu, is-segmentazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja, eċċ.). Huwa indika li eżamina r-rati ta’ interessi relatati, billi qabbel ir-rata ta’ interessi li għandha titħallas fuq l-ammont tas-self pendenti (kif indikat fid-data pprovduta) mar-rati ta’ interessi applikati għat-tranżazzjonijiet ġodda simili fid-data tax-xoljiment, u l-ispejjeż ta’ xoljiment, inkluż l-eżami ta’ kampjun ta’ kuntratti, sabiex jifhem l-ispejjeż ta’ xoljiment previsti għal kull kuntratt standard, kif ukoll l-effett tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt. |
156 |
Għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-uffiċċju evalwatur effettivament ħa inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjoni 3, ir-rati ta’ interessi applikati minn Banco Popular u l-banek l-oħra kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ self. Din l-ispjegazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament Delegat 2018/344, li jipprovdi li l-valutazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni tal-metodi u l-ipoteżijiet prinċipali użati u indikazzjoni tas-sensittività tal-valutazzjoni għal dawn l-għażliet. Ma kienx il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur li jispeċifika fil-valutazzjoni 3 l-elementi u ċ-ċifri kollha li fuqhom kien ibbaża ruħu. |
157 |
Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-ipoteżi adottata mill-uffiċċju ta’ evalwazzjoni li 80.23 % tal-portafoll ta’ self li jrendi tal-impriżi klijenti ta’ Banco Popular ikunu s-suġġett ta’ rimbors antiċipat. |
ii) Fir‑rigward tas‑self ipotekarju li jrendi
158 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur, li 33.55 % tal-portafoll ta’ self ipotekarju li jrendi ta’ Banco Popular jiġi rrimborsat b’mod antiċipat f’terminu ta’ 18-il xahar, hija bbażata fuq ġeneralizzazzjonijiet mhux issostanzjati. |
159 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rati ipotekarji fis-suq Spanjol kienu sinjifikattivament ogħla mir-rati ta’ 1 u ta’ 1.2 % applikati mill-uffiċċju evalwatur u jibbażaw ruħhom fuq il-perizja tagħhom, li tirreferi għad-data tal-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u għal dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s. Huma jsostnu li l-klijenti li kienu jħallsu rata ta’ interessi ta’ 2 % jew inqas fuq is-self ipotekarju tagħhom, li tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi ta’ dan is-self fis-suq Spanjol f’Ġunju 2017, ma kellhom ebda interess li jbiddlu l-bank tagħhom. Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ma kkontestax din id-data u lanqas ir-rilevanza tagħha, iżda introduċa distinzjoni mhux rilevanti bejn ir-rati ta’ interessi fis-suq Spanjol f’Ġunju 2017 u r-rati ta’ interessi fis-seħħ matul il-perijodu kollu tal-ipoteka. |
160 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu tar-rati ta’ interessi fis-seħħ matul il-perijodu kollu tal-ipoteka, sa fejn il-klijenti ma jiddeċidux li jikkonkludu self ipotekarju abbażi ta’ tali rata, iżda biss abbażi tar-rata inizjali disponibbli fis-suq, u sa fejn ir-rati inizjali jkollhom it-tendenza li jkunu iktar baxxi minn rata medja fuq it-tul tas-self. |
161 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra li iktar kien probabbli li jiċċaqilqu l-klijenti li r-relazzjoni tagħhom bejn is-self u l-valur tal-oġġett mixtri permezz ta’ dan is-self (iktar ’il quddiem il-“proporzjon tas-self/valur”) hija inqas minn 90 % u li ma kinux inklużi fil-lista ta’ sorveljanza jew dawk li t-tul ta’ żmien ta’ maturità tas-self tagħhom kien ta’ iktar minn sentejn. Huwa qies li l-klijenti li għandhom proporzjon tas-self/valur ta’ inqas minn 80 % jirrimborsaw is-self tagħhom b’mod antiċipat jekk iħallsu rata ta’ interessi ta’ 1 % jew iktar u li l-klijenti li għandhom proporzjon tas-self/valur ta’ bejn 80 % u 90 % jirrimborsaw is-self tagħhom b’mod antiċipat jekk iħallsu rata ta’ interessi ta’ 1.2 % jew iktar. |
162 |
Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rati ta’ interessi ta’ 1 u ta’ 1.2 % diġà tressqu minn ċerti azzjonisti u kredituri affettwati matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ. |
163 |
F’dan ir-rigward, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur indika li d-data li tirriżulta mill-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s, invokata mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, kienet differenti minn dik użata fil-valutazzjoni 3, sa fejn din kienet tirrifletti biss ir-rata inizjali tal-ipoteka. |
164 |
L-uffiċċju evalwatur spjega li r-rati ipotekarji użati fil-valutazzjoni 3 kienu ġew ikkalkolati bit-tqabbil tar-rati (fissi u varjabbli) tal-portafoll ta’ Banco Popular ma’ dawk proposti fis‑6 ta’ Ġunju 2017 mill-fornituri prinċipali ta’ krediti ipotekarji fis-suq Spanjol. Barra minn hekk, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni r-rati fis-seħħ matul il-perijodu kollu tas-self ipotekarju (iktar milli għall-perijodu inizjali biss), peress li s-self ipotekarju fi Spanja ġeneralment għandu rata differenti fil-bidu tas-self meta mqabbel mal-perijodu rimanenti tal-kuntratt. L-uffiċċju evalwatur irrileva li dawn ir-rati kienu ġew ikkalkolati permezz tal-medja tal-perċentwali tas-self ipotekarju kemm varjabbli kif ukoll fiss fis-suq Spanjol f’dak iż-żmien u li dawn il-ponderazzjonijiet kienu ġew immultiplikati rispettivament bl-offerta ta’ rata medja għall-kuntratti l-ġodda ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli u b’rata fissa. |
165 |
Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-uffiċċju evalwatur ma kkontestax ir-rilevanza tad-data tagħhom li tirriżulta mill-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s. Huwa indika b’mod ċar li, sa fejn din id-data ma kinitx tirrifletti r-rata ta’ interessi tal-ipoteka fuq it-tul kollu tas-self, huma ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3. |
166 |
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-klijenti jieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-rata ta’ interessi inizjali tas-self u mhux dik applikabbli matul il-perijodu kollu tas-self ipotekarju ma hija bbażata fuq ebda element konkret. Kif jirrileva s-SRB, din id-dikjarazzjoni hija kontradetta wkoll mill-argument tar-rikorrenti li l-klijenti jippruvaw “jiksbu rata medja iktar baxxa għal żmien twil”. |
167 |
Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li r-rati ta’ interessi inizjali għandhom it-tendenza li jkunu iktar baxxi minn rata medja fuq it-tul tas-self ma hija bbażata fuq ebda prova. |
168 |
Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti jikkonsistu biss fit-tressiq tal-ipoteżijiet tagħhom stess sabiex jikkontradixxu dawk użati fil-valutazzjoni 3 u ma jistgħux iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni magħmula mill-uffiċċju evalwatur. Barra minn hekk, dawn l-argumenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra, bħall-proporzjon tas-self/valur u t-tul tal-maturità tas-self, meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur sabiex jiġi stabbilit liema kien is-self ipotekarju li jrendi li jkun irrimborsat b’mod antiċipat. |
169 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li l-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat ta’ self ipotekarju ma kinux jikkostitwixxu fattur rilevanti u huma jqisu li eskluda b’mod żbaljat l-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni ta’ self ipotekarju ġdid. |
170 |
Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur indika li, waqt it-tfassil tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li seta’ jkollhom effett fuq il-proċess ta’ ċaqliq tal-klijenti lejn entità oħra, kemm mill-perspettiva tal-offerta, bħall-kwalità tal-kreditu tal-klijent jew id-disponibbiltà tal-garanziji, kif ukoll mill-perspettiva tat-talba, jiġifieri l-impatt tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni tas-self ipotekarju miżmum mingħand Banco Popular kif ukoll l-ispejjeż marbuta mal-formalizzazzjoni tas-self ipotekarju mal-fornitur l-ieħor. |
171 |
Huwa fakkar l-evalwazzjoni tiegħu, li tinsab fil-valutazzjoni 3, li tgħid li ma kien jeżisti ebda ostakolu sabiex klijent jittrasferixxi l-kreditu ipotekarju tiegħu għal fornitur ieħor minkejja l-fatt li ċertu self jagħti lok għal spejjeż ta’ rimbors antiċipat. Huwa qies li l-klijenti li għandhom depożiti ma’ Banco Popular ikollhom isibu fornitur ieħor għal dawn id-depożiti u li kien probabbli li dawn il-fornituri jinċentivaw u jissimplifikaw il-proċess ta’ trasferiment tal-prodotti l-oħra tagħhom. Konsegwentement, huwa ma kkunsidrax li dawn l-ispejjeż kienu jiddiswadu lill-klijenti milli jittrasferixxu l-kreditu ipotekarju tagħhom. Huwa qies ukoll li l-istralċjarju seta’ ma jkunx f’pożizzjoni li japplika l-ispejjeż tar-rimbors antiċipat jekk il-klijenti kienu kkunsidrati bħala li kellhom ibiddlu l-fornitur, minħabba diffikultajiet operattivi li ltaqa’ magħhom Banco Popular wara l-istralċ. Fl-aħħar nett, huwa evalwa dawn l-ispejjeż għal madwar EUR 40 miljun għall-klijenti kollha li jitilqu mill-Banco Popular u għalhekk ma inkludiex id-dħul relatat magħhom. |
172 |
Fuq dan l-aħħar punt, l-uffiċċju evalwatur indika wkoll, fid-dokument ta’ kjarifika, li huwa kien eżamina kampjun ta’ tranżazzjonijiet sabiex jifhem l-ispejjeż ta’ annullament standard ikkuntrattati minn Banco Popular u li minn dan kien ikkonkluda li dawn kienu jinsabu fil-parametri tas-suq. |
173 |
Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-uffiċċju evalwatur ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas-self ipotekarju li jrendi, l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment ta’ dan is-self lejn bank ieħor. |
174 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-uffiċċju evalwatur sabiex ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat huma superfiċjali u li huwa ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni ta’ self ġdid. Huma jqisu li l-ispjegazzjoni bbażata fuq l-inċentivi tal-banek kompetituri hija purament spekulattiva, li l-istralċjarju ma jirrinunzjax għall-irkupru tal-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat u li, jekk l-ammont ta’ EUR 40 miljun ma kienx sinjifikattiv fuq livell globali, l-eżami kellu jsir fuq livell individwali. |
175 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma kinux intiżi sabiex jistabbilixxu li l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment tas-self ipotekarju li jrendi lejn bank ieħor ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda li ma kinux dissważivi. L-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq sempliċi dikjarazzjonijiet li ma jurux in-natura manifestament żbaljata tal-preżunzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. |
176 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma qajmu ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li 33.55 % tal-portafoll ta’ self ipotekarju li jrendi ta’ Banco Popular ikun irrimborsat b’mod antiċipat. |
177 |
Mill-analiżi tat-tieni lment jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest meta qies fid-dokument ta’ kjarifika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-uffiċċju evalwatur “kien ressaq argumenti xierqa fuq il-bażi tal-preżunzjonijiet tiegħu dwar iż-żieda tal-livell ta’ rimbors antiċipat” tas-self li jrendi. Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
3) Fuq it‑tielet ilment, dwar nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas‑self li jrendi rimanenti
178 |
Ir-rikorrenti jindikaw li huma ma jikkontestawx il-metodu ta’ kalkolu tal-irkupru mistenni mil-likwidazzjoni tas-self li jrendi rimanenti, jiġifieri s-self rimanenti fil-portafoll wara t-tnaqqis ta’ dak ikklassifikat mill-ġdid bħala self li ma jrendix u ta’ dak li jirriżulta mill-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, u li huma japprovaw il-fatt li parti minn dan is-self isir ma jrendix matul it-tul tiegħu. Madankollu, huma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma pprovda ebda bażi għall-preżunzjoni, inkluża fil-valutazzjoni 3, li jkun hemm “żieda sinjifikattiva” ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas fil-każ ta’ insolvenza. |
179 |
Ir-rikorrenti jirreferu għal estratt minn tabella, li tinsab fil-valutazzjoni 3, li tinkludi sunt tal-istrateġija ta’ likwidazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular applikata mill-uffiċċju evalwatur li tipprovdi li “[i]l-portafoll ta’ self li jrendi jiġi llikwidat sa tmiem il-perijodu ta’ stralċ, fid-dawl tar-redditu tiegħu, ta’ żieda sinjifikattiva fir-rata ta’ rimbors antiċipat u ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas, segwiti minn bejgħ finali tal-portafoll rimanenti”. |
180 |
Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur semma żieda sinjifikattiva fir-rata ta’ rimbors antiċipat tas-self li jrendi u mhux ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas-self li jrendi rimenanti. |
181 |
Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel is-SRB, li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-valutazzjoni 3. |
182 |
Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud. |
4) Fuq ir‑raba’ lment, dwar ir‑rata ta’ skont fuq il‑bejgħ tal‑ bilanċ tal‑portafoll tas‑self li jrendi
183 |
Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fil-kuntest tax-xenarju ipotetiku ta’ stralċ ta’ seba’ snin, l-uffiċċju evalwatur applika rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi (ir-“rump”) bejn 5.1 % fl-aħjar ipoteżi u 6.1 % fl-agħar ipoteżi, mingħajr ma spjega din id-differenza ta’ 1 %. |
184 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li r-rata ta’ skont użata fi tmiem il-perijodu ta’ stralċ f’kull xenarju kienet tirrifletti r-rati ta’ redditu meħtieġa fis-suq Spanjol għal kull kategorija ta’ assi abbażi tal-profil tar-riskju stmat fil-mument tal-istralċ, li kien jeħtieġ li jsiru aġġustamenti. L-uffiċċju evalwatur semma fuq liema elementi huwa bbaża ruħu sabiex jagħmel dawn l-aġġustamenti. Huwa spjega li d-diversi rati ta’ skont użati fid-diversi xenarji ta’ stralċ kienu jirriflettu l-evoluzzjoni tal-għaqda tad-diversi kategoriji ta’ assi tal-portafoll u tar-rati ta’ skont rispettivi preżunti tagħhom. |
185 |
Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-ispjegazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi distint għall-aħjar u l-agħar każ f’kull xenarju temporali alternattiv. |
186 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-perizja tagħhom, li tadotta bħala ipoteżi rata ta’ skont massimu ta’ 5 %, għandu jitfakkar li mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li paragun mal-analiżi mwettqa fil-perizja tar-rikorrenti ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-uffiċċju evalwatur wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 3. |
187 |
Minn dan isegwi li r-raba’ lment għandu jiġi miċħud. |
188 |
Mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li jrendi ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. |
189 |
Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it‑tielet parti, dwar il‑valutazzjoni tas‑self li ma jrendix
190 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tal-irkupru tas-self li ma jrendix fil-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq preżunzjonijiet inkoerenti u infondati u hija irrikonċiljabbli mad-data ta’ referenza, fatt li wassal għal sottovalutazzjoni ta’ dan l-irkupru. |
191 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-preżunzjoni kkunsidrata fil-valutazzjoni 3 li tipprovdi li s-self kollu li ma jrendix jinbiegħ f’terminu ta’ 18-il xahar wara l-istralċ. Huma jsostnu li l-portafoll ta’ self li ma jrendix iggarantit jikkonsisti prinċipalment f’self iggarantit minn assi immobbli u li l-valur tiegħu huwa għalhekk iddeterminat mill-valur tal-assi immobbli sottostanti. Fil-valutazzjoni 3, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-kriterju prinċipali ta’ valutazzjoni tas-self li ma jrendix iggarantit huwa l-irkupru tal-ammonti wara l-bejgħ tal-assi maqbuda, l-uffiċċju evalwatur adotta approċċ inkoerenti billi l-preżunzjoni tiegħu hija bbażata fuq perijodu ta’ trasferiment ottimali differenti għas-self li ma jrendix u għall-assi immobbli. |
192 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li l-istrateġija ta’ stralċ prevista kienet tikkonsisti fil-bejgħ tal-portafoll ta’ self li ma jrendix fl-iqsar żmien possibbli sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-bank u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-“domanda” fis-suq Spanjol għal dawn l-assi u li dan kien konformi mal-esperjenza miksuba fil-kuntest ta’ likwidazzjonijiet bankarji oħra. Huwa qies li s-self li ma jrendix jiġi preżunt li nbiegħ f’Diċembru 2018, jiġifieri madwar 18-il xahar wara d-data ta’ riżoluzzjoni, fit-tliet xenarji alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin. |
193 |
Wara kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, billi sostna li terminu itwal għat-trasferiment tas-self li ma jrendix kien jippermetti li jinkiseb dħul ta’ bejgħ ogħla, l-uffiċċju evalwatur indika, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-preżunzjoni li Banco Popular iżżomm self li ma jrendix matul perijodu itwal kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil tal-valutazzjoni 3. Madankollu, huwa sostna li skeda ta’ żmien għat-trasferiment tal-portafoll tas-self li ma jrendix fuq perijodu ta’ 18-il xahar jibqa’ l-iktar xieraq. |
194 |
F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur qies li, fuq perijodu itwal, irkupri ikbar kienu jkunu inċerti, filwaqt li l-ispejjeż marbuta maż-żamma tat-tim ta’ stralċ (fid-dawl tar-riskju marbut mat-tluq tal-persunal ewlieni, li jżid il-livell ta’ ineffiċjenza potenzjali), kif ukoll fatturi oħra bħan-nuqqas ta’ rieda ta’ persuni li jissellfu inadempjenti li jibdew diskussjonijiet ma’ bank insolventi, kienu iktar ċerti. Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur indika li perijodu itwal kien iżid ukoll ir-riskju makroekonomiku, b’mod partikolari, minħabba li kien hemm suq attiv għas-self li ma jrendix fit-tieni nofs tal‑2017 u qies li ma tantx kien probabbli li stralċjarju jispekula fuq kundizzjonijiet favorevoli li jippersistu għal perijodu twil (b’mod partikolari f’kuntest ta’ frammentazzjoni makroekonomika potenzjalment sinjifikattiva li tista’ sseħħ wara l-istralċ ta’ Banco Popular). Għalhekk ikkonkluda li bejgħ relattivament qasir huwa fl-aħħar mill-aħħar iktar vantaġġjuż u ma joħloqx problemi ta’ kapaċità tax-xerrej li jkollhom impatt fuq il-livell ta’ kisbiet mitmuma. |
195 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB semma dawn l-ispjegazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur u approvahom. |
196 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur spjega li, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 3, huwa kien adotta xenarju dinamiku, iddefinit bħala metodu li jistabbilixxi mumenti differenti ta’ likwidazzjoni matul l-istralċ u li sussegwentement jistabbilixxi valur tal-assi skont, b’mod partikolari, il-mument tal-likwidazzjoni. Għalhekk, huwa indika li, għal kull wieħed mix-xenarji temporali alternattivi, huwa kien ippreveda l-istrateġija u l-perijodu ta’ trasferiment ottimali sabiex jimmassimizza l-likwidazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ assi, skont in-natura sottostanti tagħhom u l-likwidità tagħhom. |
197 |
Issa, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta din il-metodoloġija. |
198 |
Għalhekk, anki jekk 66.6 % tal-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular kien iggarantit minn assi immobbli, dan is-self u l-assi immobbli ma jappartjenux għall-istess kategorija ta’ assi u t-trasferiment tagħhom fil-kuntest ta’ stralċ ma jsegwix l-istess strateġija. |
199 |
Il-fatt li l-valur tas-self li ma jrendix iggarantit huwa bbażat fuq il-valur tal-garanziji fuq proprjetà immobbli jikkostitwixxi, ċertament, il-fattur prinċipali tal-valutazzjoni tiegħu. Madankollu, ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huwa t-terminu l-iktar xieraq li jippermetti li jiġi mmassimizzat l-irkupru ta’ dan is-self. |
200 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li teżisti inkoerenza fil-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni terminu ta’ trasferiment differenti għas-self li ma jrendix u għall-assi immobbli. |
201 |
Ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-dokument ta’ kjarifika, imsemmija fil-punt 194 iktar ’il fuq, li jindika r-raġunijiet għalfejn il-massimizzazzjoni tal-irkupru ta’ dan is-self kienet timplika li dawn jiġu ttrasferiti malajr wara l-bidu tal-istralċ. |
202 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti, sabiex isostnu li terminu ta’ trasferiment itwal kien jippermetti rkupru ogħla, sempliċement jirrilevaw l-allegati differenzi fl-approċċ tal-uffiċċju evalwatur bejn it-trasferiment tal-portafoll ta’ self li ma jrendix u dak tal-assi immobbli li jikkonċernaw ir-riskji makroekonomiċi jew jindikaw li l-esperti tagħhom għandhom opinjoni differenti fuq l-ispejjeż taż-żamma tal-portafoll ta’ self li ma jrendix u fuq in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu inadempjenti li jinnegozjaw. Issa, la l-paragun mal-valutazzjoni tal-assi immobbli u lanqas dak mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-perizja tagħhom ma huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-uffiċċju evalwatur li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ terminu ta’ trasferiment ta’ 18-il xahar. |
203 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tal-irkupru tas-self li ma jrendix ma taqbilx mad-data ta’ referenza. Huma jsostnu li r-rata ta’ redditu interna (RRI) ta’ 16 % adottata fil-valutazzjoni 3 hija indebitament għolja, fatt li jwassal għat-tnaqqis fil-prezz tal-portafoll ta’ self li ma jrendix. |
204 |
Huma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur eskluda d-data reali tas-suq dwar ir-RRI, billi bbaża ruħu fuq il-“kwalità baxxa” tal-proċedura ta’ trasferiment u fuq l-inkapaċità tal-istralċjarju li “jipprovdi dikjarazzjonijiet u garanziji”. Dawn id-dikjarazzjonijiet jippreżumu li l-istralċ huwa ġestit ħażin mill-istralċjarju bi ksur tar-rekwiżiti tal-Liġi 22/2003. Barra minn hekk, studji tas-suq imwettqa mill-esperti tagħhom juru li n-nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ garanziji għandu effett limitat fuq ir-RRI. |
205 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej: “RRI: aħna ppreżumejna li l-investituri f’diffikultà interessati f’dan it-tip ta’ portafoll [ta’ self li ma jrendix iggarantit] jirrikjedu li RRI ta’ bejn 16 % f’ipoteżi għolja u 20 % f’ipoteżi baxxa, li huma ogħla minn dak li osservajna fis-suq minħabba l-fatt li bejgħ ta’ portafoll ta’ self li ma jrendix f’xenarju ta’ stralċ għandu jieħu inkunsiderazzjoni:
|
206 |
Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-uffiċċju evalwatur ma sostniex li n-nuqqas ta’ informazzjoni kien imputabbli lill-istralċjarju jew li kien qiegħed jimplika kwalunkwe ġestjoni ħażina min-naħa ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sempliċement jirriproduċu opinjoni tal-esperti tagħhom wara allegati studji tas-suq li huma kienu wettqu, mingħajr ma tissemma ebda preċiżazzjoni dwar in-natura ta’ dawn l-istudji jew dwar ir-riżultat tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. |
207 |
Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, id-data reali tas-suq ma tistax isservi bħala data ta’ riferiment fil-kuntest ta’ proċedura ipotetika ta’ insolvenza u teħtieġ aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni diffikultajiet, b’mod partikolari amministrattivi, marbuta mal-istralċ. |
208 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tas-self li ma jrendix. |
209 |
Mill-analiżi tat-tielet parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. |
210 |
Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda. |
d) Fuq ir‑raba’ parti, dwar il‑valutazzjoni tal‑assi immobbli
211 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni tal-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular imwettqa mill-uffiċċju evalwatur hija bbażata fuq preżunzjonijiet inkoerenti u li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri marbuta ma’ dawn l-assi. |
212 |
Huma jsostnu li l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li l-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular, jiġifieri s-sussidjarji tal-proprjetà immobbli, jiġu ttrasferiti f’terminu mħaffef ta’ 18-il xahar irrispettivament mix-xenarju ta’ stralċ previst hija f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni tiegħu dwar l-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular, li t-trasferiment tagħhom huwa maqsum fuq it-tul kollu tal-perijodu ta’ stralċ sabiex jiġu mmassimizzati l-irkupri. |
213 |
Huma jsostnu wkoll li l-uffiċċju evalwatur ma kkwantifikax, u s-SRB ma kkunsidrax, l-irkupri li setgħu jitwettqu fuq perijodu ta’ trasferiment itwal li jikkorrispondi għal dak meħud inkunsiderazzjoni għall-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular. Billi jibbażaw ruħhom fuq il-perizja tagħhom, huma jikkontestaw il-motivi mressqa mill-uffiċċju evalwatur, fid-dokument ta’ kjarifika, li fir-rigward tagħhom huwa qies li perijodu ta’ trasferiment itwal għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ma kienx jippermetti li jiġu mmassimizzati l-irkupri. |
214 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu sostnew, matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, li l-istrateġija ta’ stralċ proposta mill-uffiċċju evalwatur għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ma kinitx xierqa u kienet inkompatibbli mal-informazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 3 relatata mal-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular. Huma kienu ddikjaraw li l-kisbiet ikunu mmassimizzati permezz ta’ trasferiment ordnat tal-assi matul il-perijodu kollu ta’ stralċ u li l-perijodu ta’ 18-il xahar kien ġie aċċellerat inutilment, li kien wassal għal sottovalutazzjoni sinjifikattiva tal-irkupri. |
215 |
Is-SRB indika li, kif spjegat fid-dokument ta’ kjarifika, għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli, l-uffiċċju evalwatur kien qies li l-bejgħ bħala impriżi operattivi tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli matul l-ewwel 18-il xahar tal-istralċ kien jikkostitwixxi l-istrateġija ta’ likwidazzjoni ottimali. Is-SRB irrileva li l-fatt li s-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli jitqiesu bħala impriżi operattivi u mhux bħala sempliċi proprjetarji ta’ beni immobbli kien jippermetti li dawn is-sussidjarji jiġu llikwidati, ladarba jinbiegħu, b’mod iktar mgħaġġel u iktar ordnat, mingħajr diffikultà tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u mingħajr saturazzjoni tal-kapaċità tas-suq. Huwa żied li, minkejja li l-uffiċċju evalwatur ippreveda strateġiji oħra, inkluż li Banco Popular iżżomm l-entitajiet u tistabbilixxi hija stess il-valur tal-assi jew li taqsam t-trasferimenti fuq perijodu itwal, dawn l-istrateġiji kienu jwasslu għal proċess iktar kumpless u b’intensità qawwija ta’ kapital, kif ukoll spejjeż u riskji addizzjonali li l-istralċjarju x’aktarx ma kienx jaċċetta, mingħajr iċ-ċertezza li jikseb irkupri ogħla. |
216 |
F’dan ir-rigward, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża r-raġunijiet għalfejn huwa ma kienx adotta, fil-valutazzjoni 3, strateġija ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli fuq perijodu itwal. L-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej: “[F]it-tfassil [tal-valutazzjoni 3], aħna kkunsidrajna strateġiji oħra, inkluż li Banco Popular iżżomm l-entitajiet u tikkalkula hija stess l-assi fuq perijodu itwal jew taqsam it-trasferimenti fuq perijodu itwal; madankollu, dan huwa proċess potenzjalment b’intensità iktar qawwija ta’ kapital u iktar kumpless fil-ġestjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-istralċ ta’ Banco Popular. B’mod iktar preċiż, fl-istennija ta’ trasferiment tal-assi, l-entitajiet jista’ jkollhom bżonn finanzjament, barra minn hekk, fil-kuntest tal-falliment ta’ Banco Popular u tal-impatt makroekonomiku potenzjali fuq il-valur tal-assi, tali strateġija tesponi lill-istralċjarju għal riskju addizzjonali (inkluż minn perspettiva operazzjonali) li, fil-fehma tagħha, l-istralċjarju ma jkunx jixtieq jaċċetta. Barra minn hekk, minħabba l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali, aħna qisna li perijodu itwal għall-bejgħ ta’ dawn l-entitajiet jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-ammont li jista’ jinkiseb, minħabba l-impatt potenzjali ta’ proċess ta’ stralċ tal-kumpanija omm fuq il-ġestjoni ta’ dawn l-entitajiet. Minbarra dan, in-nuqqas ta’ bejgħ tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli sa tmiem l-iskeda ta’ stralċ iwassal għal spejjeż ogħla ta’ stralċ, kif ukoll għal spejjeż ogħla ta’ ġestjoni u żamma, u ma jirriżultax neċessarjament għal irkupru ogħla.” |
217 |
Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur spjega li, sa fejn kien ippreveda t-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi u mhux bħala assi immobbli miżmuma indirettament, trasferiment fuq perijodu itwal minn 18-il xahar ma kienx jippermetti massimizzazzjoni tal-irkupru. |
218 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-uffiċċju evalwatur kienu japplikaw kemm għall-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular kif ukoll għal dawk direttament miżmuma minnha. Huma jikkontestaw li l-ġestjoni tal-assi immobbli indirettament miżmuma kienet twassal għal spejjeż addizzjonali, sa fejn, skont l-esperti tagħhom, l-istralċjarju kien jibbenefika mill-għarfien tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli li kienu jiggwidawh fil-ġestjoni tar-riskju relatat mal-assi immobbli. Huma jindikaw li ma jafux x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi msemmija mill-uffiċċju evalwatur. |
219 |
Għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma humiex suffiċjenti sabiex jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB u mill-uffiċċju evalwatur li trasferiment, fuq perijodu itwal, tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli miżmuma indirettament iżid l-ispejjeż, kemm dawk marbuta mal-funzjonament ta’ dawn is-sussidjarji kif ukoll dawk tal-istralċ, kif ukoll ir-riskji, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju ta’ saturazzjoni tas-suq tal-proprjetà immobbli, u għalhekk ma kienx jippermetti massimizzazzjoni tal-irkupru. |
220 |
Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-uffiċċju evalwatur wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra t-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi. Il-fatt li, skont il-perizja tagħhom, kienet possibbli strateġija oħra, jiġifieri t-trasferiment ta’ dawn is-sussidjarji bħala assi immobbli miżmuma indirettament, ma huwiex biżżejjed sabiex iċaħħad mill-plawżibbiltà l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur. |
221 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punti 196 u 197 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-metodoloġija ta’ valutazzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur, li abbażi tagħha huwa ppreveda l-istrateġija u t-terminu ta’ trasferiment ottimali sabiex jimmassimizza l-kisbiet tad-diversi kategoriji ta’ assi, skont in-natura sottostanti u l-likwidità tagħhom. |
222 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment differenti għal żewġ kategoriji ta’ assi differenti, jiġifieri s-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala impriżi operattivi u l-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular, huwa kontradittorju. |
223 |
Barra minn hekk, sa fejn l-uffiċċju evalwatur iġġustifika l-motivi għalfejn trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli miżmuma indirettament ma kienx jippermetti li jinkisbu irkupri ogħla, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jilmentaw li huwa ma kkwantifikax l-irkupri li jirriżultaw minn tali preżunzjoni. |
224 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti kif ukoll il-perizja li fuqha huma bbażaw ruħhom, intiżi sabiex jistabbilixxu li l-uffiċċju evalwatur kellu jipprevedi perijodu ta’ trasferiment itwal, huma bbażati fuq il-preżunzjoni ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tat-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala impriżi operattivi. |
225 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li, fil-każ ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ trasferiment ta’ 18-il xahar ikun żbaljat. |
226 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. |
227 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda. |
e) Fuq il‑ħames parti, dwar il‑valutazzjoni tar‑riskji legali
228 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tar-riskji legali, fil-valutazzjoni 3, inkluża f’firxa wiesgħa ħafna ta’ bejn EUR 1.8 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 3.5 biljun fl-agħar ipoteżi, tirriżulta minn żbalji ta’ liġi u minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u wasslet għal sopravalutazzjoni arbitrarja tar-riżervi għal riskji legali kif ukoll għal tnaqqis fil-livell tal-irkupri. |
229 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur espona l-approċċ ġenerali tiegħu dwar il-valutazzjoni tar-riskji legali. Huwa indika li kien ivverifika d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Banco Popular u eżamina, flimkien mat-tim legali intern tal-bank, jekk l-istimi kellhomx jiġu rriveduti jew jekk setgħux jinħolqu talbiet addizzjonali fil-każ ta’ stralċ tal-bank. Huwa spjega li kkalkola mill-ġdid ir-riskji legali fir-rapporti finanzjarji bl-użu tal-preżunzjonijiet tiegħu stess abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-bank u filwaqt li qies, fejn rilevanti, il-ġurisprudenza eżistenti. Huwa nnota li d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza ma kinitx tipprekludi lill-partijiet milli jressqu talbiet ġodda u li, fil-fatt, l-esperjenza tiegħu f’sitwazzjonijiet oħra kienet turi li talbiet addizzjonali potenzjalment sinjifikattivi u li sa dak iż-żmien ma kinux previsti setgħu jseħħu f’xenarju ta’ stralċ, peress li l-klijenti, il-kredituri jew l-azzjonisti jfittxu li jimmassimizzaw il-prospetti ta’ rkupru tagħhom. Huwa ppreċiża wkoll li, bħal f’kull proċedura ġudizzjarja, ma kienx possibbli li jiġi previst b’liema mod il-qrati kienu jikkunsidraw it-talbiet irċevuti, b’mod partikolari dawk li kienu purament ipotetiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li l-analiżi tiegħu setgħet tikkostitwixxi evalwazzjoni prudenti tar-riskji legali potenzjali għall-finijiet tal-irkupru. |
230 |
Fir-rigward tal-metodoloġija u tal-preżunzjonijiet użati, l-uffiċċju evalwatur spjega li huwa kien assuma li r-riskji legali prinċipali kienu inklużi fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular u li huwa kien eżamina il-preżunzjonijiet magħmula mill-bank u kkalkola mill-ġdid l-ammont potenzjali li seta’ jintalab. Huwa speċifika li fl-analiżi tiegħu inkluda r-riskju li jikkonċerna t-talbiet marbuta maż-żidiet fil-kapital f’xenarju ta’ stralċ, abbażi tal-għarfien tiegħu tas-settur. |
231 |
Sussegwentement, l-uffiċċju evalwatur spjega l-metodu li huwa kien uża sabiex jevalwa kull kategorija ta’ riskji legali, jiġifieri l-klawżoli ta’ rata minima tas-self ipotekarju, il-bonds konvertibbli b’mod obbligatorju, l-ispejjeż marbuta mas-self ipotekarju, iż-żidiet fil-kapital ta’ Banco Popular tal‑2012 u tal‑2016 u l-garanziji tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli. |
232 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-approċċ tal-uffiċċju evalwatur ma huwiex konformi mad-dritt Spanjol. Huma jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A annessa mar-rikors, li, fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza skont id-dritt Spanjol, l-istralċjarju ġeneralment ma jagħmilx riżervi għat-talbiet pendenti jew għat-talbiet potenzjali kontra l-entità fi stralċ. Id-dritt Spanjol jevita li l-istralċjarju jispekula dwar l-eżitu tat-talbiet li ma humiex ikkonkretizzati, sabiex ma jippreġudikax il-kredituri eżistenti. L-istralċjarju jista’, b’mod eċċezzjonali, jagħmel riżervi għall-valur ta’ talba pendenti diġà rreġistrata jekk iqis li huwa probabbli ħafna li ser tirnexxi, iżda, abbażi tal-obbligu tiegħu li jimmassimizza l-irkupru għall-kredituri eżistenti, huwa ma jevalwax it-talbiet li għadhom ma ġewx irreġistrati. |
233 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq sempliċi dikjarazzjonijiet tax-xhud tagħhom, A, li ma jsemmi espliċitament ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola. |
234 |
Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, l-Artikolu 87(4) tal-Liġi 22/2003 jipprovdi: “Meta l-qorti tal-falliment tqis li l-kundizzjoni riżoluttiva jew il-konferma tal-eventwali pretensjoni hija probabbli, hija tista’, fuq talba ta’ parti, tieħu l-miżuri kawtelatorji ta’ kostituzzjoni ta’ riżervi fuq l-assi, ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji mill-partijiet u kull miżura oħra li hija tqis xierqa f’kull każ partikolari.” |
235 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Liġi 22/2003 ma tillimitax il-possibbiltà għall-istralċjarju li jieħu inkunsiderazzjoni talbiet fil-każ eċċezzjonali fejn huwa jqis li huwa “probabbli ħafna” li dawn jirnexxu. |
236 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ikkalkola mill-ġdid l-ammont tar-riżervi għal riskji legali diġà previsti fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular mhux abbażi tat-talbiet diġà rreġistrati, iżda abbażi tal-esperjenza tiegħu jew tal-preżunzjonijiet tiegħu stess. Din ma hijiex motivazzjoni suffiċjenti għal devjazzjoni mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular. Filwaqt li fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur indika li kien meħtieġ parir legali sabiex jiġu evalwati l-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-ilmenti, ma hemm xejn li jindika fil-valutazzjoni 3 li huwa kiseb tali parir. |
237 |
L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, bħalma għamel is-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, li l-uffiċċju evalwatur indika, fil-valutazzjoni 3 u fid-dokument ta’ kjarifika, li kien ikkonsulta lid-dipartiment legali ta’ Banco Popular u eżamina miegħu jekk l-istimi inklużi fir-rapporti finanzjarji tal-bank kellhomx jiġu rriveduti jew jekk setgħux jinħolqu talbiet addizzjonali fil-każ ta’ stralċ. |
238 |
Barra minn hekk, mill-valutazzjoni 3 jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli sabiex iwettaq il-valutazzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-uffiċċju evalwatur kellu l-kompetenzi meħtieġa sabiex iwettaq b’mod effettiv il-valutazzjoni 3 fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075, li jinkludi kompetenzi legali. |
239 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li parir legali supplimentari kien neċessarju għat-twettiq tal-valutazzjoni 3. |
240 |
It-tieni, fir-rigward tal-fatt li l-istimi tal-uffiċċju evalwatur kienu jiddevjaw mil-livell ta’ riżervi li jinsabu fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular, is-SRB irrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li mid-dokument ta’ kjarifika kien jirriżulta li l-kriterji kontabbli applikati minn Banco Popular għall-kalkolu tar-riżervi għal riskji legali abbażi ta’ tkomplija tal-operat ma kinux japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. |
241 |
F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur spjega, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-kriterji kontabbli applikati minn Banco Popular għall-kalkolu tar-riżervi għal riskji legali, barra mill-proċedura ta’ insolvenza, huma differenti minn dawk applikati għall-kalkolu li għandu jsir fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ u li l-kriterji kontabbli ma kinux japplikaw f’każ ta’ insolvenza. Barra minn hekk, huwa semma li l-ħolqien ta’ riżerva kontabbli ma kienx jagħti lok għal drittijiet speċifiċi fi ħdan il-ġerarkija tal-kredituri f’każ ta’ stralċ u ma kienx jagħti preferenza lil dawn il-kredituri sabiex jirkupraw kwalunkwe ammont. Huwa indika li, konsegwentement, il-livelli tar-riżervi kkalkolati minn Banco Popular fir-rapporti finanzjarji tiegħu probabbilment ikunu differenti, peress li l-livelli tar-riżervi ta’ Banco Popular ma kinux jirriflettu xenarju ta’ stralċ. |
242 |
Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur indika wkoll li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza jista’ jwassal għal talbiet addizzjonali li jistgħu jinbdew minn kredituri li jixtiequ jimmassimizzaw l-irkupru tagħhom qabel it-tmiem tal-istralċ. |
243 |
Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur immotiva b’mod suffiċjenti r-raġuni għalfejn huwa kien iddevja mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular u kien ibbaża ruħu fuq l-istimi tiegħu stess sabiex jevalwa r-riskji legali fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ fil-valutazzjoni 3. |
244 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma ssostansjax id-dikjarazzjoni tiegħu li l-istimi tar-riskji legali huma ogħla fil-każ ta’ insolvenza milli fil-każ ta’ impriża operattiva. Skont l-esperti tagħhom, l-istima għandha tkun iktar baxxa f’każ ta’ insolvenza. |
245 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minbarra l-ispjegazzjoni msemmija fil-punt 242 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur kien indika fil-valutazzjoni 3 li l-proċeduri ta’ stralċ kienu ġeneralment jagħtu lok għal kawżi u talbiet sinjifikattivi bbażati fuq preżunzjonijiet diffiċli li jiġu antiċipati. Kif indikat fil-punt 229 iktar ’il fuq, huwa spjega li, skont l-esperjenza tiegħu, talbiet addizzjonali potenzjalment sinjifikattivi u li sa dak iż-żmien ma kinux previsti, setgħu jseħħu f’xenarju ta’ stralċ, bl-għan li jiġu mmassimizzati l-perspettivi ta’ rkupru. |
246 |
Barra minn hekk, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ipprovda spjegazzjonijiet speċifiċi dwar ir-riskju ta’ żieda tat-talbiet għal kull kategorija ta’ riskji legali. Pereżempju, fir-rigward tal-klawżoli ta’ rata minima dwar is-self ipotekarju, huwa kkunsidra d-dħul fis-seħħ fl‑2018 ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. |
247 |
Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur immotiva b’mod suffiċjenti r-raġuni għalfejn huwa kien wettaq stima tar-riżervi għal riskji legali ogħla fil-valutazzjoni 3 minn dawk li jirriżultaw mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular. |
248 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-istimi tar-riżervi għal riskji legali relatati maż-żidiet fil-kapital ta’ Banco Popular fl‑2012 u fl‑2016. |
249 |
Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur fakkar li Banco Popular kien wettaq żewġ żidiet fil-kapital, f’Novembru 2012 u f’Mejju 2016, kull waħda għal EUR 2.5 biljun. Huwa rrileva li l-kawża Bankia kienet tikkostitwixxi preċedent fir-rigward tal-mod kif l-azzjonisti setgħu jqisu żbalji jew ommissjonijiet eventwali fil-prospett inizjali ta’ ġbir tal-kapital bħala bażi għal talba li, jekk kellha tintlaqa’, tkun tippermetti lill-azzjonist jikseb danni mingħand il-bank. Sabiex jevalwa it-talbiet potenzjali, huwa spjega li ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, iż-żmien li għadda, billi ppreċiża li t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward taż-żieda fil-kapital tal‑2012 ma kienx skada u, min-naħa l-oħra, il-profil tal-investituri billi bbaża ruħu fuq l-informazzjoni pubblika disponibbli u l-istruttura tal-azzjonisti pprovduti minn Banco Popular. |
250 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu għamlu kummenti, li abbażi tagħhom it-talbiet relatati maż-żieda fil-kapital tal‑2012 kienu ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda. Huwa indika li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra li, anki jekk dawn kienu potenzjalment inqas probabbli mill-ilmenti dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2016, il-possibbiltà ta’ tali talbiet ma setgħetx tiġi totalment eskluża. B’mod partikolari, skont l-uffiċċju evalwatur, jistgħu jitressqu talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 ta’ Banco Popular fir-rigward ta’ żbalji jew ommissjonijiet eventwali fil-prospett inizjali ta’ żieda fil-kapital u din il-possibbiltà ma setgħetx tiġi eskluża minħabba l-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien għadu ma skadiex. Is-SRB indika li, konsegwentement, l-uffiċċju evalwatur kien ikkonkluda li, anki jekk it-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 kien ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda, dawn ma setgħux jiġu esklużi. |
251 |
Għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża li huwa kien assuma li l-valur ta’ dawn it-talbiet kien ikun null meta stabbilixxa l-aħjar ipoteżi dwar il-valutazzjoni tar-riżervi għal riskji legali. |
252 |
L-ewwel, fir-rigward tar-riskji legali marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2016, ir-rikorrenti jindikaw li l-esperti tagħhom evalwaw li provvista għal riżerva ġusta, prudenti u raġonevoli kienet tammonta għal EUR 1.1 biljun abbażi tal-istima mwettqa minn Ernst & Young f’isem Bankia u dik imwettqa minn Banco Santander. |
253 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, dan l-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti sempliċement jirreferu għall-kalkolu mwettaq fil-perizja tagħhom ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 3. |
254 |
It-tieni, fir-rigward tar-riskji legali marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2012, ir-rikorrenti jqisu li, fl-aħjar ipoteżi bħal fl-agħar ipoteżi, l-ammont tagħhom għandu jkun null peress li t-talbiet kienu ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda u skont ix-xhieda ta’ A, stralċjarju ma huwiex awtorizzat jagħmel riżervi għal tali krediti. |
255 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-punti 234 u 235 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istralċjarju għandu l-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni krediti eventwali u li dan l-argument diġà ġie miċħud. |
256 |
Ir-rikorrenti ma jressqux argumenti li jistgħu jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-uffiċċju evalwatur u approvati mis-SRB, iċċitati fil-punt 250 iktar ’il fuq, li jiġġustifikaw li t-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 għad jistgħu jseħħu wara l-istralċ ta’ Banco Popular. |
257 |
F’dan ir-rigward, il-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li l-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-possibbiltà ta’ talbiet marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2012 kienet inqas probabbli minn dik tal‑2016 ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-plawżibbiltà tal-preżunzjoni adottata minn dan tal-aħħar li t-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 ma setgħux jiġu totalment esklużi. |
258 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-ammont tar-riżervi għal riskji legali relatat maż-żieda fil-kapital tal‑2012, meħud inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3 fl-agħar każ, kien sostanzjali u manifestament żbaljat, billi jitqabbel l-ammont totali tar-riżervi għal riskji legali fl-aħjar u fl-agħar każ inklużi fil-valutazzjoni 3. Fil-fatt, dan l-ammont totali jinkludi l-evalwazzjoni tal-kategoriji kollha ta’ riskji legali msemmija fil-punt 231 iktar ’il fuq. |
259 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma qajmu l-ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-istima tal-uffiċċju evalwatur li l-ammont tar-riżervi għal riskji legali relatati maż-żieda fil-kapital tal‑2012 seta’ ma jkunx null fl-agħar każ. |
260 |
Fir-raba’ lok, għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, skont ir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Santander tal‑2020, ir-riżerva li tikkonċerna l-klawżoli ta’ rata minima magħmula minn Banco Popular fir-rapporti finanzjarji tagħha kienet korretta u li ż-żieda ta’ din ir-riżerva magħmula mill-uffiċċju evalwatur ma kinitx iġġustifikata. |
261 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel is-SRB, li dan l-argument dwar il-klawżoli ta’ rata minima tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u li, peress li ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors u r-rikorrenti ma jressqu ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura, huwa inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ibbażat fuq fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-plawżibbiltà tal-preżunzjonijiet ikkunsidrati mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3. |
262 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżuri istruttorji sabiex teżiġi li s-SRB jippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-fajl u tistabbilixxi garanziji xierqa sabiex ir-rappreżentant tagħhom ikun jista’ jeżaminah. |
263 |
Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-utilità ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-parti li titlobhom għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali mill-inqas minimu ta’ elementi li jikkonfermaw l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-istanza (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:522, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Marzu 2019, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni, T‑766/16, EU:T:2019:173, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
264 |
Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jippreċiżawx liema hija l-informazzjoni li huma jitolbu l-produzzjoni tagħha u lanqas liema hija l-utilità tagħha. Għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tar-rikorrenti ma hijiex suffiċjentement preċiża u li għalhekk ma hemmx lok li tintlaqa’. |
265 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma qajmux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tar-riskji legali. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. |
266 |
Għaldaqstant, il-ħames parti għandu jiġi miċħud. |
267 |
Bħala konklużjoni tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom. Huma jsostnu li mill-argumenti tagħhom indikati fil-ħames partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ebda kumpens ma huwa dovut lilhom, ma hijiex ekwivalenti għal kumpens xieraq. Skont il-provi li huma pproduċew, huma kienu jkunu rċevew, fi proċedura normali ta’ insolvenza, irkupru sħiħ, jew tal-inqas parti sostanzjali, tal-ammont tal-bonds tagħhom. |
268 |
Peress li l-ħames partijiet tal-ewwel motiv ġew miċħuda, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li ma jagħtihomx kumpens. Għaldaqstant, huma ma jistgħux isostnu b’mod validu li din id-deċiżjoni tikser id-dritt għall-proprjetà tagħhom. |
269 |
Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
3. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑fatt li s‑SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lill‑uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti
270 |
Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi meta ħatar lill-uffiċċju evalwatur sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 bi ksur tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014. L-ewwel, huma jsostnu li s-SRB ma eżaminax l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur. It-tieni, huma jqisu li, fi kwalunkwe każ, l-uffiċċju evalwatur ma kienx evalwatur indipendenti fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑fatt li s‑SRB ma eżaminax l‑indipendenza tal‑uffiċċju evalwatur
271 |
Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB iddelega lill-uffiċċju evalwatur stess id-dmir li jivverifika jekk dan tal-aħħar kienx indipendenti, bi ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Is-SRB ma tax dettalji dwar il-verifiki ta’ kunflitt intern li huwa kien talab lill-uffiċċju evalwatur, la dwar il-garanziji suffiċjenti li l-uffiċċju evalwatur kien applika, la dwar ir-regoli professjonali li dan tal-aħħar kien segwa, u lanqas dwar is-sorveljanza li huwa kien eżerċita sabiex jiżgura li ma jkun hemm ebda interess materjali reali jew potenzjali li jista’ jinfluwenza jew li jkun raġonevolment ipperċepit bħala li jinfluwenza l-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur fil-proċedura. |
272 |
Skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni minn persuna indipendenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri minn persuna indipendenti minn kull awtorità pubblika, inkluż mis-SRB u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll mill-entità kkonċernata. |
273 |
Matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti li wasslet għall-għoti tal-kuntratt speċifiku lill-uffiċċju evalwatur imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq, dan ipprovda lis-SRB, fit‑18 ta’ Mejju 2017, dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi ma’ Banco Popular. Fit‑22 ta’ Mejju 2017, l-uffiċċju evalwatur ipprovdu dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi li tinsab fil-“proposta ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza li tirrigwarda l-valutazzjoni ekonomika u finanzjarja fil-kuntest tal-lott 2 (SRB/OP/1/2015)” li fiha huwa semma s-servizzi li huwa kien ipprovda lil Banco Popular. |
274 |
Fit‑23 ta’ Mejju 2017, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur, huwa pproduċa wkoll dikjarazzjoni dwar l-indipendenza tiegħu konformement mar-Regolament Delegat 2016/1075, li fiha indika b’mod partikolari li kellu għarfien tar-rekwiżiti legali u li l-arranġamenti xierqa kienu ttieħdu, meta kienu neċessarji, sabiex jiġi żgurat li la huwa u lanqas ebda membru tat-tim propost għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt speċifiku ma kellu interess sinjifikattiv kif iddefinit fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa impenja ruħu li jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe servizz futur ipprovdut lill-partijiet l-oħra ma jikkompromettix l-indipendenza tiegħu. Huwa rrileva li kull żieda ta’ membri ġodda fit-tim tiegħu tkun suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza kif ukoll għall-approvazzjoni tas-SRB. |
275 |
Wara l-ħatra tiegħu bħala evalwatur, fil‑21 ta’ Settembru 2017 u fil‑11 ta’ April 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda dikjarazzjonijiet addizzjonali dwar l-indipendenza tiegħu wara ż-żieda ta’ membri ġodda fil-grupp li kien qiegħed jaħdem fuq il-valutazzjoni 3 |
276 |
Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Diċembru 2019, fuq talba tas-SRB wara l-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, l-uffiċċju evalwatur ipproduċa dikjarazzjoni ġdida ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi. Huwa kkonferma li, fil‑15 ta’ Novembru 2019, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sistemi u tal-kontrolli tiegħu, huwa kien u baqa’ indipendenti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3 u li ma kellux għarfien ta’ kunflitti ma’ xogħlijiet oħra li huwa kien wettaq, jew ta’ kunflitti individwali. Huwa indika b’mod partikolari s-servizzi li huwa kien ipprovda lil Banco Santander u speċifika li ma kinitx teżisti rabta bejn dawn is-servizzi u dawk ipprovduti lis-SRB għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 jew tad-dokument ta’ kjarifika. Huwa żied li dan ma kienx ipprovda servizzi relatati mal-evalwazzjoni jew mal-informazzjoni finanzjarja tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3. |
277 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa rrilevat li l-uffiċċju evalwatur kien intgħażel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li fi tmiemha s-SRB qies li dan kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, mingħajr dipendenza eċċessiva fuq awtorità pubblika kkonċernata jew fuq Banco Popular, konformement mar-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur, fid-dawl tan-natura, tal-portata u tal-kumplessità tal-valutazzjoni li kellha titwettaq, kellu r-riżorsi umani u tekniċi xierqa sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, konformement mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
278 |
Barra minn hekk, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien entità ġuridika indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u minn Banco Popular u, f’dan ir-rigward, li kien totalment indipendenti mis-SRB u ma kienx ġie ngaġġat għax-xogħlijiet ta’ kontabbiltà annwali ta’ Banco Popular. |
279 |
Fl-aħħar nett, is-SRB irrileva li, fir-rigward tal-assenza ta’ interessi komuni jew f’kunflitt sinjifikattivi, attwali jew potenzjali, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-uffiċċju evalwatur kien wettaq verifika interna fid-dawl tal-istandards professjonali applikabbli. Fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-verifika, l-uffiċċju evalwatur kien qies li ma kellux kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur indipendenti. F’dan ir-rigward, is-SRB semma d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u wara l-ħatra tiegħu, intiżi sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu u dik tal-membri tat-timijiet tiegħu, b’mod partikolari dak inkarigat bit-twettiq tal-valutazzjoni 3. |
280 |
Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u tal-garanziji mogħtija mill-uffiċċju evalwatur, is-SRB qies li dan tal-aħħar kien offra biżżejjed garanziji sabiex jiġi evitat kwalunkwe interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew ma’ Banco Popular. Huwa kkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikoli 39 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
281 |
Barra minn hekk, taħt it-Titolu 6.2.1 “Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Uffiċċju Evalwatur” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB wieġeb speċifikament għall-kummenti tal-azzjonijiet u tal-kredituri affettwati dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fil-konfront tiegħu, fil-konfront ta’ Banco Santander u ta’ Banco Popular u dwar il-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2. Dan it-titolu tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi r-raġunament iddettaljat tas-SRB fejn jispjega li l-uffiċċju evalwatur, fil-mument tal-ħatra tiegħu u matul it-twettiq tal-valutazzjoni 3, ma kellux kunflitt ta’ interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
282 |
Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB eżamina d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi trażmessi mill-uffiċċju evalwatur imsemmija fil-punti 273 sa 276 iktar ’il fuq, li kienu jinkludu b’mod partikolari deskrizzjoni tas-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular u lil Banco Santander. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tat‑18 ta’ Diċembru 2019, jirriżulta li din kienet ġiet prodotta mill-uffiċċju evalwatur fuq talba tas-SRB wara ċerti kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati sabiex tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza ta’ eventwali kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-servizzi pprovduti lil Banco Santander. |
283 |
Minn dan isegwi li, matul il-proċedura kollha dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB żgura, kif kien obbligat jagħmel, li l-uffiċċju evalwatur josserva r-rekwiżiti ta’ indipendenza u, b’mod partikolari, dawk dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi previsti fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
284 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata kien fiha biżżejjed informazzjoni sabiex jiġi żgurat abbażi ta’ liema rekwiżiti u liema modalitajiet is-SRB kien ivverifika l-indipendenza tal-evalwatur. |
285 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja sabiex is-SRB jew l-uffiċċju evalwatur jipprovdu informazzjoni sabiex jifhmu r-relazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma’ Banco Popular u Banco Santander. |
286 |
Huwa biżżejjed li jitfakkar li, fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB, C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 435 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
287 |
Issa, sa fejn is-SRB ipprovda bħala anness mar-risposta d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur iċċitati fil-punti 273 sa 276 iktar ’il fuq, li fihom l-uffiċċju evalwatur jiddeskrivi s-servizzi li huwa pprovda lil Banco Popular u lil Banco Santander, il-miżura istruttorja mitluba mir-rikorrenti ma hijiex neċessarja. |
288 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq il‑fatt li l‑uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti fis‑sens tal‑Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075
289 |
Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fl-Artikolu 41(4)(a) u (c) tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-uffiċċju evalwatur ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li ma għandux interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew mal-entità rilevanti minħabba tliet raġunijiet relatati mar-relazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma’ Banco Popular, mas-servizzi pprovduti lil Banco Santander u mal-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2. |
290 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regoli fil-qasam tal-indipendenza tal-evalwaturi huma ppreċiżati fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075, li l-Artikolu 38 tiegħu jipprovdi: “Persuna ġuridika jew fiżika tista’ tinħatar bħala valutatur. Il-valutatur jitqies li huwa indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u l-entità relevanti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
291 |
L-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, dwar interessi sinjifikattivi komuni jew kontradittorji, jipprevedi: “(1) Il-valutatur indipendenti ma jkollux interess materjali attwali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti. (2) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies materjali meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jinfluwenza, jew jista’ jiġi perċepit b’mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valwazzjoni. (3) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-interessi komuni jew f’kunflitt ma’ tal-inqas il-partijiet li ġejjin ikunu rilevanti:
(4) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, tal-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin ikunu rilevanti:
[…]” |
292 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 kienu ssodisfatti mill-uffiċċju evalwatur, jiġifieri li kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq b’mod effettiv il-valutazzjoni 3 u li kien legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u minn Banco Popular. |
293 |
Huma lanqas ma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt mal-awtorità pubblika rilevanti, jiġifieri s-SRB. |
1) Fuq l‑ewwel ilment, dwar ir‑rabtiet bejn l‑uffiċċju evalwatur u Banco Popular
294 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti minn Banco Popular, sa fejn jidher li pprovdielha servizzi bejn l‑2012 u l‑2016, inklużi servizzi rilevanti għall-valutazzjoni 3. Is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi sinjifikattivi bejn l-uffiċċju evalwatur u Banco Popular, bi ksur tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
295 |
L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kien l-awditur ta’ Banco Popular fl‑2012. |
296 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-informazzjoni li tinsab fis-sit internet tal-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), imsemmija mis-SRB, jirriżulta b’mod ċar li l-uffiċċju evalwatur ma kienx l-awditur ta’ Banco Popular bejn l‑1991 u l‑2017. |
297 |
Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-dokument tal-Bank ta’ Spanja tat‑28 ta’ Settembru 2012 intitolat “Proceso de rekapitalización y reestructuración bancaria” (Proċess ta’ Rikapitalizzazzjoni u ta’ Ristrutturazzjoni Bankarja) li huma jipproduċu fl-anness tar-rikors. |
298 |
Fil-fatt, it-tabella meħuda minn dan id-dokument ma tindikax li l-uffiċċju evalwatur kien l-awditur ta’ Banco Popular fl‑2012, fatt li r-rikorrenti rrikonoxxew matul is-seduta. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-Bank ta’ Spanja inkariga lill-uffiċċju evalwatur bix-xogħlijiet relatati mal-eżami kontabbli tal-portafoll ta’ krediti u tal-assi ssekwestrati jew irċevuti bi ħlas ta’ djun ta’ Banco Popular u ta’ tliet banek oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni indipendenti tas-settur bankarju Spanjol imwettqa fl‑2012. |
299 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tat‑22 ta’ Mejju 2017, imsemmija fil-punt 273 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur speċifika li ma kienx l-awditur ta’ Banco Popular. |
300 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-uffiċċju evalwatur ma pprovdiex servizzi ta’ awditu lil Banco Popular. |
301 |
It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, fl‑2015, l-uffiċċju evalwatur ta pariri lil Banco Popular dwar il-bejgħ ta’ Popular Banca Privada, SA (iktar ’il quddiem “Banca Privada”). Huma jibbażaw ruħhom fuq estratt tad-dokument ta’ reġistrazzjoni ta’ Banco Popular tal‑2015, li jipprovdi “[f]’Novembru 2015, [Banco] Popular kienet inkarigat lill-[uffiċċju evalwatur] bil-bejgħ ta’ 40 % tas-sussidjarja tagħha Banca Privada,” li abbażi tiegħu “[fid-]data ta’ dan id-dokument, l-ebda bejgħ ma [kien] seħħ u l-perċentwali inizjali [seta’] jkun differenti”. |
302 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi msemmija fil-punt 273 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur indika li huwa kien ipprovda appoġġ fil-qasam tal-evalwazzjoni u tat-tranżazzjoni lil Banco Popular, iżda li dawn is-servizzi ma kinux jikkostitwixxu kunflitt ta’ interessi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw jew assistenza fuq il-bejgħ ta’ assi jew ta’ impriżi li ma kinux għadhom jagħmlu parti mill-bank, jew appoġġ għal tranżazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ għal tranżazzjonijiet mhux sinjifikattivi li ma seħħewx jew li ma kellhomx valur materjali. |
303 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-valutazzjoni 3 jirriżulta li, fid-data tar-riżoluzzjoni, Banca Privada kienet sussidjarja proprjetà ta’ Banco Popular u li t-tranżazzjoni msemmija mir-rikorrenti ma kinitx seħħet fl‑2015. |
304 |
It-tielet, ir-rikorrenti jirrilevaw li, skont artiklu tal-istampa, Banco Popular kienet ingaġġat lill-uffiċċju evalwatur fl‑2016 sabiex jagħtiha pariri dwar l-implimentazzjoni ta’ standards regolatorji ġodda, jiġifieri l-Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja u l-istandard IFRS 9, li huma jikkontestaw l-użu tagħhom fil-valutazzjoni 3. Tali servizzi huma previsti fil-premessa 40 u fl-Artikolu 41(4) tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
305 |
Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq artiklu ta’ El Mundo, tat‑13 ta’ Frar 2018, intitolat “[L-Uffiċċju Evalwatur] ta Parir lil Angel Ron fl‑2016 dwar il-Politika ta’ Kontabbiltà ta’ Banco Popular” ([l-Uffiċċju Evalwatur] advised Angel Ron in 2016 on Banco Popular’ s accounting policy), li minnu jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur kien ġie ngaġġat fl‑2016 minn Banco Popular għal pariri tekniċi dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tal-istandard IFRS 9 fuq id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-ġodda applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2018. |
306 |
Għandu jiġi rrilevat li minn dan l-istess artiklu jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur indika li fl-ebda mument ma kien ħadem fuq xi aspett tar-riżervi rreġistrati minn Banco Popular u li dawn kienu pariri dwar il-mod kif il-bank kellu jadatta ruħu għal leġiżlazzjoni ġdida li kienet tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2018. |
307 |
Ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element ta’ natura li jikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar in-natura tas-servizzi pprovduti lil Banco Popular fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istandard IFRS 9. |
308 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular, kemm fil-kuntest tal-proġett ta’ bejgħ ta’ Banca Privada kif ukoll f’dak tal-implimentazzjoni tal-istandard IFRS 9, kellhom rabta mal-elementi rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075. Ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dawn is-servizzi mogħtija mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular fil-passat huma ta’ natura li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-evalwatur fit-twettiq tal-valutazzjoni 3 u għalhekk ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interess reali jew potenzjali sinjifikattiv b’mod komuni jew f’kunflitt ma’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-istess regolament delegat. |
309 |
Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq it‑tieni lment, dwar ir‑rabtiet bejn l‑uffiċċju evalwatur u Banco Santander
310 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda servizzi ta’ kontabbiltà lil Banco Santander mill‑2002 sal‑2016 u kien l-awditur prinċipali tal-grupp Santander fl‑2015. Huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li indika s-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur seta’ kien indipendenti fit‑23 ta’ Mejju 2017, data li fiha s-SRB fdalu l-funzjoni ta’ evalwatur, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3. Filwaqt li s-SRB ma setax jipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ Banco Santander fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni f’Mejju 2017, huwa jmissu ħa inkunsiderazzjoni dan il-fattur f’Ġunju 2017 meta ngaġġa lill-uffiċċju evalwatur għat-twettiq tal-valutazzjoni 3. Is-SRB kellu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular meta ġiet integrata fil-grupp Santander. |
311 |
Huma jqisu li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander huma rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi minn qabel lil entità li tippossjedi l-entità kkonċernata mir-riżoluzzjoni. |
312 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur li kienet ġiet kompromessa mill-fatt li dan tal-aħħar kien ipprovda servizzi lil Banco Santander qabel u wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. |
313 |
L-ewwel, fid-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal dawn il-kummenti, is-SRB qies li s-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-indipendenza li huwa kien wettaq fil-mument tal-ingaġġ ta’ dan tal-aħħar fit‑23 ta’ Mejju 2017, sa fejn din l-evalwazzjoni kienet twettqet fir-rigward ta’ Banco Popular. Is-SRB indika li, f’din id-data, l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fir-rigward tax-xerrejja potenzjali ma kinitx twettqet sa fejn, minn naħa, din ma kinitx prevista mill-kuntest legali u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ valutazzjoni kienet proċedura differenti mill-proċedura ta’ bejgħ li kienet tiddetermina x-xerrej. B’mod partikolari, l-uffiċċju evalwatur ma kellux aċċess għall-informazzjoni dwar l-ismijiet tax-xerrejja potenzjali jew l-identità tax-xerrej qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. |
314 |
Is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi ta’ awditu pprovduti fil-passat lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kinux jaffettwaw l-indipendenza ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u ma kinux joħolqu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. B’mod partikolari, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 kienet tikkonċerna biss l-attiv u l-passiv ta’ Banco Popular qabel il-bejgħ tagħha lil Banco Santander u mhux dawk ta’ Banco Santander. |
315 |
It-tieni, is-SRB qies li s-servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular ipprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kinux jistabbilixxu interess komuni jew f’kunflitt sinjifikattivi fis-sens tal-Artikolu 41(2) u (4) tar-Regolament Delegat 2016/1075, ma’ persuna rilevanti fis-sens tal-Artikolu 41(3) tal-istess regolament delegat. |
316 |
Minn naħa, is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur wara d-data tar-riżoluzzjoni li tikkonċerna impriża operattiva ma jistgħux jaffettwaw il-valutazzjoni 3 u l-elementi inklużi fiha. Barra minn hekk, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 ma setgħetx taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Popular jew ta’ Banco Santander, sa fejn din kienet tiddetermina biss jekk kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) kellux jitħallas lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati. |
317 |
Min-naħa l-oħra, is-SRB qies li, fi kwalunkwe każ, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda garanziji addizzjonali sabiex jiżgura li s-servizzi pprovduti lil Banco Santander ma setgħux jagħtu lok għal interessi sinjifikattivi komuni jew f’kunflitt attwali jew potenzjali. Is-SRB irrileva li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ebda servizz ipprovdut lil Banco Santander ma kien marbut mal-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3, u lanqas mal-informazzjoni finanzjarja li tikkonċernahom. Barra minn hekk, huwa indika li l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ma kienx hemm fluss ta’ informazzjoni bejn ix-xogħol ta’ valutazzjoni mwettaq u proġetti oħra, fid-dawl tal-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti u l-protokolli ta’ kunfidenzjalità tiegħu. |
318 |
B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB indika li l-uffiċċju evalwatur kien ippreċiża b’mod suffiċjenti li, minkejja li kien ipprovda servizzi ta’ konsulenza lil Banco Santander, dawn ma kinux marbuta mas-servizzi pprovduti lis-SRB, ma kienu jikkonċernaw ebda kwistjoni relatata mas-servizzi ta’ valutazzjoni pprovduti lis-SRB u lanqas ma kienu jinkludu servizzi ta’ evalwazzjoni jew legali marbuta ma’ Banco Popular. |
319 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019 ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, imsemmija fil-punt 276 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur indika li ma kienx hemm rabta bejn is-servizzi li kien jipprovdi lil Banco Santander u l-valutazzjoni 3 jew id-dokument ta’ kjarifika. |
320 |
Skont l-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, hija rilevanti l-provvista ta’ servizzi, inkluż fil-passat, mill-evalwatur indipendenti lill-entità rilevanti u lill-persuni msemmija fil-paragrafu 3, u b’mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni. |
321 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tas-SRB dwar l-assenza ta’ rabta bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur għall-integrazzjoni ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni 3, li kienet tikkonċerna biss l-evalwazzjoni ta’ Banco Popular u mhux dik ta’ Banco Santander. |
322 |
Ir-rikorrenti ma jispjegawx b’liema mod dawn is-servizzi kienu ta’ natura li jinfluwenzaw jew setgħu raġonevolment jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur fit-twettiq tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
323 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess finanzjarju sinjifikattiv sabiex Banco Santander tkun issodisfatta b’valutazzjoni negattiva ta’ Banco Popular. Huma jqisu li l-fatt li l-kumpens għad-dannu jitħallas mis-SRF u mhux minn Banco Santander ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kellhom jirnexxu, Banco Santander tista’ tkun obbligata tħallas prezz ogħla għal Banco Popular. Huwa għalhekk fl-interess ta’ Banco Santander li l-valutazzjoni 3 ma tiżvelax valur tal-irkupri ta’ Banco Popular fil-każ ta’ insolvenza ogħla minn dak li jinsab fil-valutazzjoni 2. |
324 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, fid-dawl tal-għan tal-valutazzjoni 3, li huwa li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jirċievu trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali, din ma jistax ikollha effett fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular u ma tistax taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Santander. Is-SRB qies li l-valutazzjoni 3 kellha effett biss fir-rigward tiegħu, sa fejn huwa kellu jħallas kumpens, mis-SRF, fil-każ ta’ differenza fit-trattament. |
325 |
Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jallegawx li r-riżultat tal-valutazzjoni 3 għandu influwenza kemm fuq il-legalità u l-leġittimità tad-deċiżjoni li Banco Popular tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fuq ir-riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, jiġifieri l-bejgħ tagħha lil Banco Santander. |
326 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 2 kellha għan differenti minn dak tal-valutazzjoni 3, jiġifieri l-istima tal-valur tat-totalità ta’ Banco Popular għal xerrej eventwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. Għalhekk, l-istima tal-valur tal-attiv ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika mwettqa fil-valutazzjoni 3 ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 2. |
327 |
Fl-aħħar nett, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 85(4) tad-Direttiva 2014/59, meta jkun neċessarju li jiġu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi in bona fide li akkwistaw azzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni permezz tal-użu ta’ strumenti ta’ riżoluzzjoni, l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ma jaffettwax l-atti amministrattiva jew l-operazzjonijiet sussegwenti konklużi mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata abbażi tad-deċiżjoni ta’ annullament tagħha. |
328 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-eventwali annullament tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jistax iwassal għal emenda tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander għall-prezz ta’ euro ma jistax jiġi kkontestat u r-riżultat tal-valutazzjoni 3 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
329 |
Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti semmew l-impatt li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollu fuq rikorsi fil-qasam kriminali ppreżentati quddiem il-qrati Spanjoli. |
330 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, kemm l-azzjoni għad-danni kif ukoll l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità jeżiġu effettivament li l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew is-suċċessur ta’ dawn l-entitajiet, tikkumpensa lill-azzjonisti għat-telf sostnut minħabba l-eżerċizzju, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tas-setgħa ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni fir-rigward tal-elementi tal-passiv ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża, jew jeżiġu li din tipproċedi bir-rimbors totali tas-somom investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li ġew iddeprezzati minħabba din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Tali azzjonijiet iqiegħdu inkwistjoni l-valutazzjoni kollha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni peress li l-kompożizzjoni tal-kapital tagħmel parti mid-data oġġettiva ta’ din il-valutazzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-punti 82 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura stess ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/59 huma għalhekk ippreġudikati (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 43). |
331 |
Għaldaqstant, sa fejn il-valutazzjoni 3, irrispettivament mir-riżultat tagħha, ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Banco Santander, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess li jiffavorixxihom. |
332 |
Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest meta qies li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander ma kinux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interessi sinjifikattivi, reali jew potenzjali, li jistgħu jinfluwenzaw jew jiġu raġonevolment ipperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
333 |
Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
3) Fuq it‑tielet ilment, dwar il‑fatt li l‑uffiċċju evalwatur kien wettaq il‑valutazzjoni 2
334 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-parteċipazzjoni preċedenti tal-uffiċċju evalwatur fil-proċess ta’ riżoluzzjoni setgħet tinfluwenza l-ġudizzju tiegħu. Il-valutazzjoni 3 tidher li tfasslet sabiex tasal għal konklużjoni konformi mal-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament li tidher fil-valutazzjoni 2. Huma jqisu li s-SRB kellu l-possibbiltà jaħtar lil evalwatur ieħor. |
335 |
Għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jikkonċerna t-tieni parti tal-valutazzjoni 2, li tinkludi simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ u għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, li tqis it-trattament li kull kategorija ta’ azzjonisti u ta’ kredituri setgħet tirċievi kieku l-entità msemmija mill-miżura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza skont il-leġiżlazzjoni Spanjola. |
336 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas tar-Regolament Delegat 2016/1075 ma tipprekludi espliċitament li l-valutazzjonijiet 2 u 3 jitwettqu mill-istess evalwatur. |
337 |
Sussegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur li kienet ġiet kompromessa mill-fatt li dan tal-aħħar kien wettaq kemm il-valutazzjoni 2 kif ukoll il-valutazzjoni 3. Is-SRB irrileva li wħud minnhom sostnew li l-uffiċċju evalwatur ipprova jikkonferma l-analiżi tal-prinċipju li abbażi tiegħu l-ebda kreditur għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, li huwa kien wettaq fil-valutazzjoni 2. |
338 |
Is-SRB indika li l-valutazzjonijiet 2 u 3 twettqu b’għanijiet differenti u għalhekk jinkludu approċċi differenti. Il-valutazzjoni 2 kienet intiża, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tiċċara l-miżura ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-valur ekonomiku tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, filwaqt li l-valutazzjoni 3 kienet intiża sabiex jiġi stmat it-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika, jiġifieri bħala impriża mhux operattiva, konformement mal-Artikolu 20(18)(a) tal-istess regolament. |
339 |
Is-SRB irrileva li l-qafas legali ma kienx jipprekludih milli jaħtar lill-istess evalwatur sabiex iwettaq valutazzjonijiet differenti għall-istess riżoluzzjoni u li tali ħatra ma kinitx tippreġudika fiha nnifisha l-indipendenza tal-evalwatur. |
340 |
Is-SRB indika li, filwaqt li l-istima ex ante tat-trattament li minnu bbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati fi proċedura ta’ insolvenza ipotetika, inkluża fil-valutazzjoni 2, kienet twettqet f’terminu speċifiku u kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li kellu l-uffiċċju evalwatur qabel ir-riżoluzzjoni, jiġifieri prinċipalment dik disponibbli fil‑31 ta’ Marzu 2017, il-valutazzjoni 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni iktar preċiża fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fid-data tal-għeluq tal-attivitajiet, meta din kienet disponibbli. Is-SRB qies li, fid-dawl tal-informazzjoni differenti li fuqha kienu bbażati dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-iskop differenti tagħhom, l-uffiċċju evalwatur seta’ jasal għal konklużjonijiet differenti. |
341 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrikonoxxa wkoll li l-kuntest ġuridiku applikabbli kien jirrikonoxxi li l-istima provviżorja tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati setgħu jirċievu li kieku l-entità kienet ġiet stralċjata fil-kuntest tal-valutazzjoni 2 ma setgħetx tkun daqstant preċiża bħal dik li tinsab fil-valutazzjoni 3 għal diversi raġunijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet ta’ żmien u n-nuqqas ta’ data suffiċjentement qrib id-data tar-riżoluzzjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni 2. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 2 tinkludi “stima” ta’ dan it-trattament, filwaqt li l-Artikolu 20(17) tal-istess regolament jipprevedi li l-valutazzjoni 3 għandha “tiddetermina” dan it-trattament. Is-SRB indika li s-sempliċi fatt li l-istima provviżorja inkluża fil-valutazzjoni 2 u l-valutazzjoni 3 kellhom riżultati simili, iżda kienu bbażati fuq preżunzjonijiet differenti, ma setax jitqies fih innifsu bħala prova suffiċjenti li l-valutazzjoni 3 ma kinitx twettqet konformement mar-rekwiżiti legali. |
342 |
Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur esprima diversi riżervi dwar l-affidabbiltà tas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ li kien fiha. |
343 |
F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża li huwa ma kellux l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja u lanqas iż-żmien suffiċjenti sabiex iwettaq stima iktar milli sempliċement indikattiva f’dan l-istadju. Huwa indika, f’diversi okkażjonijiet, li s-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ hija bbażata fuq diversi inċertezzi u li, meta tkun disponibbli informazzjoni iktar preċiża, dan ikun jista’ jirfina l-preżunzjonijiet tiegħu u jħejji xenarju ta’ stralċ iktar “robust” u iktar affidabbli. |
344 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti minħabba li qies ruħu marbut bil-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 2. |
345 |
Min-naħa l-oħra, fil-valutazzjoni 2, is-simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular kienet ibbażata fuq id-data disponibbli fil‑31 ta’ Marzu 2017 u kienet tipprevedi xenarju ta’ tliet snin. Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata fis‑6 ta’ Ġunju 2017, jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017, sabiex jistabbilixxi tliet xenarji temporali distinti ta’ stralċ. |
346 |
Għalhekk, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur mhux sempliċement ikkonferma r-riżultat tas-simulazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 2. |
347 |
F’dan ir-rigward, pereżempju, fil-valutazzjoni 2, it-total tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular għall-kredituri, fil-każ ta’ xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, ġie stmat bejn EUR 120.9 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 116.5 biljun fl-agħar ipoteżi. Fil-valutazzjoni 3, għax-xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, il-valutazzjoni tal-assi wasslet għal riżultat differenti, jiġifieri EUR 101.546 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 97.593 biljun fl-agħar ipoteżi. |
348 |
Is-sempliċi fatt li l-uffiċċju evalwatur wasal għall-istess konklużjoni, jiġifieri li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jiksbu kumpens fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa qies ruħu marbut mill-evalwazzjoni tiegħu mwettqa fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3. |
349 |
Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-uffiċċju evalwatur ipprova, fil-valutazzjoni 3 jikkonferma l-valutazzjoni 2, huwa kontradett mill-kontenut ta’ dawn il-valutazzjonijiet. |
350 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien qies b’mod żbaljat li l-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq il-valutazzjoni 2 ma kienx jippermetti li tiġi kkontestata l-indipendenza tiegħu sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 u l-ħatra tiegħu bħala evalwatur indipendenti. F’dan ir-rigward, l-argument li s-SRB seta’ jaħtar evalwatur ieħor huwa ineffettiv. |
351 |
Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud. |
352 |
Mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li r-rikorrenti ma qajmux argumenti li jistgħu jikkontestaw il-konklużjoni tas-SRB li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti fis-sens tal-Artikoli 38 u 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. |
353 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu. |
4. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑fatt li s‑SRB iddelega indebitament lill‑uffiċċju evalwatur is‑setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir‑Regolament Nru 806/2014
354 |
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, li tinvolvi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ġiet adottata mis-SRB abbażi tal-valutazzjoni 3 imwettqa minn entità privata. Huma jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB sempliċement ġabar fil-qosor il-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika, jiġifieri l-aspetti essenzjali tal-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu kkumpensati jew le. Id-delega lill-uffiċċju evalwatur tal-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-valutazzjoni mingħajr eżami tad-data sottostanti jew tal-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati u mingħajr verifika tal-preżunzjonijiet manifestament inkoerenti ddettaljati fl-ewwel motiv, tmur kontra l-prinċipju stabbilit mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). |
355 |
Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma pproduċa ebda prova li huwa kien wettaq eżami iktar fil-fond tal-valutazzjoni 3 u li huwa eżamina biss id-dokument ta’ kjarifika redatt mill-uffiċċju evalwatur u mhux il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati dwar il-valutazzjoni 3. Is-SRB ma ddevjax mill-valutazzjoni 3 u d-deċiżjoni dwar jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kellhomx dritt għal kumpens għad-danni ttieħdet mill-uffiċċju evalwatur, li kien eżerċita s-setgħa deċiżjonali tas-SRB. Huma jqisu li l-prinċipju stabbilit mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958,Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), japplika meta s-setgħat tas-SRB, anki jekk dawn ikunu setgħat ta’ eżekuzzjoni ddefiniti b’mod ċar, jiġu ddelegati lill-uffiċċju evalwatur mingħajr superviżjoni xierqa tas-SRB. |
356 |
Għandu jiġi rrilevat li t-Trattati ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ kompetenzi lil korp jew lil aġenzija tal-Unjoni. Għaldaqstant, la l-Artikolu 290 TFUE, li jipprevedi d-delega tas-setgħat regolatorji lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-atti leġislattivi, u lanqas l-Artikolu 291 TFUE, li jagħti l-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, lill-Kunsill, ma jsemmu l-aġenziji (il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 75). |
357 |
Hija għalhekk il-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li stabbilixxiet il-prinċipji fil-qasam tad-delega ta’ setgħat, u sussegwentement is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), li applikat dawn il-prinċipji fil-każ fejn setgħat ikunu ngħataw lil aġenzija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
358 |
Fil-punt 41 tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija kienet enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”. |
359 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet indikat ukoll, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata għal dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà”. Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li d-delega tas-setgħat mogħtija mill-Awtorità Għolja lill-organi inkwistjoni permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 14-55, tas‑26 ta’ Marzu 1955, li tistabbilixxi mekkaniżmu finanzjarju li jippermetti li tiġi żgurata provvista regolari ta’ ruttam tas-suq komuni, (ĠU 1955, 8, p. 685), kienet tagħtihom “libertà diskrezzjonali li timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa” u ma tistax titqies kompatibbli mar-“rekwiżiti tat-trattat” (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42). |
360 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 806/2014 jista’ jagħti lis-SRB setgħat ta’ implimentazzjoni ddefiniti b’mod ċar u li l-użu tagħhom, minħabba f’hekk, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, iżda ma jistax jagħtih kompetenzi li jinvolvu setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ evalwazzjoni wiesgħa. |
361 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jqajmux eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014. Huma ma jsostnux li s-SRB, bħala aġenzija tal-Unjoni, eżerċita setgħa diskrezzjonali li kellha tiġi eżerċitata minn istituzzjoni tal-Unjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma jsostnu li l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tas-SRB ma humiex iddefiniti b’mod ċar fir-Regolament Nru 806/2014 u lanqas li s-SRB kiser ir-Regolament Nru 806/2014 sa fejn aġixxa barra mis-setgħat mogħtija lilu minn dan ir-regolament. |
362 |
Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkritikaw lis-SRB minħabba l-għoti ta’ setgħa deċiżjonali lill-uffiċċju evalwatur ma jistgħux jistabbilixxu ksur tal-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħa stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). |
363 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-SRB iddelega lill-uffiċċju evalwatur is-setgħa deċiżjonali tiegħu, qabel kollox, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li ma jingħatax kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati ġiet adottata mis-SRB u mhux mill-uffiċċju evalwatur. |
364 |
Sussegwentement, l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi espressament li s-SRB, sabiex jiddeċiedi jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jistgħux jibbenefikaw minn kumpens għad-danni, għandu jibbaża ruħu fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni indipendenti prevista fl-Artikolu 20(16) tal-istess regolament. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ din il-valutazzjoni huwa rregolat mill-Artikolu 20(17) u (18) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-kriterji relatati mal-metodu ta’ valutazzjoni tad-differenza fit-trattament huma previsti mir-Regolament Delegat 2018/344. |
365 |
Għalhekk, skont ir-Regolament Nru 806/2014, l-aspetti ekonomiċi u tekniċi tal-evalwazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kellhom jiġu evalwati minn evalwatur indipendenti u mhux mis-SRB innifsu. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt, għas-SRB, li inkariga lill-uffiċċju evalwatur bit-twettiq tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala delega tas-setgħa tiegħu li jadotta d-deċiżjoni. |
366 |
Fl-aħħar nett, is-SRB, qabel ma jadotta deċiżjoni dwar kumpens għad-danni eventwali tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati, għandu jivverifika li l-valutazzjoni mwettqa mill-espert indipendenti tosserva r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2018/344 u, ukoll, li dan l-espert jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti mir-Regolament Delegat 2016/1075. |
367 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li s-SRB approva l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala assenza ta’ stħarriġ minnu tal-osservanza tar-rekwiżiti li l-evalwatur indipendenti għandu jikkonforma ruħu magħhom meta jwettaq il-valutazzjoni tiegħu. |
368 |
Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti li s-SRB sempliċement ġabar fil-qosor il-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika u li abbażi tiegħu huwa ma eżaminax il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati dwar il-valutazzjoni 3 huwa kontradett mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. |
369 |
Fil-fatt, taħt it-Titolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB evalwa l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075 u, taħt it-Titolu 6.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wieġeb għall-“Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Evalwatur”. |
370 |
Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB, wara li ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3, qies li din kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-qafas legali applikabbli, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 4(1) sa (5) kif ukoll fl-Artikolu 6(a) u (b) tar-Regolament Delegat 2018/344, u li din kienet suffiċjentement immotivata u tinftiehem sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. |
371 |
Taħt it-Titolu 6.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB wieġeb għall-“Kummenti dwar il-Kontenut tal-Valutazzjoni 3” u li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-informazzjoni u l-preżunzjonijiet użati fil-valutazzjoni 3 kif ukoll ix-xenarju ta’ stralċ u l-metodoloġija meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ assi mwettqa fil-valutazzjoni 3, is-SRB eżamina jekk din kinitx għadha valida fid-dawl tal-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati u tad-dokument ta’ kjarifika. |
372 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li s-SRB iddelega indebitament lill-uffiċċju evalwatur is-setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir-Regolament Nru 806/2014. |
373 |
Isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
374 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mis-SRB, b’mod konformi mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar. |
375 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
van der Woude De Baere G. Steinfatt Kecsmár Kingston Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2023. Firem |
Werrej
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
II. It‑talbiet tal‑partijiet |
|
III. Id‑dritt |
|
A. Fuq l‑ammissibbiltà |
|
B. Fuq il‑mertu |
|
1. Osservazzjonijiet preliminari |
|
a) Fuq il‑portata tal‑istħarriġ eżerċitat mill‑Qorti Ġenerali |
|
b) Fuq l‑ammissibbiltà tal‑provi prodotti fl‑anness tar‑replika |
|
2. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l‑evalwazzjoni tat‑tul tal‑perijodu ta’ insolvenza, tas‑self li jrendi, tas‑self li ma jrendix, tal‑assi immobbli u tar‑riskji legali ta’ Banco Popular |
|
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar it‑tul tax-xenarju ta’ stralċ |
|
1) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Liġi 22/2003 |
|
2) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ stralċ itwal |
|
b) Fuq it‑tieni parti, dwar il‑valutazzjoni tas‑self li jrendi |
|
1) Fuq l‑ewwel ilment, dwar ir‑riklassifikazzjoni tas‑self li jrendi bħala self li ma jrendix |
|
2) Fuq it‑tieni lment, dwar il‑preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas‑self li jrendi |
|
i) Fir‑rigward tas‑self li jrendi lill-impriżi |
|
ii) Fir‑rigward tas‑self ipotekarju li jrendi |
|
3) Fuq it‑tielet ilment, dwar nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas‑self li jrendi rimanenti |
|
4) Fuq ir‑raba’ lment, dwar ir‑rata ta’ skont fuq il‑bejgħ tal‑ bilanċ tal‑portafoll tas‑self li jrendi |
|
c) Fuq it‑tielet parti, dwar il‑valutazzjoni tas‑self li ma jrendix |
|
d) Fuq ir‑raba’ parti, dwar il‑valutazzjoni tal‑assi immobbli |
|
e) Fuq il‑ħames parti, dwar il‑valutazzjoni tar‑riskji legali |
|
3. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑fatt li s‑SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lill‑uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti |
|
a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑fatt li s‑SRB ma eżaminax l‑indipendenza tal‑uffiċċju evalwatur |
|
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq il‑fatt li l‑uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti fis‑sens tal‑Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 |
|
1) Fuq l‑ewwel ilment, dwar ir‑rabtiet bejn l‑uffiċċju evalwatur u Banco Popular |
|
2) Fuq it‑tieni lment, dwar ir‑rabtiet bejn l‑uffiċċju evalwatur u Banco Santander |
|
3) Fuq it‑tielet ilment, dwar il‑fatt li l‑uffiċċju evalwatur kien wettaq il‑valutazzjoni 2 |
|
4. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑fatt li s‑SRB iddelega indebitament lill‑uffiċċju evalwatur is‑setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir‑Regolament Nru 806/2014 |
|
IV. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.