Kawża T‑296/20
(pubblikazzjoni ta’ estratti)
Amer Foz
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat‑18 ta’ Mejju 2022
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq – Determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni”
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ passaġġ kif ukoll iffriżar ta’ fondi tan-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata u li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja
(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 35 sa 40, 44, 45, 48, 49, 53)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan – Rabta ma’ persuna jew entità suġġetti għall-miżuri restrittivi – Kunċetti – Ipoteżi ta’ diversi rabtiet simultanji
(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Artikoli 27(1) u (2)(a) u 28(1), (2)(a) u (3), u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikoli 15(1)(a), (1a)(a) u (1b), 2015/1828, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 43, 46, 82 sa 94)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Portata – Komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali – Ammissibbiltà – Ksur – Assenza
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212 u (PESK) 2020/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2020/211, 2020/211 u 2020/848, Anness II)
(ara l-punti 56 sa 59, 61 sa 64)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Dritt għal seduta formali minn qabel – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punt 60)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi kontra – Deċiżjoni sussegwenti li żammet isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 66 sa 68, 70)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-imsemmija awtorità kompetenti
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Artikoli 27(4) u 28(4), u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 71 sa 77, 154)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kwalità tiegħu ta’ negozjant influwenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju – Prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 96, 97, 101, 102, 104 sa 106, 109 sa 112)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Rikors għal annullament ta’ persuna marbuta ma’ persuna jew entità koperta minn deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Tqassim tal-oneru tal-prova – Deċiżjoni bbażata fuq sensiela ta’ indizji – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Artikoli 27(2)(b) u 28(2)(b), u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikolu 15(1a)(b), 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 115, 118, 119, 129, 144, 152, 155, 158, 163 sa 166, 177)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ sostenn tar-reġim Sirjan kontra negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Artikoli 27(3) u 28(3), u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 168 sa 170)
Proċedura ġudizzjarja – Prova – Prova dokumentali – Xhieda – Valur probatorju – Evalwazzjoni mill-qorti tal-Unjoni – Kriterji
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 171)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK – Preżunzjoni ta’ appoġġ tar-reġim Sirjan fil-konfront ta’ negozjanti ewlenin li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Rabta ma’ persuna jew entità suġġetti għall-miżuri restrittivi – Inklużjoni tal-persuna inkwistjoni sabiex jiġi evitat riskju ta’ evitar tal-miżuri restrittivi adottati – Ammissibbiltà
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, Artikoli 27(2) u (3), u 28(2) u (3); Regolamenti Nru 36/2012, Artikolu 15(1b), u 2015/1828)
(ara l-punti 173, 174, 176)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza
(Artikolu 5(4) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15, 16 u 17; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2020/212, (PESK) 2020/719 u (PESK) 2021/855, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2020/211, 2020/716 u 2021/848, Anness II)
(ara l-punti 188 sa 197)
Sunt
Amer Foz huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana. Ismu kien ġie inkluż fi Frar 2020 ( 1 ) fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u sussegwentement inżamm hemmhekk f’Mejju 2020 u f’Mejju 2021 ( 2 ). Huwa kien ġie inkluż bħala negozjant influwenti li kellu interessi kummerċjali personali u familjari u attivitajiet f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana, li jisiltu profitti finanzjarji mill-aċċess tiegħu għal ftuħ kummerċjali u li jappoġġjaw lir-reġim Sirjan, filwaqt li kien assoċjat ma’ ħuh Samer Foz, li huwa wkoll inkluż fil-listi. F’Mejju 2021, il-Kunsill kien indika wkoll li Amer Foz kien imexxi diversi proġetti kummerċjali ma’ ħuh, b’mod partikolari fis-settur tal-produzzjoni ta’ kejbils u ta’ enerġija solari, u li ż-żewġ aħwa kienu jeżerċitaw diversi attivitajiet mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Lvant (iktar ’il quddiem l-“ISIL”) f’isem ir-reġim Sirjan, inkluża l-provvista ta’ armi u ta’ munizzjon inkambju għal żejt u qamħ.
L-isem ta’ Amer Foz kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni fid-dawl ta’ tliet kriterji, jiġifieri dak tan-negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, dak tal-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan u dak tar-rabta ma’ persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi ( 3 ).
Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Amer Foz kontra l-atti li inkludew ismu fil-listi kontenzjużi (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”, l-“atti ta’ żamma tal‑2020” u l-“atti ta’ żamma tal‑2021”), billi tippreċiża l-kriterji dwar l-imsemmija inklużjoni fil-każ tal-applikazzjoni simultanja mill-Kunsill tal-kriterji ta’ inklużjoni differenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tispeċifika b’mod partikolari l-portata tal-kriterju tar-rabta ma’ persuna jew entità oħra diġà msemmija mill-miżuri restrittivi. Hija teżamina wkoll, għall-ewwel darba, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ informazzjoni suffiċjenti li tindika li l-persuni inklużi fil-listi ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar tal-miżuri adottati. Jekk din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, persuna li jkollha rabta ma’ persuna oħra jew entità suġġetta għal miżuri restrittivi ma tinżammx fl-imsemmija listi.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabelxejn, li għall-istess persuna, diversi raġunijiet għal inklużjoni jistgħu jikkoinċidu filwaqt li jibbażaw ruħhom, f’tali ipoteżi, fuq kriterji differenti. B’applikazzjoni, b’analoġija, tas-sentenza Kaddour vs Il‑Kunsill ( 4 ), persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u jitqies li huwa marbut, b’mod partikolari b’rabtiet ta’ negozju, ma’ persuna oħra suġġetta għall-miżuri restrittivi permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Bl-istess mod, din il-persuna tista’ tkun marbuta mar-reġim Sirjan filwaqt li tkun marbuta, għall-istess raġunijiet, ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi.
Sussegwentement, fir-rigward tal-kriterju tar-rabta li għandu Amer Foz ma’ persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi ( 5 ), il-Qorti Ġenerali tfakkar li ħu Amer Foz ġie inkluż minħabba l-istatus tiegħu ta’ negozjant influwenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan. Peress li dan tal-aħħar ma stabbilixxiex, quddiem il-Qorti Ġenerali ( 6 ), li l-miżuri adottati kontra tiegħu kellhom jiġu annullati, dawn jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jkomplu, għaldaqstant, jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati jew iddikjarati invalidi. Peress li l-Kunsill ma jsostnix li l-appartenenza għall-familja Foz hija kriterju ta’ inklużjoni awtonoma, b’differenza mill-appartenenza għall-familji Al‑Assad jew Makhlouf, skont id-Deċiżjoni 2013/255, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżistenza ta’ din ir-rabta ta’ bejn l-aħwa għandha tiġi eżaminata bħala element fattwali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tar-rabtiet kummerċjali li għandhom Amer u Samer Foz.
Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi f’dan ir-rigward li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti fir-rigward tar-rabtiet li għandhom Amer u Samer Foz fil-kuntest tal-imsemmija relazzjonijiet kummerċjali, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, minn naħa, permezz tal-impriża tal-familja Aman Holding u tal-kumpannija ASM International General Trading, min-naħa l-oħra, permezz tal-imsemmija impriża tal-familja f’dak li jikkonċerna l-atti ta’ żamma tal‑2020, u fl-aħħar, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2021, peress li dawn kienu jwettqu attivitajiet mal-ISIL f’isem ir-reġim Sirjan. L-eżistenza ta’ rabtiet ta’ negozju bejn iż-żewġt irġiel tikkonkretizza ruħha wkoll permezz ta’ ftehim fil-ġestjoni tal-portafolli ta’ azzjonijiet tagħhom.
Fl-aħħar, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, fid-dawl tal-pożizzjoni privileġġata ta’ Samer Foz fl-ekonomija Sirjana u tal-influwenza tiegħu, ir-rabtiet ta’ negozju preżenti jew tal-passat eżistenti bejn Amer Foz u dan, minħabba l-fatt li huma aħwa, l-importanza tal-impriża tal-familja li fiha kellhom ishma u okkupaw pożizzjonijiet b’responsabbiltajiet kif ukoll l-impossibbiltà li jiġi eskluż ftehim bejn Amer Foz u ħuh sabiex jittrasferixxu l-ishma tagħhom f’kumpanniji differenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa raġonevoli li wieħed jifhem li Amer Foz huwa assoċjat ma’ riskju reali ta’ evitar tal-miżuri restrittivi.
( 1 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 90), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 18).
( 3 ) Ir-raġunijiet kienu bbażati, minn naħa, fuq il-kriterju ta’ negozjant influwenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, iddefinit fil-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fil-paragrafu 1a(a) tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju tal-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan iddefinit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28 tal-imsemmija deċiżjoni u fil-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, u fl-aħħar, fuq il-kriterju tar-rabta ma’ persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi, iddefiniti fl-aħħar parti tas-sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 27 u fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 kif ukoll fl-aħħar parti tas-sentenza tal-paragrafu 1a tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012.
( 4 ) Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill (T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77).
( 5 ) Artikolu 27(2) u Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836.
( 6 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Foz vs Il‑Kunsill (T‑258/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:820).