Kawża T‑326/20

Bibita Group

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal‑21 ta’ April 2021

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta flixkun tax-xorb – Disinn internazzjonali preċedenti – Raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Karattru individwali – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

  1. Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Kunċett – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 14, Artikoli 6 u 25(1)(b) u (d))

    (ara l-punti 30 sa 32, 36, 37, 40)

  2. Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Libertà tal-kreatur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6 u 25(1)(d))

    (ara l-punti 41, 53, 54)

  3. Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Rappreżentazzjoni ta’ flixkun tax-xorb

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(d))

    (ara l-punti 33, 49, 58, 64 sa 71)

  4. Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ppreżentati mid-disinn preċedenti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1) u 25(1)(d))

    (ara l-punti 42, 61 sa 63)

  5. Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Utent avżat – Kunċett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1) u 25(1)(d))

    (ara l-punti 45, 46)

Sunt

Fit‑13 ta’ Marzu 2017, Benkomers OOD ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju li jirrappreżenta flixkun tax-xorb mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Wara r-reġistrazzjoni tad-disinn, ir-rikorrenti, Bibita Group, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan id-disinn, li insostenn tagħha hija invokat l-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 1 ). Bibita Group sostniet li, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002, kellhom jiġu applikati l-istess kriterji bħal dawk għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali skont l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, id-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali meta mqabbel mad-disinn li tiegħu hija kienet il-proprjetarja, li kien protett minn data preċedenti għat-talba għal reġistrazzjoni kkontestata. It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġiet miċħuda mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Bibita Group kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tippreċiża l-kunċett ta’ “kunflitt” fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju jkun f’kunflitt ma’ disinn preċedenti meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tal-imsemmi disinn Komunitarju, dan id-disinn ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti invokat.

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li d-disinn preċedenti kien jibbenefika minn protezzjoni partikolarment wiesgħa, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, minkejja r-riferiment għall-eżistenza ta’ differenza “ċara” bejn l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni li jinsab fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002, l-kliem tal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar huwa ċar u nieqes minn ambigwità. Għalhekk, disinn jista’ jibbenefika mill-protezzjoni offruta mid-disinn Komunitarju jekk jagħti lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik prodotta minn disinn preċedenti.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, anki jekk jitqies li huwa stabbilit il-fatt li, fid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu, il-forma tad-disinn preċedenti kienet kompletament ġdida fis-settur industrijali kkonċernat, il-karattru uniku ta’ tali forma ma jagħtihiex protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li jibbenefika minnha skont ir-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, in-natura allegatament ġdida jew l-oriġinalità tad-dehra tad-disinn preċedenti ma għandhiex influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

Fl-aħħar nett, wara li fakkret il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju, il-Qorti Ġenerali tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni fuq l-utent avżat. Hija tenfasizza li l-evalwazzjoni li għandha ssir f’dan ir-rigward timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha ta’ distinzjoni bejn id-disinni inkwistjoni ħlief għal dawk li ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali. Issa, id-disinni inkwistjoni għandhom differenzi sinjifikattivi.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Bord tal-Appell ikkonkluda korrettament li d-disinn ikkontestat ma kienx f’kunflitt mad-disinn preċedenti fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tal-imsemmi regolament.


( 1 ) Skont l-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), kif emendat, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ikun f’kunflitt ma’ disinn preċedenti li kien is-suġġett ta’ żvelar lill-pubbliku wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew wara d-data ta’ prijorità tad-disinn Komunitarju, jekk tintalab il-prijorità, u li huwa protett minn data preċedenti permezz ta’ disinn irreġistrat skont l-Att ta’ Genève tal-Ftehim tal-Aja dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali, adottat f’Genève fit‑2 ta’ Lulju 1999, li kien approvat b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 28), u li għandu effett fil-Komunità, jew permezz ta’ applikazzjoni sabiex jinkiseb dritt relatat.