SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)
13 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq Ġermaniżi tas-servizzi televiżivi u tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim ŻEE – Impenji – Evalwazzjoni tal-effetti orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni – Bidla speċifika għall-konċentrazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Fil-Kawża T‑64/20,
Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. von Köckritz, U. Soltész, M. Wirtz, M. Schulz, P. Lohs u S. Zinndorf, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, J. Szczodrowski u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Vodafone Group plc, stabbilita fi Newbury (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn V. Vollmann, solicitor, C. Jeffs, A. Chadd u D. Seeliger, avukati,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),
komposta minn M. van der Woude, President, R. da Silva Passos (Relatur), I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 5187 final tat‑18 ta’ Lulju 2019 li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni intiża għall-akkwist minn Vodafone Group plc ta’ ċerti assi ta’ Liberty Global plc (Każ COMP/M.8864 – Vodafone/Certain Liberty Global Assets (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
A. L‑impriżi inkwistjoni
|
2 |
Vodafone Group plc (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti” jew “Vodafone”), stabbilita fir-Renju Unit, hija prinċipalment attiva fl-użu ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl u fil-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl, bħas-servizzi ta’ telefonati, ta’ messaġġi u ta’ data fuq il-mowbajl. Uħud mill-kumpanniji operattivi tagħha jipprovdu wkoll servizzi ta’ televiżjoni bil-kejbil, ta’ telefonija fissa, ta’ internet b’veloċità għolja jew tat-televiżjoni li jużaw il-protokoll tal-Internet (Internet Protocole Television, IPTV). Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Vodafone hija preżenti fi tnax-il Stat Membru, fosthom ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Rumanija. Fil-Ġermanja, Vodafone għandha netwerk bil-kejbil koassjali preżenti fi tlettax-il Länder minn sittax (il-Bavarja, Berlin, Brandenburg, Bremen, Hamburg, Mecklemburg-Vorpommern, Niedersachsen, Rheinland-Pfalz, Saarland, Sachsen, Sachsen-Anhalt, Schleswig-Holstein u Thüringen), li jippermettulha toffri servizzi tat-televiżjoni u tal-internet b’veloċità għolja. F’dan l-Istat Membru, Vodafone hija attiva wkoll fil-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl fuq livell nazzjonali u toffri servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fissi fuq livell nazzjonali permezz ta’ aċċess bl-ingrossa għan-netwerk fiss tar-rikorrenti. |
|
3 |
Liberty Global plc, stabbilita wkoll fir-Renju Unit, toffri servizzi tat-televiżjoni, tal-internet b’veloċità għolja, tat-telefonija fissa kif ukoll servizzi tal-mowbajl f’diversi pajjiżi tal-Unjoni. Liberty Global għandha u topera netwerks tal-kejbil li joffru servizzi tat-televiżjoni, tal-internet b’veloċità għolja u ta’ telefonati fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Ungerija u fir-Rumanija. Liberty Global hija preżenti fil-Ġermanja taħt l-isem Unitymedia GmbH u fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija u fir-Rumanija taħt l-isem UPC. Fil-Ġermanja, Unitymedia għandha netwerk bil-kejbil koassjali preżenti fit-tliet Länder li ma jkoprix in-netwerk bil-kejbil ta’ Vodafone, jiġifieri n-Nordrhein-Westfalen, Hessen u Baden-Württemberg, li jippermettulha toffri servizzi tat-televiżjoni u tal-internet b’veloċità għolja. Barra minn hekk, Liberty Global hija attiva bħala operatur ta’ network tal-mowbajl virtwali fil-Ġermanja u fl-Ungerija. |
|
4 |
Ir-rikorrenti, stabbilita fil-Ġermanja, toffri b’mod partikolari servizzi IPTV, ta’ internet b’veloċità għolja, ta’ telefonija fissa, prinċipalment abbażi tan-netwerk tat-telefon tar-ram tagħha u tan-netwerk tal-fibra ottika tagħha, kif ukoll servizzi tal-mowbajl f’diversi pajjiżi tal-Unjoni. |
B. Il‑proċedura amministrattiva
|
5 |
Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2004, Vol. 24, p. 1), ta’ proġett ta’ konċentrazzjoni li permezz tiegħu Vodafone ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikseb il-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ Liberty Global fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Ungerija u fir-Rumanija. Il-konċentrazzjoni kienet tikkonsisti f’kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ li permezz tiegħu Vodafone kienet tipprevedi li takkwista 100 % tal-ishma tal-kumpanniji li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ Liberty Global ikkonċernati (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni”). Fil-Ġermanja, il-konċentrazzjoni kienet tikkonsisti fl-akkwist ta’ 100 % tal-ishma ta’ Unitymedia. |
|
6 |
Fil‑11 ta’ Diċembru 2018, wara eżami preliminari tan-notifika u abbażi tal-ewwel fażi ta’ investigazzjoni fis-suq, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern u ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
7 |
Fil‑25 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Vodafone (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). |
|
8 |
Fit‑8 ta’ April 2019, Vodafone ppreżentat ir-risposta bil-miktub tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
|
9 |
Fis‑6 ta’ Mejju 2019, Vodafone pproponiet impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex jiġu rrimedjati l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni. Fis‑7 ta’ Mejju, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mal-atturi tas-suq fir-rigward ta’ dawn l-impenji. |
|
10 |
Fil‑11 ta’ Ġunju 2019, wara ċerti emendi, Vodafone ppreżentat serje definittiva ta’ impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji definittivi”). |
|
11 |
Fit‑18 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
C. Id‑deċiżjoni kkontestata
|
12 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, evalwat l-effetti tal-konċentrazzjoni, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-impenji proposti mill-parti li nnotifikat il-konċentrazzjoni kinux ta’ natura li jagħmluha kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). |
1. Evalwazzjoni tal‑effetti tal‑konċentrazzjoni fuq il‑kompetizzjoni fil‑Ġermanja
|
13 |
Fir-rigward tal-Ġermanja, il-Kummissjoni qabelxejn analizzat l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni, jiġifieri l-effetti li kienu jirriżultaw miċ-ċirkustanza li l-partijiet fl-imsemmija konċentrazzjoni kienu kompetituri eżistenti jew potenzjali fis-suq inkwistjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni, jiġifieri l-effetti li kienu jirriżultaw miċ-ċirkustanza li l-partijiet fl-imsemmija konċentrazzjoni kienu joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-provvista. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni evalwat l-effetti konglomerali tal-konċentrazzjoni, jiġifieri l-effetti li kienu jirriżultaw miċ-ċirkustanza li l-partijiet fl-imsemmija konċentrazzjoni kellhom relazzjoni li la kienet orizzontali u lanqas vertikali, iżda kienu attivi fi swieq marbuta mill-qrib bejniethom u, b’mod partikolari, kienu jipprovdu prodotti jew servizzi komplementari. |
a) Effetti orizzontali
|
14 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati fuq is-swieq li ġejjin: is-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-internet fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem is-“suq tal-aċċess fiss għall-internet”), is-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni, is-suq tal-provvista bl-imnut ta’ offerti multiservizzi (multiple play), is-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni, is-suq bl-ingrossa tal-provvista u l-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u s-suq bl-ingrossa tat-trażmissjoni tas-sinjali tat-televiżjoni fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem is-“suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni”). |
1) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑aċċess fiss għall‑internet
|
15 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li, fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet, operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet (offerenti) jipprovdu abbonamenti li jippermettu lill-klijenti finali (applikanti) jaċċedu għall-internet permezz ta’ konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni fissa. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-bżonnijiet tad-deċiżjoni tagħha, is-suq rilevanti kien is-suq globali tal-provvista bl-imnut tal-aċċess fiss għall-internet (inklużi t-tipi kollha ta’ servizzi, il-metodi ta’ distribuzzjoni kif ukoll il-veloċitajiet u l-bandwidths) lill-klijenti residenzjali u lill-impriżi żgħar, bl-esklużjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-internet permezz ta’ infrastrutturi tan-netwerk tal-mowbajl. Fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tas-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq kien ta’ dimensjoni nazzjonali. |
|
16 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet ser tostakola b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet, b’mod partikolari minħabba l-eliminazzjoni tal-pressjoni kompetittiva kbira li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin qabel il-konċentrazzjoni, b’mod partikolari fil-cable footprint ta’ Unitymedia, u l-ħolqien ta’ attur b’sehem mis-suq f’termini ta’ abbonati ta’ iktar minn 30 % (li jkun ogħla b’40 % mill-cable footprint ta’ Unitymedia, u saħansitra iktar f’ċerti Länder u distretti). |
2) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑provvista bl‑imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat‑televiżjoni
|
17 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li, fis-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni, id-detenturi tal-infrastrutturi (offerenti) kienu jipprovdu sinjali tat-televiżjoni lil klijenti (applikanti), prinċipalment permezz tal-kejbil, tas-satellita, tas-servizz terrestri, skont l-istandard ta’ xandir vidjo diġitali – terrestri (Digital Video Broadcasting – Terrestrial, DVB‑T) u l-IPTV. |
|
18 |
Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti, il-Kummissjoni osservat li s-suq Ġermaniż tal-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni kien ikkaratterizzat mill-importanza tal-kiri ta’ akkomodazzjoni u tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Dawn tal-aħħar kienu jinnegozjaw u jikkonkludu kuntratti għall-provvista ta’ servizzi tat-televiżjoni bażika f’isem il-kerrejja tagħhom, u sussegwentement kienu jgħaddu l-ispejjeż fil-kuntest tal-kera mensili b’applikazzjoni ta’ speċifiċità tad-dritt Ġermaniż imsejħa “Nebenkostenprivileg” (privileġġ fil-qasam tal-ispejjeż). Il-Kummissjoni spjegat li l-maġġoranza tad-djar li kienu jirċievu t-televiżjoni bl-imnut fil-Ġermanja kienu jinsabu f’bini b’akkomodazzjoni multipla (multi dwelling units, MDU). Dawn il-MDU kienu jappartjenu lil kumpanniji ta’ akkommodazzjoni jew lil proprjetarji privati (iktar ’il quddiem il-“klijenti MDU”). Fir-rigward tal-akkommodazzjoni individwali jew unifamiljali (single-dwelling units, SDU), il-konsumaturi finali (iktar ’il quddiem il-“klijenti SDU”) kienu ġeneralment jagħżlu d-distributur tat-televiżjoni rispettiv tagħhom u kienu jħallsu direttament għall-abbonament tagħhom. |
|
19 |
Għall-bżonnijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq u tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lejn klijenti li jgħixu fi proprjetajiet immobbli b’akkomodazzjonijiet multipli fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem is-“suq MDU”), qieset li kellha ssir distinzjoni bejn is-suq MDU u s-suq għall-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lill-klijenti SDU (iktar ’il quddiem is-“suq SDU”). Barra minn hekk, hija qieset li d-delimitazzjoni ġeografika tas-swieq MDU u SDU setgħet titħalla miftuħa. |
|
20 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni ma setgħetx tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, la fis-suq MDU u lanqas fis-suq SDU, minħabba effetti orizzontali mhux ikkoordinati. |
3) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fuq is‑swieq potenzjali tal‑provvista bl‑imnut ta’ offerti multiservizzi
|
21 |
Il-Kummissjoni ppreċiżat li t-terminu “multiservizz” kien relatat ma’ offerti li jinkludu żewġ servizzi jew iktar ipprovduti bl-imnut mill-istess fornitur lill-konsumaturi abbażi ta’ kuntratti uniċi jew multipli, jiġifieri s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl, is-servizzi ta’ telefonija fissa, is-servizzi ta’ aċċess fiss għall-internet u s-servizzi tat-televiżjoni. Offerti multiservizzi li jinkludu tnejn, tlieta jew erbgħa minn dawn is-servizzi huma msejħa servizzi doppji, servizzi tripli jew erba’ servizzi, rispettivament (double play jew “2P”; triple play jew “3P” u quadruple play jew “4P”). Offerti multiservizzi li jinkludu wieħed jew iktar minn dawn is-servizzi fissi flimkien ma’ komponent mobbli kienu indikati bħala offerti “multiservizzi fissi-tal-mowbajl” (fixed-mobile multiple play) jew “konverġenza fissa tal-mowbajl” (CFM). Il-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha, il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm suq wieħed jew iktar ta’ multiservizzi distinti ta’ kull wieħed mis-swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet sottostanti meħuda individwalment setgħet titħalla miftuħa. |
|
22 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista bl-imnut ta’ gruppi ta’ prodotti “double play” li jinkludu servizzi ta’ telefonija fissa u servizzi ta’ aċċess għall-internet fiss fil-Ġermanja minħabba effetti orizzontali mhux ikkoordinati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kinitx tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, l-ewwel, f’suq eventwali għall-provvista bl-imnut ta’ gruppi ta’ offerti “triple service” (triple play) li jinkludu servizzi ta’ telefonija fissa, ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-internet u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl fil-Ġermanja, it-tieni, f’suq eventwali tal-provvista bl-imnut ta’ gruppi ta’ offerti “triple service” (triple play) li jinkludu servizzi ta’ telefonija fissa, ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-internet u ta’ servizzi tat-televiżjoni fil-Ġermanja u, it-tielet, f’eventwali suq tal-provvista bl-imnut ta’ grupp ta’ offerti “quadruple service” (quadruple play) fil-Ġermanja, minħabba effetti orizzontali mhux ikkoordinati. Il-Kummissjoni enfasizzat li dan ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konglomerat tal-konċentrazzjoni f’dak li kien jirrigwarda l-provvista tad-diversi komponenti tal-grupp ta’ offerti. |
4) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑provvista bl‑imnut ta’ servizzi tat‑televiżjoni
|
23 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li, fis-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni, l-offerenti kienu l-fornituri ta’ servizzi tat-televiżjoni lineari, jiġifieri flussi lineari ta’ programmi li l-ħin ta’ xandir tagħhom kien stabbilit mill-istazzjon tat-televiżjoni, u mhux lineari, jiġifieri flussi ta’ programmi pprovduti fuq talba tal-utent finali. Dawn l-offerenti kienu jservu lill-klijenti finali li xtaqu jużaw tali servizzi (applikanti). Is-servizzi tat-televiżjoni pprovduti mid-distributuri tat-televiżjoni lill-utenti finali kienu jikkonsistu f’pakketti ta’ stazzjonijiet lineari ta’ televiżjoni mingħajr ħlas jew ta’ stazzjonijiet lineari ta’ televiżjoni bi ħlas kif ukoll f’kontenut aggregat f’servizzi mhux lineari, bħall-vidjo on-demand (Video on demand, VOD). Il-kontenut televiżiv seta’ jiġi pprovdut lill-utenti finali permezz ta’ ċertu numru ta’ mezzi tekniċi, fosthom il-kejbil, is-satellita, it-televiżjoni terrestri (DVB-T) u l-IPTV. L-offerenti ta’ servizzi tat-televiżjoni b’ċirkomvenzjoni jew “barra mill-offerta tal-fornitur tal-aċċess fiss għall-internet” (over the top, OTT) kienu jipprovdu stazzjonijiet u kontenut kemm b’mod lineari kif ukoll mhux lineari permezz tal-internet. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-bżonnijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq kien ta’ dimensjoni nazzjonali u li, minn perspettiva materjali, id-delimitazzjoni eżatta tas-suq setgħet tibqa’ miftuħa. |
|
24 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni ma setgħetx tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni fil-Ġermanja, minħabba effetti orizzontali mhux ikkoordinati. |
5) Effetti orizzontali mhux koordinati fuq is‑suq bl‑ingrossa għall‑provvista u l‑akkwist ta’ stazzjonijiet tat‑televiżjoni u fuq is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni
|
25 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li, fis-suq bl-ingrossa tal-provvista u tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni, ix-xandara (offerenti) kienu jipprovdu stazzjonijiet lineari (mingħajr ħlas jew bi ħlas) li l-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni (applikanti) kienu jakkwistaw sabiex jipprovdu servizzi awdjoviżivi lill-utenti finali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li dan is-suq kien limitat għall-Ġermanja u li kellu jiġi diviż bejn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas. |
|
26 |
Fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-fornituri bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni (offerenti) kienu jużaw l-infrastruttura tagħhom sabiex joffru lix-xandara (applikanti) servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni għall-istazzjonijiet tagħhom. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq rilevanti kellu jiġi delimitat bħala s-suq bl-ingrossa tat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni bil-kejbil li l-portata ġeografika tiegħu kienet il-footprint ta’ kull netwerk bil-kejbil u ppreċiżat li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni suq ta’ prodotti li kien jinkludi l-IPTV. Hija żiedet li hija kienet ser tevalwa l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-livell nazzjonali. |
|
27 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-suq bl-ingrossa għall-provvista u għall-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni kif ukoll is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu marbuta mill-qrib, sa fejn in-negozjati bejn ix-xandara u l-pjattaformi tat-televiżjoni (fornituri bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni) kienu normalment ikopru ż-żewġ aspetti (trażmissjoni ta’ sinjali u akkwist ta’ stazzjonijiet). Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tanalizza l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq dawn iż-żewġt iswieq fl-istess taqsima tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
28 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq bl-ingrossa tal-provvista ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni fil-Ġermanja. |
|
29 |
Fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minħabba ż-żieda tas-setgħa tagħha fis-suq bħala fornitur bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax, l-ewwel, tikseb mingħand ix-xandara kundizzjonijiet li finalment ikollhom impatt negattiv fuq l-aċċess għall-kontenut tat-televiżjoni mill-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni kompetituri, it-tieni, tinfluwenza b’mod negattiv il-portata u l-kwalità tal-kontenut tal-programmi proposti fil-Ġermanja, it-tielet, tostakola d-dehra ta’ servizzi tat-televiżjoni innovattivi u, ir-raba’, tostakola l-ħolqien ta’ applikazzjonijiet ta’ reklamar immirat jew segmentat (indirizzat TV, ATV). |
|
30 |
Qabelxejn, il-Kummissjoni spjegat li, anki jekk il-konċentrazzjoni setgħet tagħti lok għal żieda fis-setgħa fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li, bħala konsegwenza ta’ din iż-żieda fis-setgħa tas-suq, l-imsemmija entità tkun tista’ tikseb kundizzjonijiet mix-xandara u mid-detenturi tad-drittijiet tat-televiżjoni, fil-forma ta’ kuntratti ta’ esklużività, li jkollhom effett negattiv fuq l-aċċess tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni kompetituri għall-istazzjonijiet jew għall-kontenut. |
|
31 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba s-setgħa fis-suq ikbar tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, din ikollha l-kapaċità u l-inċentiv li timplimenta strateġija fis-suq tax-xiri lura ta’ sinjali tat-televiżjoni li tista’ tippreġudika lill-konsumaturi downstream minħabba kwalità inqas tal-esperjenza tat-telespettatur, għażla mnaqqsa u inqas investimenti fil-kontenut mix-xandara. B’mod partikolari, minħabba ż-żieda tas-setgħa fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, il-konċentrazzjoni tista’ twassal għal forma ta’ esklużjoni parzjali ta’ stazzjonijiet bla ħlas jew bi ħlas, b’mod partikolari permezz tal-aggravazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u finanzjarji imposti minn din l-entità fuq ix-xandara u, konsegwentement, għal degradazzjoni kwalitattiva tal-offerta tat-televiżjoni lit-telespettaturi finali fil-Ġermanja. |
|
32 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba s-saħħa fis-suq ikbar tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, din tal-aħħar ikollha l-kapaċità u l-inċentiv li timplimenta strateġija fis-suq tax-xiri lura ta’ sinjali tat-televiżjoni bl-għan li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi tat-televiżjoni innovattivi bħat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni ibridi b’veloċità għolja (Hybrid Broadcast Broadband TV, HBBTV) u l-provvista ta’ servizzi tat-televiżjoni OTT. Issa, tali ostakolu jista’ jippreġudika lill-konsumaturi li jinsabu downstream minħabba kwalità inferjuri tal-esperjenza tat-telespettatur u ta’ għażla mnaqqsa. |
|
33 |
Fl-aħħar, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva f’dak li kien jirrigwarda l-possibbiltà għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li timpedixxi jew li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ATV. |
b) Effetti vertikali
|
34 |
Fir-rigward tal-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat b’mod partikolari l-probabbiltà ta’ esklużjoni tal-fornituri bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lill-klijenti MDU. |
|
35 |
Fis-suq intermedjarju tat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni (iktar ’il quddiem is-“suq intermedjarju”), l-operaturi tan-netwerk ta’ livell 3 (offerenti), jiġifieri n-netwerk li jgħaddi mill-bidu tan-netwerk bil-kejbil sal-limitu ta’ proprjetà, jipprovdu sinjali tat-televiżjoni lill-operaturi tan-netwerk ta’ livell 4 (applikanti), jiġifieri n-netwerk li jaqbad il-proprjetà immobbli. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha, li l-kejbil u l-fibra sad-dar (fibre to the home, FTTH) jew sal-proprjetà immobbli (fibre to the building, FTTB) kienu jagħmlu parti mill-istess suq rilevanti u li, mill-perspettiva ġeografika, is-suq kien reġjonali, jiġifieri limitat għall-cable footprint tal-operatur tal-livell 3. |
|
36 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kinitx tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq MDU delimitat fil-livell nazzjonali, kif ukoll fis-suq potenzjali reġjonali li jikkorrispondi għall-cable footprint ta’ Unitymedia, minħabba effetti vertikali mhux ikkoordinati. |
c) Effetti konglomerattivi
|
37 |
Sa fejn, bħalma spjegat preċedentement, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li kien hemm suq wieħed biss tal-offerti multiservizzi fil-Ġermanja, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-konċentrazzjoni kinitx ser toħloq effetti ta’ konglomerat billi tagħlaq lil kompetituri fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl, fis-suq bl-imnut tas-servizzi tat-telefonija fissa, fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet u fis-suq bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni. |
|
38 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva minħabba effetti konglomerattivi fil-Ġermanja. |
d) Konklużjoni dwar l‑effetti tal‑konċentrazzjoni fil‑Ġermanja
|
39 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva (iktar ’il quddiem “OSKE”) fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet u fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. |
2. Impenji li saru vinkolanti fid‑deċiżjoni kkontestata
|
40 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-impenji meħuda minn Vodafone kienu ta’ natura li jirrendu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE. Minn dan hija ddeduċiet li l-konċentrazzjoni, kif innotifikata wara l-impenji offruti minn Vodafone, ma kinitx tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq fejn kienu ġew identifikati problemi ta’ kompetizzjoni. |
|
41 |
L-impenji meħuda minn Vodafone kienu dawn li ġejjin:
|
|
42 |
Huwa għalhekk li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ddikjara li l-konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, l-Artikoli 2 u 3 ta’ din l-istess deċiżjoni pprevedew rispettivament kundizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat li Vodafone tikkonforma ruħha mal-impenji li din tal-aħħar kienet assumiet fir-rigward tal-Kummissjoni. |
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
|
43 |
Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti. |
|
44 |
Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Marzu 2023, adottat abbażi tal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi, minn naħa, verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ wħud mill-annessi tagħha, li għandha tiġi kkomunikata lir-rikorrenti, li kien fiha diversi siltiet li sa dak iż-żmien kienu redatti u, min-naħa l-oħra, verżjoni kunfidenzjali ġdida tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ wieħed mill-annessi tagħha, li għandha tiġi kkomunikata biss lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu preċedentement iffirmaw impenn ta’ kunfidenzjalità, li tinkludi siltiet oħra li sa dak iż-żmien kienu redatti. |
|
45 |
Permezz ta’ att tas‑16 ta’ Mejju 2023, il-Qorti Ġenerali għamlet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti diversi mistoqsijiet bil-miktub li kellhom jiġu mwieġba bil-miktub u oħrajn imwieġba matul is-seduta. |
|
46 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit‑2 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni konformement mad-digriet tat‑30 ta’ Marzu 2023. |
|
47 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023. |
|
48 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
49 |
Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
|
50 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda s-suq MDU, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq SDU, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti vertikali fuq is-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni, ir-raba’ wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq bl-ingrossa tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u tat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni u, il-ħames wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li l-impenji fil-qasam tat-televiżjoni OTT u ta’ tariffi ta’ xiri lura kienu suffiċjenti sabiex jirrendu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. |
A. Prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli
1. Fuq l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju
|
51 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli bażiċi tar-Regolament Nru 139/2004, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li fuqu huma msejsa r-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 53, u tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 85). |
|
52 |
L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħti lilha mir-Regolament Nru 139/2004 għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 84, u tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 60). |
|
53 |
B’mod partikolari, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 51, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 107). |
|
54 |
Dan ingħad, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-mertu tar-Regolament Nru 139/2004, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 60). |
2. Fuq ir‑regoli tal‑prova
|
55 |
Analiżi prospettiva, bħal dawk li huma meħtieġa fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, trid issir b’attenzjoni kbira, billi ma tinvolvix li jiġu eżaminati avvenimenti fil-passat, li dwarhom spiss ikun hemm bosta provi disponibbli li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, u lanqas avvenimenti kurrenti, iżda teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-futur, skont probabbiltà xi ftit jew wisq qawwija, jekk ma tiġi adottata ebda deċiżjoni li tipprojbixxi jew li tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni ppjanata (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42). |
|
56 |
Barra minn hekk, in-natura prospettiva tal-analiżi ekonomika li għandha twettaq il-Kummissjoni tipprekludi li din tal-aħħar, sabiex turi li konċentrazzjoni tostakola jew, għall-kuntrarju, ma tostakolax, b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, tkun obbligata tosserva livell ta’ prova partikolarment għoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istruttura simetrika tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u tan-natura prospettiva tal-analiżi ekonomiċi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandu jitqies li, sabiex jiġi ddikjarat li konċentrazzjoni hija inkompatibbli jew kompatibbli mas-suq intern, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi, permezz ta’ elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti, li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni kkonċernata tostakola jew le b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punti 86 u 87). |
|
57 |
Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prova, mill-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392) isegwi li l-Kummissjoni hija, fil-prinċipju, marbuta li tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni quddiemha, jew fis-sens tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku l-iktar probabbli attribwibbli għall-konċentrazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant din hija evalwazzjoni ta’ probabbiltajiet u mhux obbligu li għandha l-Kummissjoni li tipprova mingħajr dubju raġonevoli li konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 47). |
|
58 |
F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha l-kompitu li tevalwa b’mod globali r-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użata sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li ċerti elementi jkunu pprivileġġjati u li oħrajn ikunu mwarrba. Dan l-eżami u l-motivazzjoni li saret fih huma s-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 136). |
|
59 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq prova dokumentarja waħda, sakemm il-valur probatorju tagħha ma jqajjimx dubji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 460 (mhux ippubblikata)). |
|
60 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma insostenn tar-rikors imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq. |
B. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda s‑suq MDU
|
61 |
Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq MDU hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
62 |
Fit-Taqsima VIII.C.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq MDU. Bħalma ġie indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li d-delimitazzjoni ġeografika ta’ dan is-suq setgħet titħalla miftuħa. |
|
63 |
Wara li, fil-premessi 683 sa 701 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-suq MDU, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 702 sa 712 tal-istess deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-cable footprints rispettivi tagħhom, kif ukoll il-livelli ta’ konċentrazzjoni tas-suq MDU, qabel ma kkonkludiet, fil-premessi 718 sa 720 tal-imsemmija deċiżjoni, li, minkejja li dan is-suq kien ikkonċentrat ħafna u li kull waħda mill-partijiet kellha pożizzjoni b’saħħitha ħafna fil-cable footprint rispettiv tagħha, il-konċentrazzjoni ma tagħti lok għal ebda bidla speċifika (merger-specific change), peress li l-partijiet ma kinux kompetituri f’dan is-suq, fid-dawl tan-nuqqas ta’ sovrappożizzjoni sinjifikattiva bejn l-attivitajiet tagħhom. |
|
64 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 721 sa 764 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-partijiet. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni qieset li la Vodafone (ara l-premessi 723 sa 746) u lanqas Unitymedia (ara l-premessi 747 sa 764) ma kienu jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fil-cable footprint tal-parti l-oħra, li xejn ma kien jindika li dan kien ikun il-każ fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni u li għalhekk huma ma kinux kompetituri potenzjali. |
|
65 |
Fil-premessi 765 sa 785 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-partijiet fuq xulxin u kkonkludiet li dawn tal-aħħar la kienu kompetituri reali diretti (ara l-premessi 766 sa 772) u lanqas kompetituri reali indiretti (ara l-premessi 773 sa 785). |
|
66 |
Fl-aħħar nett, fil-premessi 786 sa 831 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat u qabblet ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri, u b’mod iktar partikolari minn Tele Columbus, mir-rikorrenti kif ukoll minn atturi oħra iżgħar qabel il-konċentrazzjoni (ara l-premessi 787 sa 820) u fi tmiemha (ara l-premessi 821 sa 831), qabel ma kkonkludiet li kien probabbli li dawn ir-restrizzjonijiet jibqgħu l-istess. |
|
67 |
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ bidla proprja tal-konċentrazzjoni u tal-fatt li din ma telimina ebda kompetizzjoni diretta, indiretta jew potenzjali bejn il-partijiet u ma ddgħajjifx ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri tagħhom, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-konċentrazzjoni ma tagħti lok għal ebda effett orizzontali antikompetittiv mhux ikkoordinat u, għaldaqstant, għal ebda OSKE f’dan is-suq (ara l-premessi 832 sa 835 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
68 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv, li jirrigwarda dan l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq MDU, jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi u fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-konċentrazzjoni twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u, it-tieni waħda, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda billi teżamina t-tieni parti tal-ewwel motiv. |
2. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
|
70 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u, it-tieni, l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq MDU. |
a) Fuq l‑iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r‑relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni
|
71 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta hija qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li, qabel din il-konċentrazzjoni, il-partijiet fil-konċentrazzjoni la kienu kompetituri reali (direttament jew indirettament) u lanqas kompetituri potenzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ kollużjoni taċita bejn il-partijiet qabel il-konċentrazzjoni. |
1) Fuq il‑kompetizzjoni diretta
|
72 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu kompetituri diretti qabel il-konċentrazzjoni. |
|
73 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri diretti, wara li kkonstatat li dawn kienu kważi esklużivament attivi fil-cable footprints rispettivi tagħhom, li ma kinux jikkoinċidu, bil-konsegwenza li l-klijenti fis-suq MDU ma setgħux jgħaddu (switch) minn parti fil-konċentrazzjoni għall-oħra (ara l-premessa 766). |
|
74 |
Fir-rigward tal-ftit kuntratti konklużi mill-partijiet fil-konċentrazzjoni barra mill-cable footprint tagħhom, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet kienu spjegaw li dawn ma kinux ir-riżultat ta’ kompetizzjoni attiva min-naħa tagħhom, iżda li kienu ġew eċċezzjonalment konklużi, jew li kienu kuntratti speċifiċi li ntirtu fil-passat, jew li kienu kuntratti ma’ kumpanniji ta’ akkomodazzjoni attivi fuq livell nazzjonali, li kienu diġà klijenti ta’ waħda mill-partijiet u li xtaqu jikkollaboraw magħha għall-proprjetajiet kollha tagħhom (ara l-premessa 768 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
75 |
Il-Kummissjoni żiedet li din l-assenza ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-partijiet kienet ġiet ikkonfermata mit-tweġibiet mogħtija mill-kompetituri u mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq, kif ukoll mid-data tal-partijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sejħiet għal offerti fis-suq MDU (ara l-premessi 769 sa 771 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
76 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li jekk is-suq MDU kellu jitqies bħala ta’ dimensjoni nazzjonali qabel il-konċentrazzjoni, iż-żewġ partijiet kienu neċessarjament kompetituri reali. Iċ-ċirkustanza jekk il-partijiet humiex f’“kompetizzjoni attiva” f’dan is-suq jew jekk jillimitawx l-attivitajiet tagħhom għal ċerti partijiet (ġeografiċi) tas-suq, jiġifieri l-cable footprints rispettivi tagħhom, hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, la r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ma jeżiġu l-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni “attiva” bejn żewġ impriżi sabiex jiġi stabbilit li hemm OSKE. |
|
77 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk is-swieq ġeografiċi inkwistjoni kienu limitati għall-cable footprints tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata fiha indikazzjonijiet li kienet teżisti, għall-inqas, ċerta interazzjoni kompetittiva diretta bejniethom qabel il-konċentrazzjoni. Fil-fatt, mit-tabelli Nru 16 (ara l-premessa 710) u Nru 17 (ara l-premessa 714) tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi b’mod ċar li sovrappożizzjonijiet limitati, iżda mhux insinjifikattivi, bejn l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżistu, għall-inqas, fuq il-cable footprint ta’ Unitymedia. Barra minn hekk, il-premessi 767 et seq tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu każijiet speċifiċi ta’ “kuntratti li ntirtu mill-passat” jew ta’ “kuntratti maqsuma” konklużi mill-partijiet fil-konċentrazzjoni barra mill-cable footprint tagħhom. |
|
78 |
Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri diretti qabel il-konċentrazzjoni hija, skont ir-rikorrenti, manifestament żbaljata. |
|
79 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li teżisti kompetizzjoni diretta bejn impriżi meta dawn jikkompetu għall-istess klijenti. |
|
81 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li n-netwerks tal-kejbil tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jikkoinċidux u li, fil-fatt, meta klijent MDU jkun jixtieq jikkonkludi kuntratt ma’ fornitur ta’ sinjali tat-televiżjoni, bħala prinċipju huwa għandu biss il-possibbiltà li jagħżel bejn il-parti fil-konċentrazzjoni fil-cable footprint li fih tinsab il-proprjetà immobbli li għandha tiġi konnessa u wieħed mill-kompetituri tiegħu, bħar-rikorrenti. Iċ-ċirkustanza li s-suq MDU kien, qabel il-konċentrazzjoni, ta’ portata nazzjonali jew li kien ġie limitat għall-cable footprints tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jbiddel xejn minn dan, peress li, fiż-żewġ każijiet, din il-konstatazzjoni tapplika. |
|
82 |
Minn dan isegwi li l-prodotti kkummerċjalizzati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux, fil-prattika, f’kompetizzjoni u, għaldaqstant, kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-partijiet ma kinux kompetituri diretti qabel il-konċentrazzjoni. |
|
83 |
L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jintwera l-kuntrarju. |
|
84 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula għal tweġiba bil-miktub fis‑16 ta’ Mejju 2023 mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li kienu jeżistu indizji serji li jindikaw li s-suq MDU kien, qabel it-tranżazzjoni, limitat minn perspettiva ġeografika għall-cable footprint ta’ kull waħda mill-partijiet, iżda li, minħabba l-eżistenza ta’ fornituri u ta’ klijenti attivi fuq skala nazzjonali u minħabba l-fatt li l-eventwali differenzi fil-prezz fi ħdan il-pajjiż ma kinux marbuta ma’ dawn il-footprints, hija ma setgħetx teskludi kompletament il-possibbiltà ta’ suq MDU ta’ portata nazzjonali. |
|
85 |
Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni pprevediet li s-suq jista’ jkun ta’ dimensjoni nazzjonali ma jfissirx li hija kkunsidrat li, f’tali suq ipotetiku, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jikkompetu direttament. Huwa biss fit-tieni lok, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq MDU, li l-Kummissjoni evalwat jekk, f’suq nazzjonali potenzjali, it-tranżazzjoni kinitx ser twassal, fid-dawl tal-attività tal-partijiet, għal telf ta’ kompetizzjoni diretta bejniethom. Iċ-ċirkustanza li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq MDU seta’ diġà jkun ta’ dimensjoni nazzjonali qabel il-konċentrazzjoni ma jippermettix għaldaqstant li jiġi dedott minnu li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu neċessarjament kompetituri reali f’tali suq, bħalma ssostni r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ma huwiex eskluż li żewġ impriżi joperaw ma’ impriżi oħra fl-istess suq ġeografiku, mingħajr ma dawn iż-żewġ impriżi madankollu jikkompetu għall-istess klijenti, b’mod partikolari minħabba l-limiti ġeografiċi tan-netwerks tal-kejbil tagħhom. |
|
86 |
Għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 768 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-partijiet ma kinux f’“kompetizzjoni attiva”, kellha bħala għan uniku li tispjega li kien biss bi tweġiba għat-talbiet mhux mitluba minn klijenti MDU li l-partijiet kienu kkonkludew, f’okkażjonijiet rari ħafna, kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ sinjali tat-televiżjoni fuq il-cable footprint tal-parti l-oħra. Sabiex iwieġbu għal tali talbiet, il-partijiet kellhom għalhekk jakkwistaw servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni mingħand operatur ieħor. B’dan il-mod, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni “attiva” kienet neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ OSKE. |
|
87 |
Fit-tieni lok, għalkemm ma kienet teżisti ebda sovrapożizzjoni bejn in-netwerks tal-kejbil tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, kwistjoni li r-rikorrenti ma tikkontestax, huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li madankollu kienu jeżistu ċerti sovrapożizzjonijiet bejn l-attivitajiet tagħhom, peress li dawn l-operaturi jixtru, f’dan il-każ, servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni mingħand il-parti l-oħra jew operatur ieħor tan-netwerk ta’ livell 3 sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-klijenti MDU kkonċernati. |
|
88 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li għalkemm hija tikkontesta n-natura negliġibbli tagħhom, ir-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċifri, bħala tali, żvelati mill-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-kuntratti konklużi mill-partijiet fil-konċentrazzjoni barra mill-cable footprints tagħhom u n-numru ta’ klijenti kkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn iċ-ċifri juru li dawn il-kuntratti kienu jirrappreżentaw numru limitat ħafna ta’ klijenti MDU f’termini ta’ djar konnessi u sehem mis-suq, peress li inqas minn 1 %, tant negliġibbli li ma jistax jirrappreżenta kompetizzjoni residwa li għandha tiġi protetta. |
|
89 |
Tali kuntratti ’l barra mill-cable footprints tagħhom kienu, barra minn hekk, konklużi biss b’mod eċċezzjonali mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, aspett li r-rikorrenti stess ikkonfermat waqt l-investigazzjoni tas-suq, bħalma jsegwi mill-premessa 770 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
90 |
Konsegwentement, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri diretti qabel il-konċentrazzjoni. |
2) Fuq il‑kompetizzjoni indiretta
|
91 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu kompetituri diretti qabel il-konċentrazzjoni. |
|
92 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk kinitx teżisti restrizzjoni kompetittiva indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel tali konċentrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreċiżat li, sabiex ikun hemm OSKE, kull pressjoni kompetittiva indiretta eżistenti li tkun eliminata wara l-konċentrazzjoni għandha tkun partikolarment b’saħħitha (ara l-premessa 776). Fi tmiem din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri indiretti billi bbażat ruħha fuq serje ta’ elementi. |
|
93 |
L-ewwel, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftit persuni li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq li kienu sostnew li kien hemm kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni rrikonoxxew huma stess li l-prezz fis-suq MDU kien jiddependi minn fatturi lokali u ma kienx komparabbli bejn id-diversi reġjuni kkonċernati (ara l-premessa 774 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
94 |
It-tieni, il-Kummissjoni indikat li tliet mekkaniżmi ta’ trażmissjoni possibbli kienu ġew identifikati waqt l-investigazzjoni tas-suq, li setgħu jagħtu lok għal kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet, l-ewwel wieħed mill-kompetituri attivi fuq livell nazzjonali, bħar-rikorrenti, it-tieni wieħed mill-klijenti attivi fuq livell nazzjonali u t-tielet wieħed minn intermedjarji speċjalizzati, bħal uffiċċji tal-avukati jew impriżi ta’ konsulenza (ara l-premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni sussegwentement spjegat li hija ma kienet sabet ebda prova li turi li dawn il-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni setgħu ħolqu kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet jew li tipprova li tali kompetizzjoni indiretta kienet teżisti (ara l-premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
95 |
Għalhekk, il-maġġoranza tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq wieġbu li huma qatt ma kienu jużaw (f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji lokali, li setgħu jinfluwenzaw it-tielet mekkaniżmu ta’ trażmissjoni) jew rarament (fir-rigward tal-kumpanniji fuq skala nazzjonali, li setgħu jinfluwenzaw it-tieni mekkaniżmu ta’ trażmissjoni) analiżi komparattivi (benchmarking) indiretti. Fir-rigward tal-operaturi kompetituri, ir-rikorrenti u Tele Columbus biss indikaw li ta’ spiss kienu jirrikorru għal tali analiżi komparattivi (ara l-premessi 778 sa 780 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ kompetituri ma seta’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’eżempji konkreti li juru l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet, bħall-prova ta’ allinjament tal-kundizzjonijiet fis-suq MDU fil-Ġermanja kollha (ara l-premessa 781 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
96 |
It-tielet, il-Kummissjoni eżaminat id-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u ma sabet l-ebda prova li Vodafone jew Unitymedia ħadet inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-parti l-oħra fil-kuntest tan-negozjati tagħha fis-suq MDU (ara l-premessa 782 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-provi prodotti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, li juru l-assenza ta’ allinjament fil-livell nazzjonali tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti konklużi fis-suq MDU (ara l-premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
97 |
Fl-aħħar, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tip ta’ analiżi komparattivi interreġjonali ma setax fi kwalunkwe każ jikkostitwixxi mezz ta’ ingranaġġ effettiv, fid-dawl tal-assenza ta’ kompetizzjoni reali bejn il-partijiet u, għaldaqstant, l-impossibbiltà għall-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li jaqilbu minn parti għall-konċentrazzjoni għal oħra (ara l-premessa 784 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
98 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 meta kkunsidrat, fil-premessa 776 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex tinħoloq OSKE, kull pressjoni kompetittiva indiretta eżistenti li kienet tiġi eliminata wara l-konċentrazzjoni kellha tkun partikolarment qawwija. Skont ir-rikorrenti, il-kompetizzjoni indiretta tikkostitwixxi forma rilevanti ta’ kompetizzjoni reali, protetta mir-Regolament Nru 139/2004, u dan mingħajr ma huwa importanti l-livell ta’ tali kompetizzjoni. Peress li ż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom pożizzjoni dominanti fil-cable footprints rispettivi tagħhom qabel il-konċentrazzjoni, anki żieda limitata fis-setgħa fis-suq li tikkonsisti fl-eliminazzjoni ta’ pressjoni kompetittiva (diretta jew indiretta) kienet twassal għal OSKE, bħalma ammettiet il-Kummissjoni stess fir-rigward tal-pożizzjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-swieq televiżivi bl-ingrossa. |
|
99 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tindika li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat elementi importanti ta’ kompetizzjoni indiretta, jiġifieri l-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jissorveljaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom u kienu jqabblu l-offerti ta’ prodotti tagħhom, li l-kumpanniji l-kbar ta’ akkomodazzjoni kienu jqabblu l-offerti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u li kienet teżisti kompetizzjoni fil-qasam tal-infrastruttura bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Skont ir-rikorrenti, dak li huwa importanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ pressjoni kompetittiva indiretta huwa li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet offruti mill-parti l-oħra meta jiddeterminaw l-istrateġija kummerċjali rispettiva tagħhom. |
|
100 |
Minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma tagħtix lok għal tnaqqis tal-kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet hija manifestament żbaljata. |
|
101 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
102 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li impriżi li ma jipparteċipawx f’kompetizzjoni diretta jistgħu madankollu jsibu ruħhom f’kompetizzjoni indiretta bejniethom, b’mod partikolari meta jkunu suġġetti għal pressjonijiet kompetittivi simili min-naħa ta’ impriżi oħra li kull waħda minnhom tikkompeti magħhom direttament jew meta fatturi oħra, bħar-rekwiżiti imposti mill-klijenti, jillimitaw b’mod paragunabbli l-possibbiltajiet tagħhom li jiffissaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali tagħhom. |
|
103 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jissorveljaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom u kienu jipparagunaw l-offerti ta’ prodotti tagħhom, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess tirrikonoxxi li l-premessi 460 et seq kif ukoll il-premessi 892 et seq tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għalihom jikkonċernaw is-suq tal-aċċess fiss għall-internet u s-suq SDU, iżda mhux is-suq MDU. |
|
104 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li dawn il-każijiet ta’ analiżi komparattivi ma kinux imorru lil hinn minn “sempliċi analiżi komparattivi kummerċjali intiżi sabiex jissorveljaw u possibbilment jimitaw l-aħjar prattiki fis-settur”. Issa, bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, din il-forma ta’ paragun, li tikkonsisti f’analiżi tal-prestazzjonijiet tas-suq jew tal-aħjar prattiki fis-settur, inkluż fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi, ma tistax tiġi kklassifikata bħala pressjonijiet kompetittivi indiretti fis-sens tal-punt 102 iktar ’il fuq. |
|
105 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għal mistoqsija għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li, sabiex analiżi komparattiva diretta tkun tista’ tagħti lok għal pressjoni kompetittiva indiretta, fil-fehma tagħha kellu jkun hemm elementi li juru li l-informazzjoni miġbura permezz ta’ dan minn parti li tikkonċerna l-parti l-oħra kienet effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-ewwel waħda fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha u li din l-informazzjoni kienet teżerċita, għaldaqstant, pressjoni fuq din il-parti billi tagħti lok għal reazzjoni kompetittiva min-naħa tagħha. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma sabet ebda element li jindika li dan kien il-każ, fis-suq MDU, fir-rigward tal-analiżi komparattivi li għalihom tirreferi r-rikorrenti, u għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma turix il-kuntrarju, jew li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rraġunat b’dan il-mod. |
|
106 |
Minn dan jirriżulta li ma kienet teżisti ebda pressjoni kompetittiva indiretta, li l-eliminazzjoni tagħha setgħet tagħti lok għal żieda, anki limitata, fis-setgħa fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, aspett li jiddistingwi s-suq MDU mis-swieq televiżivi bl-ingrossa, fejn il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ OSKE, li tirriżulta mis-setgħa ikbar fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (ara l-punti 31 u 32 iktar ’il fuq). |
|
107 |
Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi (ara b’mod partikolari l-premessa 697), u r-rikorrenti ma tikkontestax dan, li diversi kuntratti ma’ klijenti MDU kienu r-riżultat ta’ negozjati, ta’ sejħiet għal offerti jew ta’ proċeduri formali ta’ sejħa għal offerti. Il-kuntratti li kienu jirriżultaw minn dawn in-negozjati jew minn dawn il-proċeduri kienu jinkludu diversi rekwiżiti f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-infrastruttura, is-servizzi pprovduti u l-manutenzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, fi tmiem l-investigazzjoni tas-suq, kien hemm ftehim fuq il-fatt li l-prezzijiet ma kinux ivarjaw skont ir-reġjun ġeografiku bħala tali, iżda pjuttost skont il-livell ta’ kompetizzjoni, l-ispejjeż tal-infrastruttura (pereżempju, l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili) u r-raggruppament tal-proprjetà immobbli li kellu jingħata s-servizz. Barra minn hekk, kif ammettew it-terzi, l-“iffissar tal-prezzijiet tal-kuntratti relatati mal-MDU [kien] speċifiku għall-fatturi lokali u ma [setax] jiġi pparagunat minn żona għall-oħra”. Il-kuntratti konklużi mal-klijenti MDU għalhekk ma kinux kuntratti standard li setgħu faċilment ikunu s-suġġett ta’ analiżi komparattiva abbażi ta’ sempliċi osservazzjoni tal-prattiki tas-settur. |
|
108 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, Vonovia biss, fost is-sitt kumpanniji ta’ akkomodazzjoni nazzjonali u l‑230 000 kumpannija oħra ta’ akkomodazzjoni li wħud minnhom kienu attivi f’diversi Länder, wieġbet li kienet tirrikorri diversi drabi għal analiżi komparattivi, iżda li din ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi eżempji rilevanti li juru kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, bħalma jsegwi mill-premessa 779 u mill-premessa 781(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
109 |
Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ppreċiżat f’dan ir-rigward li hija kienet talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Vonovia u mingħand GdW (din tal-aħħar kienet organizzazzjoni ewlenija u konfederazzjoni li kienet tirrappreżenta madwar 3000 kumpannija ta’ akkomodazzjoni li, b’kollox, kienu jiġġestixxu madwar sitt miljun abitazzjoni fil-Ġermanja) wara t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarji tal-investigazzjoni tas-suq, iżda li ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu provi tal-analiżi komparattiva indiretta li allegatament kienet ipprattikata minn ċerti assoċjazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni. |
|
110 |
Fl-aħħar nett, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn GdW matul il-proċedura amministrattiva, ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jippermettux li tiġi kkontestata tali evalwazzjoni, sa fejn dawn lanqas ma jinkludu eżempji konkreti ta’ analiżi komparattiva jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet. |
|
111 |
Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni nazzjonali jew lokali ma kinux, f’dan il-każ, ipparteċipaw fil-ħolqien ta’ restrizzjoni kompetittiva indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
112 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-infrastruttura bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 441 u mill-premessa 453(b) tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni kkonstatat li l-attivitajiet ta’ investiment u ta’ innovazzjoni fin-netwerk implimentati minn kull parti fil-konċentrazzjoni ma kellhom ebda effett kompetittiv dirett fuq l-istrateġija ta’ innovazzjoni u ta’ investiment fin-netwerk tal-parti l-oħra u li s-sorveljanza minn kull parti tal-attivitajiet imwettqa mill-parti l-oħra f’dan il-kuntest ma kinitx tmur lil hinn minn “sempliċi analiżi komparattivi kummerċjali intiżi sabiex jissorveljaw u possibbilment jimitaw l-aħjar prattiki fis-settur”, aspett li r-rikorrenti ma tikkontradixxix. |
|
113 |
Issa, bħalma ġie indikat fil-punti 104 u 105 iktar ’il fuq, din il-forma ta’ paragun, li tikkonsisti f’analiżi tal-prestazzjonijiet tas-suq jew tal-aħjar prattiki fis-settur, inkluż fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi, hija biss forma ta’ paragun magħżul liberament, iżda ma tikkorrispondix għall-forma ta’ pressjonijiet kompetittivi indiretti msemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq. |
|
114 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat, minn naħa, li l-eżami tad-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kien ipprovda ebda element li jissuġġerixxi li l-imsemmija partijiet kienu ħadu inkunsiderazzjoni t-termini u l-kundizzjonijiet rispettivi tan-negozjati rispettivi tagħhom dwar il-kuntratti MDU u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu ppreżentaw elementi konvinċenti sabiex jikkontestaw l-allinjament tal-kuntratti MDU fit-territorju Ġermaniż kollu. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn il-konstatazzjonijiet kienu rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk kull parti fil-konċentrazzjoni kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet offruti mill-parti l-oħra meta hija kienet qiegħda tiddetermina l-istrateġija kummerċjali tagħha, u għalhekk sabiex jiġi evalwat jekk kinitx teżisti kompetizzjoni indiretta bejniethom qabel il-konċentrazzjoni fis-suq MDU. |
|
115 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni, b’mod manifestament żbaljat, ikkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri indiretti. |
|
116 |
Sa fejn il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li ma kienx hemm kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, ma huwiex iktar neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-eliminazzjoni ta’ dan it-tip ta’ kompetizzjoni għandhiex tkun “partikolarment qawwija” sabiex toħloq OSKE fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004. |
3) Fuq il‑kompetizzjoni potenzjali
|
117 |
Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala kompetituri reali, huma kienu almenu kompetituri potenzjali qabel il-konċentrazzjoni. |
|
118 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabelxejn, eżaminat jekk Vodafone kinitx kompetitur potenzjali ta’ Unitymedia. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni fakkret li Vodafone kienet prinċipalment attiva fil-cable footprint rispettiva tagħha u rrilevat li dan l-operatur kien indika li ma kellu ebda proġett ta’ espansjoni tan-netwerk bil-kejbil tiegħu, b’mod partikolari fil-footprint ta’ Unitymedia, minħabba n-nuqqas ta’ profittabbiltà tal-investiment sottostanti (ara l-premessa 726). |
|
119 |
Peress li kważi l-operaturi kompetituri kollha wieġbu, fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq, li huma kienu qegħdin jistennew li Vodafone testendi n-network bil-kejbil tagħha fil-footprint ta’ Unitymedia, il-Kummissjoni sussegwentement wettqet investigazzjonijiet dwar l-iżvilupp probabbli tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Vodafone kieku l-konċentrazzjoni ma kinitx seħħet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li l-kapaċità teoretika li Vodafone testendi fil-cable footprint ta’ Unitymedia ma kinitx suffiċjenti, peress li kkunsidrat li sabiex turi li kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni li l-eliminazzjoni tagħha kienet tagħti lok għal OSKE, din kellha sseħħ bi probabbiltà suffiċjenti (ara l-premessa 730 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
120 |
Fil-premessi 731 sa 746 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija ma kinitx sabet ġabra koerenti ta’ provi li jissuġġerixxu li estensjoni ta’ Vodafone fil-cable footprint ta’ Unitymedia kienet tkun probabbli jew raġonevolment prevedibbli fl-assenza tal-konċentrazzjoni, iżda li hija kienet pjuttost identifikat serje ta’ elementi li juru l-kuntrarju. |
|
121 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat li, l-ewwel, Vodafone qatt ma kienet irduppjat in-netwerk bil-kejbil ta’ Unitymedia fil-passat u kkonstatat li dan l-operatur kien ftit li xejn żviluppa n-netwerk bil-kejbil tiegħu, anki fil-footprint rispettiv tiegħu u fil-madwar, filwaqt li tali żvilupp kien iktar profittabbli minn duplikazzjoni ta’ netwerk bil-kejbil. It-tieni, l-analiżi tad-dokumenti interni ta’ Vodafone mwettqa mill-Kummissjoni kkonfermat li dan l-operatur ma kienx jipprevedi proġetti ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil ta’ Unitymedia, peress li proġetti simili ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ investiment tiegħu. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni projezzjonijiet imwettqa minn Vodafone, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-infrastrutturi li diġà kellu dan l-operatur, li kienu kkonfermaw dan in-nuqqas ta’ profittabbiltà. It-tielet, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet sabet ebda element li kien juri li d-duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil ta’ operatur ieħor kienet ser tkun iktar profittabbli fil-futur. |
|
122 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li x-xogħlijiet ta’ duplikazzjoni mwettqa minn operaturi oħra bħal Tele Columbus, operaturi lokali jew anki r-rikorrenti kienu jissodisfaw kunsiderazzjonijiet kummerċjali speċifiċi u differenti minn dawk intiżi sabiex jiġi żviluppat netwerk parallel għal dak ta’ operatur kompetitur. Fir-rigward ta’ Tele Columbus, il-Kummissjoni osservat li dan l-operatur ma kien aċċetta l-ebda investiment sinjifikattiv għall-espansjoni tan-netwerk tiegħu ta’ livell 3 (ara l-premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma kellha ebda indizju li jgħid li kien probabbli li Vodafone kellha l-intenzjoni li tidħol fil-footprint ta’ Unitymedia permezz ta’ mezzi tekniċi jew kummerċjali li kienu jvarjaw mill-estensjoni tan-netwerk bil-kejbil rispettiv tagħha (ara l-premessa 742 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
123 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk Unitymedia kinitx kompetitur potenzjali ta’ Vodafone. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni fakkret li Unitymedia kienet prinċipalment attiva fil-cable footprint rispettiva tagħha u rrilevat li dan l-operatur kien indika li ma kellu ebda proġett ta’ espansjoni tan-netwerk bil-kejbil tiegħu, b’mod partikolari fil-footprint ta’ Vodafone, minħabba n-nuqqas ta’ profittabbiltà tal-investiment sottostanti (ara l-premessa 726 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
124 |
Peress li kważi l-operaturi kompetituri kollha indikaw, bi tweġiba għall-investigazzjoni tas-suq, li huma kienu qegħdin jistennew li Unitymedia testendi n-netwerk tagħha fil-cable footprint ta’ Vodafone, filwaqt li rrikonoxxiet madankollu li Unitymedia kellha inqas inċentiv sabiex taġixxi milli kellha Vodafone, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet dwar l-iżvilupp probabbli tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Unitymedia fl-assenza tal-konċentrazzjoni. |
|
125 |
Fil-premessi 755 sa 764 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija ma kinitx sabet ġabra koerenti ta’ provi li jissuġġerixxu li estensjoni ta’ Unitymedia fil-cable footprint ta’ Vodafone kienet tkun probabbli jew raġonevolment prevedibbli fl-assenza tal-konċentrazzjoni, iżda li hija kienet pjuttost identifikat serje ta’ elementi, relattivament simili għal dawk misjuba f’dak li jikkonċerna lil Vodafone, li juru l-kuntrarju. |
|
126 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat li, l-ewwel, Unitymedia qatt ma kienet irduppjat in-netwerk bil-kejbil ta’ Vodafone fil-passat u kkonstatat li dan l-operatur kien ftit li xejn żviluppa n-netwerk bil-kejbil tiegħu, anki fil-footprint rispettiv tiegħu u fil-madwar, filwaqt li tali żvilupp kien iktar profittabbli minn duplikazzjoni ta’ netwerk bil-kejbil. It-tieni, l-analiżi tad-dokumenti interni ta’ Unitymedia mwettqa mill-Kummissjoni kkonfermat li dan l-operatur ma kienx jipprevedi proġetti ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil ta’ Vodafone, peress li proġetti simili ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ investiment tiegħu. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni projezzjoni magħmula minn Unitymedia li tikkonferma dan in-nuqqas ta’ profittabbiltà. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-fatturi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Vodafone kienu applikabbli wkoll fil-każ ta’ Unitymedia. |
|
127 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li impriża hija kompetitur potenzjali f’suq partikolari jekk jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriża kkonċernata tidħol fis-suq u tikkompeti mal-impriżi stabbiliti. Għaldaqstant huwa rilevanti biss jekk impriża għandhiex il-kapaċità li tidħol f’suq partikolari. Din il-kapaċità tikkostitwixxi, bħala tali, kompetizzjoni potenzjali u hija protetta mir-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma hemm lok li jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża għandha konkretament l-intenzjoni li tuża din il-kapaċità b’mod effettiv fil-futur. Għalhekk, sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali għandha tiġi prinċipalment evalwata b’mod oġġettiv, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dħul fis-suq huwiex oġġettivament possibbli u għalhekk jekk il-kompetitur potenzjali l-ġdid kienx jeżerċita pressjoni sinjifikattiva fuq l-impriżi li kienu diġà attivi fis-suq inkwistjoni. L-intenzjonijiet suġġettivi jew il-proġetti kummerċjali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, bħall-pjanijiet ta’ investiment u l-limiti ta’ profittabbiltà interna, ma humiex determinanti f’dan ir-rigward. |
|
128 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-investigazzjoni li saret fir-rigward tal-impriżi diġà attivi fis-swieq inkwistjoni kkonfermat b’mod ċar li l-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħu, b’mod realistiku, jestendu l-infrastrutturi tagħhom ta’ netwerk bil-kejbil (jew tal-fibra) fil-footprint tal-parti l-oħra. L-atturi tas-suq kienu, barra minn hekk, iddikjaraw li l-partijiet fil-konċentrazzjoni probabbilment kienu jaslu sabiex isiru kompetituri iktar aggressivi fil-cable footprints rispettivi tagħhom matul is-sentejn jew tliet snin li ġejjin. |
|
129 |
Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi, skont ir-rikorrenti, diversi eżempji konkreti li juru l-fattibbiltà oġġettiva u l-vijabbiltà ekonomika ta’ espansjoni fiż-żona ta’ kopertura ta’ operatur ieħor bil-kejbil. Ir-rikorrenti stess kif ukoll Tele Columbus u operaturi oħra fl-Ewropa kienu għamlu duplikazzjonijiet ta’ netwerks bil-kejbil, li juri li tali konċentrazzjoni kienet ekonomikament vijabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta llimitat ruħha li teżamina l-probabbiltà ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra, meta l-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħu jaqdu klijenti MDU barra mill-cable footprints rispettivi tagħhom abbażi ta’ servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni pprovduti minn operatur ieħor. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “żoni bojod”, li fihom ebda operatur ma kien preżenti, b’tali mod li l-kwistjoni tad-duplikazzjoni ta’ netwerks ma qamitx. |
|
130 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-kriterji ta’ investiment tal-partijiet sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm profittabbiltà ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra, peress li tali kriterji jistgħu jiġu mmodifikati fi kwalunkwe mument, jew saħansitra mmanipulati, u li l-“vijabbiltà ekonomika” hija kunċett oġġettiv. Fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kriterji ta’ investiment tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, kif imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienu jikkorrispondu bl-ebda mod mal-prattika tas-settur, u lanqas mal-kriterji ta’ investiment tal-atturi l-oħra tas-suq, u barra minn hekk kienu ferm ogħla minn tagħha, li kien juri li dawn kienu ġew stabbiliti deliberatament sabiex kull proġett ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra jkun jidher mhux profitabbli. |
|
131 |
Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja) kien ikkunsidra li l-partijiet kienu minn tal-inqas kompetituri potenzjali. |
|
132 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn hija kkunsidrat li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri potenzjali qabel din il-konċentrazzjoni. |
|
133 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
134 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, imma wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex ikun magħruf jekk, tenut kont tal-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jirregolaw il-ħidma tiegħu, jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid ikun jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni u jikkompeti mal-impriżi diġà stabbiliti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
135 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk impriża tikkostitwixxix kompetitur potenzjali f’suq, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk, fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li din tidħol fl-imsemmi suq u tikkompeti mal-impriżi stabbiliti ġewwa fih. Tali prova ma għandhiex tkun ibbażata fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tiġi ssostanzjata permezz ta’ punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti. Għalhekk, impriża ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
136 |
Barra minn hekk, il-vijabbiltà ekonomika ta’ strateġija ta’ dħul fis-suq ma tistax tiġi assimilata mas-sempliċi profittabbiltà ta’ tali strateġija. Kieku dan kien il-każ, sempliċi kapaċità teoretika ta’ dħul f’suq tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interess kummerċjali jew ekonomiku ta’ dħul f’suq tal-impriża li l-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali hija analizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punti 177, 185, 187, 188, 191 u 195, u tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 123) u, għaldaqstant, tibbaża ruħha fuq il-kriterji ta’ investiment tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tikklassifika impriża bħala kompetitur potenzjali abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi kummerċjali ta’ din l-impriża, l-istrateġija tagħha ta’ żvilupp għal żmien qasir u medju kif ukoll il-kriterji ta’ profittabbiltà li hija stabbilixxiet għal dan l-għan. |
|
137 |
Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni tikkonstata, l-ewwel, li l-impriża kkonċernata ma tkun wettqet ebda pass sabiex tidħol fis-suq f’terminu ta’ żmien suffiċjentement qasir ikkalkolat fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq, it-tieni, li l-imsemmija impriża ma tikkunsidrax li huwa ekonomikament razzjonali u interessanti għaliha li tidħol fis-suq u għalhekk, it-tielet, li l-imsemmija impriża ma għandhiex l-intenzjoni li tidħol fis-suq fil-futur b’mod sinjifikattiv, hija tista’, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-impriża inkwistjoni ma hijiex kompetitur potenzjali tal-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni. |
|
138 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-impriżi diġà attivi fis-suq inkwistjoni kif espressa waqt l-investigazzjoni tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 727, 728, 752 u 753 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-operaturi kompetituri, peress li minn dawn il-premessi jirriżulta li hija wettqet eżami fil-fond tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni b’mod partikolari minħabba l-osservazzjonijiet ifformulati minnhom. |
|
139 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-impriżi attivi fis-suq, din ma tistax madankollu tkun deċiżiva għal evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
140 |
Fil-fatt, għalkemm l-opinjoni tal-kompetituri tista’ tikkostitwixxi sors importanti ta’ informazzjoni fuq l-impatt prevedibbli ta’ konċentrazzjoni fuq is-suq, hija ma tistax torbot lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni awtonoma tagħha tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punti 290 u 291, u tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 673 (mhux ippubblikata)). |
|
141 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-elementi li juru, skont ir-rikorrenti, il-fattibbiltà oġġettiva u l-vijabbiltà ekonomika ta’ espansjoni fiż-żona ta’ kopertura ta’ operatur ieħor tal-kejbil, huwa biżżejjed, sabiex dan l-ilment jiġi miċħud, li jitfakkar, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 136 iktar ’il fuq, li l-vijabbiltà ekonomika ta’ strateġija ta’ dħul fis-suq ma tistax tiġi assimilata mas-sempliċi profittabbiltà ta’ tali strateġija, u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess kummerċjali jew ekonomiku ta’ dħul f’suq tal-impriża li l-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali hija analizzata. |
|
142 |
Konsegwentement, anki jekk il-provi u l-eżempji prodotti mir-rikorrenti juru li espansjoni fil-cable footprint tal-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni kienet oġġettivament fattibbli u ekonomikament vijabbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, spjegat b’mod dettaljat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq id-dokumenti interni tagħhom, li ebda waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kellha, qabel il-konċentrazzjoni, l-intenzjoni li tirdoppja n-netwerk tal-parti l-oħra jew interess ekonomiku li tagħmel dan, peress li l-investimenti sottostanti ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ investiment rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni qatt ma kienu, fil-passat, irduppjaw in-netwerks rispettivi tagħhom. Għandu jiġi kkunsidrat li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma biżżejjed sabiex jiġi miċħud dan it-tielet ilment magħmul mir-rikorrenti. |
|
143 |
Barra minn hekk, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jintwera li kien oġġettivament fattibbli u ekonomikament vijabbli għall-partijiet fil-konċentrazzjoni li jestendu l-attivitajiet tagħhom fis-suq MDU fil-cable footprint tal-parti l-oħra. |
|
144 |
Għalhekk, l-ewwel, fir-rigward tal-fatt li kompetituri oħra kienu lesti li jestendu n-netwerk tagħhom, il-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom dawn l-istrateġiji ma kinux applikabbli għall-partijiet f’konċentrazzjoni oħra. |
|
145 |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-każ tar-rikorrenti, bħalma jsegwi b’mod partikolari mill-premessa 744(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tagħha kienet differenti ħafna minn dik tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, minħabba li hija diġà kellha netwerk ta’ fibra ottika wiesgħa ħafna u li hija kienet tuża dan in-netwerk sabiex tipprovdi servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja permezz tat-teknoloġija ta’ linja diġitali tal-abbonat (Digital Subscriber Line, DSL). Għaldaqstant, sabiex testendi l-offerta tagħha lil klijenti MDU għal żoni ġodda, ir-rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq il-linji tagħha stess ta’ fibra ottika jew fuq il-linji tal-fluss eżistenti tagħha u ġeneralment kellha bżonn tibni biss partijiet qosra tan-netwerk tal-livell 3. |
|
146 |
Għal dak li jikkonċerna Tele Columbus, il-provi ppreżentati fil-premessa 744(a) u fil-premessi 797 sa 799 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, jindikaw li din il-kumpannija ma kinitx verament wettqet duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil ta’ operatur ieħor matul is-snin li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-figura 20, inkluża fil-premessa 798 tad-deċiżjoni kkontestata, turi li n-numru ta’ djar konnessi man-netwerk ta’ Tele Columbus ma kienx żdied b’mod sinjifikattiv bejn l‑2012 u l‑2018, ħlief minħabba l-akkwist ta’ assi preeżistenti ta’ kumpanniji oħra. |
|
147 |
F’dak li jikkonċerna l-każijiet ta’ duplikazzjoni tan-netwerks tal-kejbil fi Stati Membri oħra invokati mir-rikorrenti, bħalma tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn il-fenomeni jistgħu jiġu spjegati minn fatturi storiċi jew mill-ispejjeż baxxi ta’ installazzjoni f’dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet quddiem il-Qorti Ġenerali eżempji ta’ Stati Membri li fihom in-netwerks tal-kejbil ma kinux jikkoinċidu. Il-Kummissjoni indikat ukoll, b’mod sostanzjat, li l-fatt li l-operaturi ma jestendux, bħala prinċipju, in-netwerks tal-kejbil tagħhom kien jikkostitwixxi tendenza ġenerali fl-Ewropa. Minn dan isegwi li l-każijiet ta’ duplikazzjoni tan-netwerks invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
148 |
It-tieni, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li teżamina l-probabbiltà ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni, bħalma jsegwi mill-premessa 745 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Vodafone u tal-premessa 763 tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ Unitymedia. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat li lanqas ma kien probabbli li parti tidħol fil-cable footprint tal-parti l-oħra abbażi ta’ mezzi mhux ibbażati fuq l-infrastruttura, bħal, b’mod partikolari, il-linji mikrija, l-infrastruttura tas-satellita jew in-netwerks ta’ livell 4. |
|
149 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li, għalkemm teoretikament kien possibbli li jiġu pprovduti servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti MDU mingħajr l-użu tal-infrastruttura rispettiva tagħha tal-livell 3, fil-prattika, din ma kinitx possibbiltà interessanti mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-premessa 820 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-operaturi ta’ livell 4 kienu jiddependu kompletament mir-rieda tal-partijiet li joffru servizzi ta’ trażmissjoni intermedjarja tas-sinjali tat-televiżjoni b’kundizzjonijiet kompetittivi, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax. Sussegwentement, fil-premessa 1479 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-operaturi tal-livell 4 kienu spjegaw huma stess li kienu attivi f’settur ta’ niċċa tas-suq, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni kienu affermaw li dawn l-operaturi spiss ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa fil-qasam tal-livell ta’ servizz u ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb l-aġġornament tan-netwerk tal-livell 3, aspett li lanqas ma ġie kkontestat mir-rikorrenti. Issa, dawn l-elementi jikkorroboraw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li ma tantx kien probabbli li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jestendu l-attivitajiet tagħhom fil-cable footprint tal-parti l-oħra billi jibbażaw ruħhom fuq mezzi mhux ibbażati fuq l-infrastruttura. |
|
150 |
It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ “żoni bojod” li l-Kummissjoni allegatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni, mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, ikkontestat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li jekk sa dak iż-żmien ebda operatur ma kien installa netwerk bil-kejbil f’dawn iż-żoni, kien ftit probabbli li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jiddeċiedu t-tnejn li huma li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma wriet ebda element li jindika li, mingħajr il-konċentrazzjoni, il-partijiet kienu jistabbilixxu ruħhom fl-istess żona bajda u r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi l-kuntrarju. |
|
151 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kriterji ta’ investiment tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, peress li dawn setgħu jiġu mmodifikati fi kwalunkwe mument, jew anki immanipulati, u li ma jikkorrispondux għall-prattika tas-settur, għandu jitfakkar li l-vijabbiltà ekonomika ta’ strateġija ta’ dħul fis-suq ma tistax tiġi assimilata mas-sempliċi profittabbiltà ta’ tali strateġija u li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq l-interess kummerċjali jew ekonomiku ta’ dħul f’suq tal-impriża li l-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali hija analizzata (ara l-punti 135 u 136 iktar ’il fuq) u, għaldaqstant, fuq il-kriterji ta’ investiment tagħha. |
|
152 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq numru ta’ provi sabiex tevalwa jekk hemmx kompetizzjoni potenzjali. F’dan l-eżerċizzju, hija ma tistax tinjora l-istrateġiji ta’ investiment tal-impriżi kkonċernati. Dan japplika b’mod partikolari għal gruppi internazzjonali kbar bħal Vodafone, li għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu bejn proġetti ta’ investiment relatati ma’ diversi swieq nazzjonali billi jibbażaw ruħhom għal dan l-għan fuq l-aħjar rati ta’ profitt. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha indizji tal-ineżattezza taċ-ċifri ppreżentati mill-parti li nnotifikat il-konċentrazzjoni. |
|
153 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li diversi miżuri intiżi sabiex jiskoraġġixxu u jikkastigaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew qarrieqa huma previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, il-partijiet li jinnotifikaw konċentrazzjoni huma suġġetti, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tas‑7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), għall-obbligu espress li jipprovdu lill-Kummissjoni b’mod reali u komplet il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, liema obbligu huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka, abbażi tal-Artikolu 6(3)(a) u tal-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk din tkun ibbażata fuq indikazzjonijiet ineżatti li għalihom waħda mill-impriżi kkonċernati tkun responsabbli jew jekk din tkun inkisbet b’qerq (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 185). |
|
154 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-premessa 742 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 553 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni vverifikat il-projezzjonijiet magħmula mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, li fil-kuntest tagħhom dawn tal-aħħar eżaminaw il-profittabbiltà, fid-dawl tal-kriterji ta’ investiment tagħhom, ta’ diversi proġetti ta’ installazzjoni ta’ infrastruttura, u kkunsidrat li r-riżultati tagħhom kienu suffiċjentement robusti u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq il-kriterji ta’ investiment tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm kompetizzjoni potenzjali bejniethom, iżda li hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li, fil-prattika, la Vodafone u lanqas Unitymedia ma kienu rduppjaw in-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra u li dawn il-partijiet kienu estendew b’mod negliġibbli biss in-netwerk tagħhom fi ħdan il-cable footprint rispettiv tagħhom, minkejja li tali estensjoni interna kienet iktar profittabbli. |
|
155 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji li allegatament il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li r-Regolament Nru 139/2004 huwa bbażat fuqu, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 56, u tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 139), a fortiori meta dawn jikkonċernaw il-partijiet f’konċentrazzjoni oħra u f’perijodu ieħor. |
|
156 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma tantx kien probabbli li l-partijiet fil-konċentrazzjoni, fl-assenza tagħha, kienu jestendu l-attivitajiet tagħhom fis-suq MDU fil-cable footprint tal-parti l-oħra, b’tali mod li bejniethom kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali li l-konċentrazzjoni kienet telimina, u għalhekk tagħti lok għal OSKE. |
4) Fuq il‑pożizzjoni dominanti kollettiva li tirriżulta minn kollużjoni taċita bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni
|
157 |
F’diversi okkażjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li għalkemm il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux f’kompetizzjoni bejniethom u qatt ma kienu rduppjaw in-netwerks tal-kejbil tagħhom, dan kien għaliex huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tirriżulta minn kollużjoni taċita bejniethom, li dwarha l-Kummissjoni ma kinitx wettqet investigazzjonijiet suffiċjenti. |
|
158 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni attiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jfissirx li huma ma kinux kompetituri, iżda pjuttost jindika li huma kellhom pożizzjoni dominanti kollettiva li tirriżulta minn kollużjoni taċita bejniethom, intiża sabiex jaqsmu s-suq Ġermaniż bejniethom u sabiex jevitaw li joħolqu l-impressjoni ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni tal-konċentrazzjoni, prevista għal żmien twil. Insostenn ta’ tali allegazzjoni, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal diversi deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, li skont hi kkonstata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva bejn il-partijiet, u ssostni li s-suq MDU għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq taħt dominanza kollettiva u li ma teżisti ebda spjegazzjoni kredibbli oħra għan-nuqqas ta’ kompetizzjoni attiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
159 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
160 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-konċentrazzjoni ħolqot jew saħħet pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq MDU, u b’dan il-mod ostakolat b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, iżda pjuttost issostni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jinsabu, qabel din il-konċentrazzjoni u minħabba kollużjoni taċita bejniethom, f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. |
|
161 |
Jekk jitqies li r-rikorrenti hija intiża, permezz tal-argument tagħha, li tirrapporta ftehim, mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa applikabbli biss għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) fil-prinċipju ma japplikax. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament tal-aħħar huwa l-uniku wieħed applikabbli għall-aġir tal-impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, jista’ madankollu jwassal għal koordinazzjoni bejniethom kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punti 32 u 33). |
|
162 |
Minn dan jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq allegata kollużjoni taċita bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel il-konċentrazzjoni huwa ineffettiv, peress li ma jirrigwardax is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri konċentrazzjoni suġġetta għar-Regolament Nru 139/2004, iżda pjuttost jirrigwarda prattiki li potenzjalment jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, anki jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kienu fondati, jiġifieri anki fl-ipoteżi fejn kien hemm, qabel il-konċentrazzjoni, kollużjoni impliċita jew taċita bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni li tispjega l-assenza ta’ kompetizzjoni reali jew potenzjali bejniethom fis-suq MDU, bħalma ssostni r-rikorrenti, dan ma kienx jippermetti li tiġi kkontestata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan is-suq, jiġifieri l-assenza ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni li l-eliminazzjoni tagħha setgħet tagħti lok għal OSKE. |
|
163 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni, permezz tal-argument tagħha, li tirrapporta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-allegazzjonijiet ta’ terzi bbażati fuq pożizzjoni dominanti kollettiva tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li jirriżultaw minn kollużjoni taċita bejniethom ma kinux ikkonfermati minn eżami tad-dokumenti interni tal-imsemmija partijiet u kienu kontradetti mill-provi li kienu jinsabu fil-fajl dwar il-profittabbiltà insuffiċjenti tad-duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil tal-parti l-oħra. (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġni Nri 534 u 566). L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
164 |
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, għandu jitfakkar li dawn ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni. |
|
165 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-suq MDU, li skont ir-rikorrenti għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq taħt dominanza kollettiva, għandu jiġi rrilevat li l-parti l-kbira tal-kuntratti f’dan is-suq huma konklużi wara negozjati, sejħiet għal offerti jew proċeduri formali ta’ sejħa għal offerti mnedija mill-klijenti (ara l-premessa 697 tad-deċiżjoni kkontestata), aspett li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, bil-konsegwenza li ma tantx huwa probabbli li dan is-suq jissodisfa l-kundizzjoni tat-trasparenza neċessarja sabiex l-impriżi f’pożizzjoni dominanti kollettiva jkunu jistgħu jallinjaw l-aġir tagħhom fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 121). |
|
166 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija biss kollużjoni taċita bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni li setgħet tispjega l-assenza ta’ kompetizzjoni attiva bejniethom, għandu jitfakkar li mill-eżami tal-ilmenti preċedenti invokati mir-rikorrenti insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li din l-assenza ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet kienet tirriżulta, prinċipalment, mill-assenza ta’ sovrapożizzjoni bejn il-cable footprints rispettivi tagħhom u mill-ispejjeż sostanzjali ta’ infrastruttura kkawżati minn duplikazzjoni tan-netwerk bil-cable tal-parti l-oħra, li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ investiment tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda prova li tista’ ssostni tali allegazzjoni. |
|
167 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni, b’mod manifestament żbaljat, ikkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-allegazzjonijiet ta’ terzi bbażati fuq kollużjoni taċita bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux fondati. |
b) Fuq l‑iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l‑effetti kompetittivi tal‑konċentrazzjoni fuq is‑suq MDU
|
168 |
Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu kompetituri reali jew potenzjali qabel il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kienet ser twassal għal ebda bidla speċifika għall-konċentrazzjoni. Għall-kuntrarju, f’dan il-kuntest, il-konċentrazzjoni kienet twassal għal żieda, marbuta mal-konċentrazzjoni, tas-setgħa fis-suq ta’ Vodafone u għal eliminazzjoni tal-pressjoni kompetittiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni kienet iddgħajjef aktar il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri l-oħra tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. |
1) Fuq iż‑żieda tas‑saħħa fis‑suq tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni u l‑eliminazzjoni tal‑pressjoni kompetittiva bejn il‑partijiet
|
169 |
Ir-rikorrenti ssostni li, wara l-konċentrazzjoni, impriża waħda, jiġifieri l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, kienet tiddeċiedi l-istrateġija kummerċjali u l-politika tal-prezzijiet fit-territorju Ġermaniż kollu, li jikkostitwixxi bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq MDU relatat mal-konċentrazzjoni, peress li, qabel il-konċentrazzjoni, kull waħda miż-żewġ partijiet kienet tadotta d-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha b’mod individwali, mingħajr ma kienet taf b’ċertezza l-aġir li l-parti l-oħra kienet ser tadotta. Ir-rikorrenti żżid li din il-pressjoni kompetittiva li teżisti bejn il-partijiet tneħħiet definittivament wara l-konċentrazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li tali bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq hija biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ OSKE u, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li din ma kinitx konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni. |
|
170 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
171 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kwistjoni li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għal żieda, marbuta mal-konċentrazzjoni, tas-setgħa fis-suq ta’ Vodafone u għal eliminazzjoni tal-pressjoni kompetittiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, huwa bbażat fuq il-premessa li, qabel il-konċentrazzjoni, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu kompetituri reali jew, tal-inqas, potenzjali jew, fi kwalunkwe każ, li l-imsemmija partijiet kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kollużjoni taċita. |
|
172 |
Issa, bħalma jsegwi mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta din tal-aħħar kienet qieset li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri reali jew potenzjali fis-suq MDU. Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq allegata kollużjoni taċita bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, qabel il-konċentrazzjoni, ġew miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 157 sa 167 iktar ’il fuq. |
|
173 |
Minn dan jirriżulta li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata, b’tali mod li ma jistax jintlaqa’. |
2) Fuq id‑dgħufija tal‑pressjoni kompetittiva eżerċitata mill‑kompetituri rimanenti
|
174 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni kienet iddgħajjef ukoll il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri rimanenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq MDU, li kien biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ OSKE. |
|
175 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, wara il-konċentrazzjoni, kienet Vodafone, u mhux iktar Unitymedia, li ddeterminat, b’mod partikolari fil-cable footprint ta’ din tal-aħħar, l-istrateġija kummerċjali, fosthom il-politika fil-qasam tat-tariffi, tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fir-rigward ta’ Tele Columbus, jiġifieri l-iktar kompetitur b’saħħtu tal-partijiet, kif ukoll fil-konfront ta’ operaturi oħra tan-netwerk ta’ livell 4, f’dak li kien jirrigwarda s-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni. Wara l-konċentrazzjoni, dawn l-operaturi kienu jiddependu, inkluż fil-cable footprint ta’ Unitymedia, fuq Vodafone, meqjusa skont ir-rikorrenti li riedet tagħmel ħsara lill-kompetituri ż-żgħar tagħha permezz ta’ kundizzjonijiet ekonomikament mhux vijabbli, filwaqt li dan ma kienx il-każ qabel il-konċentrazzjoni. |
|
176 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li kompetituri oħra (bħalha u atturi lokali iżgħar) ma kinux diġà f’pożizzjoni li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq Unitymedia u fuq Vodafone qabel il-konċentrazzjoni, b’mod partikolari minħabba n-“Nebenkostenprivileg” (privileġġ tal-ispejjeż anċillari tal-kiri), li kien jiffavorixxi lill-operaturi tan-netwerks tal-kejbil, peress li dan il-mekkaniżmu kien jippermetti lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li jiffatturaw direttament lill-kerrejja tagħhom l-ispejjeż tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil bħala spejjeż anċillari, li kien inaqqas l-inċentiv tagħhom li jbiddlu l-fornitur. |
|
177 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li s-setgħa ikbar fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fir-rigward tax-xandara tfisser li din tal-aħħar kien ikollha l-kapaċità u kien ikollha l-inċentiv li ddgħajjef iktar il-kompetituri rimanenti tagħha fil-qasam tal-infrastrutturi tat-televiżjoni fis-suq MDU billi teliminahom (tal-inqas parzjalment) jew billi tiddeterjora l-kundizzjonijiet tagħhom ta’ aċċess għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni jew għall-kontenut awdjoviżiv, jew għall-karatteristiċi ta’ dawn l-istazzjonijiet jew għall-kontenut awdjoviżiv li kienu ta’ interess mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Issa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-possibbiltajiet ta’ “esklużjoni parzjali” u tal-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq MDU. |
|
178 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
179 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li s-sitwazzjoni li fiha l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri titnaqqas ħafna minħabba konċentrazzjoni tista’ tagħti lok għal OSKE. |
|
180 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tammetti espliċitament li l-kompetituri l-oħra fis-suq MDU, bħalha u atturi lokali iżgħar, ma kinux diġà f’pożizzjoni li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq Unitymedia u fuq Vodafone qabel il-konċentrazzjoni, b’mod partikolari minħabba n-“Nebenkostenprivileg” (privileġġ tal-ispejjeż anċillari tal-kiri), li fil-fehma tagħha kien jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għad-dħul u għall-espansjoni f’dan is-suq. |
|
181 |
Għaldaqstant, kif ammettiet ir-rikorrenti stess, il-kompetituri l-oħra ma kienu jeżerċitaw l-ebda pressjoni kompetittiva fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel il-konċentrazzjoni. Għalhekk, ma tantx huwa probabbli li din il-konċentrazzjoni seta’ kellha l-effett li tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn dawn il-kompetituri l-oħra u, minħabba f’hekk, li tagħti lok għal OSKE. Minn dan isegwi li dan l-ilment, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fis-suq MDU, inkwantu din tal-aħħar ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konċentrazzjoni kienet iddgħajjef iktar il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri rimanenti tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, għandu jiġi miċħud. |
|
182 |
Barra minn hekk, huwa diffiċli li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu sseparati minn dawk li hija tinvoka fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li meta r-rikorrenti tallega bidla fl-inċentivi tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fil-qasam tal-ipprezzar u tal-ibblukkar fir-rigward ta’ Tele Columbus u ta’ operaturi oħra, hija tinvoka effetti vertikali mhux ikkoordinati li jikkonsistu fl-esklużjoni tal-fornituri bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lill-klijenti MDU fil-Ġermanja. Issa, dawn l-effetti ġew eżaminati mill-Kummissjoni fil-premessi 1467 sa 1506 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tikkontesta permezz tat-tielet motiv tagħha, li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem. |
|
183 |
Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tas-setgħa ikbar fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-suq bl-ingrossa tat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni fil-Ġermanja u tal-effetti tagħha fir-rigward tax-xandara u tal-fornituri tas-servizzi televiżivi bl-imnut ġiet ittrattata mill-Kummissjoni fil-premessi 1006 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, f’parti ddedikata għal eventwali effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq bl-ingrossa inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet permezz tar-raba’ motiv tagħha, li ser jiġi analizzat iktar ’il quddiem. |
|
184 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn hija naqset milli tikkonstata dgħufija tal-kompetizzjoni eżerċitata mill-kompetituri l-oħra minħabba din il-konċentrazzjoni, li tagħti lok għal OSKE. |
3. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal‑Artikolu 2(2) u (3) tar‑Regolament Nru 139/2004
|
185 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, minħabba li hija ma kkunsidratx li l-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti ta’ Vodafone fis-suq MDU kien jikkostitwixxi bidla strutturali fil-kundizzjonijiet tas-suq li kienet speċifika għall-konċentrazzjoni, li tagħti lok għal OSKE. |
|
186 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom, it-tnejn li huma, pożizzjoni dominanti fis-suq MDU fil-cable footprints rispettivi tagħhom. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ cable footprints li, flimkien, kienu jkopru l-Ġermanja kollha, kienet inevitabbilment tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni pożizzjoni dominanti fuq livell nazzjonali li ebda waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni meħuda individwalment ma kellha qabel il-konċentrazzjoni, u dan kien jikkostitwixxi bidla strutturali kbira ħafna fil-kundizzjonijiet tas-suq partikolari għall-konċentrazzjoni, li kienet tagħti lok għal OSKE. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li tali bidla ma kinitx speċifika għall-konċentrazzjoni, peress li l-partijiet diġà kellhom pożizzjoni dominanti fil-cable footprints rispettivi tagħhom qabel il-konċentrazzjoni. |
|
187 |
Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula bħala tweġiba bil-miktub permezz ta’ att tas‑16 ta’ Mejju 2023 mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat f’dan ir-rigward li, fil-fehma tagħha, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kien jikkostitwixxi, fih innifsu, l-eżempju tipiku ta’ OSKE u li, għaldaqstant, jekk kien hemm ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, dan kien suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti OSKE. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet, għaldaqstant, eżaminat b’mod żbaljat jekk il-konċentrazzjoni kinitx ser tagħti lok, minn naħa, għal tnaqqis, minħabba l-konċentrazzjoni, tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, għal effetti proprji għall-konċentrazzjoni fuq il-kompetituri, filwaqt li hija kellha tillimita ruħha li tikkonstata li din il-konċentrazzjoni kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti nazzjonali permezz tal-fużjoni ta’ żewġ atturi f’pożizzjoni dominanti fuq livell reġjonali. Il-ħolqien ta’ tali pożizzjoni dominanti nazzjonali kien proprju għall-konċentrazzjoni u jikkostitwixxi OSKE, aspett li l-Kummissjoni kellha tirrileva. |
|
188 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala kollettivament dominanti fis-suq MDU qabel it-tranżazzjoni, il-bidla minn pożizzjoni dominanti kollettiva għal pożizzjoni dominanti individwali kienet tikkostitwixxi wkoll bidla strutturali importanti fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, inkwantu kienet telimina definittivament kull possibbiltà ta’ ksur tal-bilanċ kollużiv li jikkaratterizza pożizzjoni dominanti kollettiva, u għalhekk ta’ titjib fis-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq. |
|
189 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi meta tikkunsidra li l-konstatazzjoni ta’ OSKE teħtieġ neċessarjament il-konstatazzjoni tat-tneħħija “ta’ pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi” li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin qabel il-konċentrazzjoni. Skont ir-rikorrenti, mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004 isegwi li t-tneħħija ta’ “pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi” bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni tikkonċerna biss il-konċentrazzjonijiet fi swieq oligopolistiċi u hija meħtieġa biss sabiex tiġi kkonstatata OSKE bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati f’każijiet li ma jinvolvux il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. |
|
190 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
191 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, huma biss il-konċentrazzjonijiet li ser ixekklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern. Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet isegwi li l-kriterju essenzjali sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern huwa l-ħolqien ta’ OSKE f’tali suq. L-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” jindika li l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jikkostitwixxi wieħed mill-każijiet li fihom jista’ jiġi kkonstatat tali ostakolu. |
|
192 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li konċentrazzjoni tipproduċi effetti antikompetittivi ma kinitx, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze LOT vs Il‑Kummissjoni, T‑296/18, EU:T:2021:724, punt 107). |
|
193 |
Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li konċentrazzjoni toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’tali mod li l-argument tar-rikorrenti li, peress li hemm il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, dan huwa biżżejjed sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ OSKE, ma jistax jintlaqa’. |
|
194 |
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li jistabbilixxi kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, inklużi dawk li jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punti 109 u 113). |
|
195 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi prospettiva, li tikkonsisti f’li teżamina kif tali konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex tivverifika jekk minn dan jirriżultax OSKE (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 47). |
|
196 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, f’dan il-każ, wettqet analiżi prospettiva li tirrigwarda b’mod partikolari l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq MDU. Peress li, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonstata, bħalma jsegwi mill-eżami iktar ’il fuq tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser telimina restrizzjonijiet kompetittivi bejn il-partijiet u lanqas ma kienet ser iddgħajjef ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri rimanenti, hija setgħet tikkonkludi li ma kienx hemm OSKE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn teżamina, barra minn hekk, jekk din il-konċentrazzjoni kinitx ser toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari minħabba l-kopertura tal-firxa nazzjonali, wara l-konċentrazzjoni, tan-netwerks tal-kejbil flimkien tal-partijiet għall-konċentrazzjoni. |
|
197 |
Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, b’mod astratt, li l-firxa tan-netwerk tal-kejbil tal-partijiet fil-konċentrazzjoni tista’ tikkostitwixxi fattur li jiddetermina l-istat tal-kompetizzjoni fis-suq MDU fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 195 iktar ’il fuq, li l-bidla tiegħu tagħti lok għal OSKE. Għaldaqstant, is-sempliċi estensjoni ġeografika tan-netwerk tal-kejbil tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, kemm jekk din tkun speċifika jew le għaliha, ma tagħtix neċessarjament lok għall-modifika ta’ fattur determinanti tal-istat tal-kompetizzjoni fis-suq MDU u, għaldaqstant, għal OSKE. |
|
198 |
Fit-tieni lok, mill-punti 163 sa 166 iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet teżisti ebda indikazzjoni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jinsabu, qabilha, f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq MDU li tirriżulta minn kollużjoni taċita bejniethom u, min-naħa l-oħra, li l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li jiġi pprovat il-kuntrarju. |
|
199 |
Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-pressjonijiet kompetittivi eliminati permezz ta’ konċentrazzjoni kellhom ikunu “sinjifikattivi” biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jagħtu lok għal OSKE ma jistax jintlaqa’. |
|
200 |
Fil-fatt, mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv isegwi li, f’dan il-każ, ma kienx hemm pressjonijiet kompetittivi bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq MDU qabel tali konċentrazzjoni. Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni kien imissha tqis li hija biss it-tneħħija ta’ pressjonijiet kompetittivi “sinjifikattivi” li setgħet eventwalment tagħti lok għal OSKE, dan ma kienx jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
201 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma tipprovax li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew kisret l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, bil-konsegwenza li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
|
202 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
C. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r‑relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni fis‑suq MDU
|
203 |
Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq SDU hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
204 |
Fit-Taqsima VIII.C.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq SDU. Bħalma ġie indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li d-delimitazzjoni ġeografika ta’ dan is-suq setgħet titħalla miftuħa. |
|
205 |
Wara li, fil-premessi 843 sa 848 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-suq SDU, hija eżaminat, fil-premessi 849 sa 859 tal-imsemmija deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-cable footprints rispettivi tagħhom, kif ukoll il-livelli ta’ konċentrazzjoni tas-suq SDU, qabel ma kkonkludiet, fil-premessi 860 sa 862 tal-istess deċiżjoni, li, minkejja li dan is-suq kien ikkonċentrat ħafna, il-konċentrazzjoni ma tagħti lok għal ebda bidla speċifika għall-konċentrazzjoni (merger-specific change), peress li l-partijiet kienu jikkompetu f’dan is-suq b’mod limitat ħafna u li ma kienx hemm sovrappożizzjoni sinjifikattiva bejn l-attivitajiet tagħhom. |
|
206 |
Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat, fil-premessi 863 sa 885 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-partijiet li jkunu eliminati mill-konċentrazzjoni kif ukoll l-iżvilupp probabbli tagħhom fl-assenza tagħha. |
|
207 |
Fir-rigward ta’ Vodafone, il-Kummissjoni fakkret li, fir-rigward tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti MDU, hija kienet ikkonkludiet li l-provi tal-fajl ma kinux jippermettu li jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet ta’ terzi dwar telf ta’ kompetizzjoni potenzjali min-naħa tagħha. Hija enfasizzat li l-elementi tal-proċess kienu jissuġġerixxu li l-prodotti IPTV u OTT ta’ Vodafone kellhom pożizzjoni limitata ħafna fis-suq SDU. Minn dan hija ddeduċiet li Vodafone ma kinitx attur sinjifikattiv fil-cable footprint ta’ Unitymedia u li la l-offerta IPTV tagħha u lanqas il-pjattaforma OTT ġdida tagħha ma kienu jikkostitwixxu restrizzjoni kompetittiva fir-rigward ta’ din tal-aħħar (ara l-premessi 865 sa 880 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
208 |
Fir-rigward ta’ Unitymedia, il-Kummissjoni enfasizzat li, tkun xi tkun id-delimitazzjoni tas-suq, is-sehem tagħha mis-suq kien jirriżulta biss mill-preżenza tagħha fil-cable footprint tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, fir-rigward tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti MDU, hija kienet ikkonkludiet li l-provi tal-fajl ma kinux jippermettu li jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet ta’ terzi dwar telf ta’ kompetizzjoni potenzjali min-naħa tagħha (ara l-premessi 881 sa 885 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
209 |
Fil-premessi 886 sa 896 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-partijiet fuq xulxin u kkonkludiet li dawn tal-aħħar la kienu kompetituri reali diretti (ara l-premessi 887 sa 891) u lanqas kompetituri reali indiretti (ara l-premessi 892 sa 896). |
|
210 |
Fir-rigward tal-kompetizzjoni diretta, il-Kummissjoni rrilevat li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jipprovdu bl-imnut servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti SDU kważi esklużivament fi ħdan il-cable footprints rispettivi tagħhom, li ma kinux jikkoinċidu. Għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat, fil-cable footprint ta’ Unitymedia, sovrapożizzjoni limitata li ġejja mill-prodotti IPTV u OTT ta’ Vodafone, hija madankollu kkunsidrat li l-operazzjoni ma kinitx ser tneħħi kompetizzjoni diretta sinjifikattiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni waslet għal din il-konstatazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel, is-sehem mis-suq limitat ta’ Vodafone f’din iż-żona, it-tieni, il-fatt li l-imsemmija partijiet ma kinux kompetituri fil-qrib, peress li huma kienu jużaw teknoloġiji ta’ trażmissjoni differenti u, it-tielet, il-fatt li l-prodotti IPTV u OTT ta’ Vodafone ma kellhom xejn uniku, bil-konsegwenza li dawn setgħu faċilment jiġu ssostitwiti bi prodotti oħra. |
|
211 |
Fir-rigward tal-kompetizzjoni indiretta, il-Kummissjoni spjegat li d-dokumenti interni li hija kienet identifikat dwar is-suq tal-aċċess fiss għall-internet u li kienu jissuġġerixxu li l-partijiet kienu jqabblu lilhom infushom ma’ xulxin kienu jikkonċernaw ukoll, sa ċertu punt, is-suq SDU. Madankollu, wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn id-dokumenti ma kinux jistabbilixxu li kienet saret analiżi komparattiva (benchmarking) li tmur lil hinn minn sempliċi paraguni kummerċjali intiżi sabiex jissorveljaw u, eventwalment, jimitaw l-aħjar prattiki fl-industrija. Sussegwentement, il-Kummissjoni enfasizzat li analiżi tal-prezzijiet bl-imnut ma kinitx tindika li Vodafone u Unitymedia kienu kostretti indirettament permezz ta’ mekkaniżmu ta’ tarifikazzjoni sekwenzjali li jittrażmetti l-bidliet fil-prezz ta’ impriża fil-cable footprint tal-oħra wara aġġustament tal-prezzijiet tagħhom mill-kompetituri attivi fuq livell nazzjonali. |
|
212 |
Fl-aħħar nett, fil-premessi 897 sa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri rimanenti fis-suq SDU, u b’mod iktar partikolari mir-rikorrenti, minn Tele Columbus, mill-operaturi urbani (city carriers) bħal NetCologne u mill-operaturi ta’ servizzi tas-satelliti, u kkunsidrat li, wara l-konċentrazzjoni, dawn id-diversi kompetituri kienu ser jibqgħu attivi f’dan is-suq. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-provi tal-proċess kienu juru li l-kompetituri stabbiliti f’dan is-suq kienu qegħdin jaffaċċjaw pressjonijiet kompetittivi dejjem jiżdiedu min-naħa ta’ operaturi ġodda kif ukoll minn diversi fornituri ta’ servizzi televiżivi OTT u kkunsidrat li t-tranżazzjoni ma kinitx ser iddgħajjef il-kompetizzjoni eżerċitata mill-kompetituri. |
|
213 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-konċentrazzjoni ma kienet ser tagħti lok għal ebda OSKE fis-suq SDU li jirriżulta minn effetti orizzontali mhux ikkoordinati (ara l-premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
214 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv, li jirrigwarda dan l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni fis-suq SDU, jista’ jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li tagħti lok għal OSKE, it-tieni waħda, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma kkonkludietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni kienet ser telimina l-kompetizzjoni reali u potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u, it-tielet waħda, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma qisitx li l-konċentrazzjoni kienet ser iddgħajjef il-kompetituri rimanenti. |
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għar‑raġuni li l‑Kummissjoni ma kkunsidratx li l‑konċentrazzjoni kienet ser twassal għall‑ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li tagħti lok għal OSKE
|
215 |
Ir-rikorrenti ssostni li għalkemm is-suq inkwistjoni huwa mifhum bħala li jinkludi biss it-televiżjoni bil-kejbil u l-IPTV, il-konċentrazzjoni twassal għal sehem tas-suq akkumulat għoli ħafna kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fil-cable footprint ta’ Unitymedia, li jindikaw l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fid-dawl tal-pożizzjoni solida ħafna tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, is-sempliċi eliminazzjoni ta’ sovrappożizzjoni minuri tista’ twassal għal OSKE. |
|
216 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
217 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti ma tagħtix lok awtomatikament għal OSKE, bħalma jsegwi mill-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
218 |
Issa, f’dan il-każ, l-ewwel, ir-rikorrenti ma turix kif il-konċentrazzjoni, fl-ipoteżi fejn din twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq SDU ta’ daqs nazzjonali jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq SDU limitat għall-cable footprint ta’ Unitymedia, tagħti lok għal OSKE. |
|
219 |
It-tieni, ir-rikorrenti tagħmel riferiment biss għall-“ishma mis-suq akkumulati għoljin ħafna” u minn dan tiddeduċi li “dawn l-ishma mis-suq meħuda flimkien jindikaw bħala tali l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni” fis-suq SDU. Issa, kuntrarjament għal tali allegazzjoni, dawn l-ishma mis-suq ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti wara din il-konċentrazzjoni. |
|
220 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mit-tabella Nru 20 riprodotta fil-premessa 850 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, isegwi li fis-suq SDU ta’ dimensjoni nazzjonali li jinkludi l-kejbil, l-IPTV, is-satellita u t-televiżjoni terrestri (DVB-T), kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kellha sehem mis-suq ta’ [10–20] % qabel il-konċentrazzjoni u li huma kien ser ikollhom flimkien sehem mis-suq akkumulat ta’ [20–30] % wara l-konċentrazzjoni u li, fis-suq SDU ta’ dimensjoni nazzjonali limitat għall-kejbil u għall-IPTV, kull waħda minn dawn il-partijiet kellha sehem mis-suq ta’ [20–30] % qabel il-konċentrazzjoni u li s-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom kien ser ikun ta’ [40–50] % warajha. Issa, tali ishma mis-suq ma jistax, bħala tali, ikollhom bħala konsegwenza li l-konċentrazzjoni toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti. |
|
221 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni kkonstatat li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha taffaċċja kompetizzjoni sinjifikattiva, b’mod partikolari min-naħa tar-rikorrenti u ta’ Tele Columbus, liema żewġ operaturi għandhom ishma mis-suq sinjifikattivi fis-suq SDU, kemm bħala daqs nazzjonali kif ukoll fil-cable footprint ta’ Unitymedia, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax, bil-konsegwenza li din l-entità ma jkollhiex il-possibbiltà li taġixxi f’dan is-suq bl-indipendenza li tikkaratterizza pożizzjoni dominanti, taħt piena li l-klijenti tagħha SDU jduru lejn dawn iż-żewġ kompetituri, lejn operaturi urbani, jew saħansitra lejn fornituri ta’ servizzi tas-satellita. |
|
222 |
Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball fir-rigward tal-assenza ta’ ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq SDU wara l-konċentrazzjoni, il-premessa li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza ta’ OSKE (ara l-punt 215 iktar ’il fuq) hija żbaljata. |
|
223 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv hija suffiċjentement komprensibbli u, għaldaqstant, hija ammissibbli, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iżda li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkonkludietx li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li tagħti lok għal OSKE fis-suq SDU, bil-konsegwenza li din il-parti hija infondata. |
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l‑Kummissjoni ma kkonkludietx li l‑konċentrazzjoni telimina l‑kompetizzjoni reali u potenzjali bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni
|
224 |
Ir-rikorrenti ssostni li, għar-raġunijiet esposti f’dak li jirrigwarda s-suq MDU, l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser twassal għal tnaqqis tal-kompetizzjoni reali (diretta jew indiretta) jew potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq SDU hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
|
225 |
B’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-analiżi komparattivi bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jipprovawx l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta u ma jmorrux lil hinn minn “sempliċi analiżi komparattivi kummerċjali intiżi sabiex jissorveljaw u possibbilment jimitaw l-aħjar prattiki fis-settur”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa kif l-eżistenza ta’ “sempliċi analiżi komparattivi kummerċjali” ma kinitx tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi kompetizzjoni reali rilevanti bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel il-konċentrazzjoni, b’mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra li bejniethom kienet teżisti kompetizzjoni diretta (għall-inqas limitata) fis-suq SDU. |
|
226 |
Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni ma tispjegax għaliex pressjoni kompetittiva indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni li tirriżulta mit-trażmissjoni tat-tibdil fil-prezz permezz ta’ atturi nazzjonali, bħal Tele Columbus jew ir-rikorrenti, teħtieġ “mekkaniżmu ta’ ffissar sekwenzjali tal-prezzijiet”, u lanqas għaliex dan il-mekkaniżmu jeżiġi li l-“bidliet ta’ elementi ta’ prezz” ikunu “sistematikament mibdija minn Vodafone jew Unitymedia, b’mod suffiċjentement qrib fiż-żmien u fl-istess ordni”. Is-sempliċi fatt li Tele Columbus u r-rikorrenti japplikaw politika nazzjonali uniformi fil-qasam tal-prezzijiet u li huma f’kompetizzjoni maż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni fil-cable footprints rispettivi tagħhom huwa, skont ir-rikorrenti, suffiċjenti sabiex tinħoloq kompetizzjoni indiretta bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
227 |
Ir-rikorrenti tikkontesta, fit-tielet lok, l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, li Vodafone u Unitymedia ma humiex kompetituri qrib xulxin minħabba li jużaw teknoloġiji differenti. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija, fil-fehma tagħha, f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni ta’ Vodafone fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet, li bħala riżultat tagħha hija kkonstatat OSKE minħabba b’mod partikolari l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija bejn il-partijiet, minkejja l-użu ta’ dawn l-istess teknoloġiji differenti, jiġifieri l-kejbil għal dak li kien ta’ Unitymedia u t-teknoloġija DSL għal dak li kien ta’ Vodafone. Ir-rikorrenti żżid li Vodafone kellha 800000 klijent DSL b’veloċità għolja fil-cable footprint ta’ Unitymedia u li dawn l-abbonati DSL kollha setgħu jiġu moqdija mill-offerta IPTV ta’ Vodafone għal żmien qasir u mingħajr investimenti kbar. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li Vodafone kellha tal-inqas il-possibbiltà li żżid b’mod rapidu u sinjifikattiv il-klijentela IPTV tagħha fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
228 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
229 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha relatat mas-suq MDU ġew miċħuda (ara l-punti 72 sa 90 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni diretta, il-punti 91 sa 116 iktar ’il fuq fir-rigward tal-kompetizzjoni indiretta u l-punti 117 sa 156 iktar ’il fuq fir-rigward tal-kompetizzjoni potenzjali). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha b’mod validu fuq riferiment għal dawn l-argumenti insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha. |
|
230 |
Fir-rigward tal-argumenti speċifiċi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, għandhom isiru l-evalwazzjonijiet li ġejjin. |
|
231 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jissorveljaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom u kienu jipparagunaw l-offerti ta’ prodotti tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat li dawn il-każijiet ta’ analiżi komparattivi ma kinux iktar minn “sempliċi analiżi komparattivi kummerċjali intiżi sabiex jissorveljaw u possibbilment jimitaw l-aħjar prattiki fis-settur” u li din il-forma ta’ paragun, li kienet tikkonsisti f’analiżi tal-prestazzjoni tas-suq jew tal-aħjar prattiki fis-settur, inkluż fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi, ma setgħetx, fiha nnifisha, tagħti lok għall-iċken pressjoni kompetittiva bejn żewġ impriżi li t-tneħħija tagħhom, minħabba konċentrazzjoni, tista’ tagħti lok għal OSKE. Bħalma tindika ġustament il-Kummissjoni, jekk operatur tal-kejbil Ewropew jissorvelja, jew saħansitra jimita, l-aħjar prattiċi ta’ operatur tal-kejbil fl-Istati Uniti li għandu suċċess kbir, dan ma jfissirx madankollu li dawn iż-żewġ operaturi jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni reali, għalkemm indiretta. |
|
232 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ma kien hemm xejn li jipprova f’dan il-każ li dawn l-analiżi komparattivi kienu maħsuba sabiex jiggwidaw id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-parti li kienet wettqithom b’reazzjoni għall-aġir kummerċjali tal-parti l-oħra, jew li dawn effettivament wasslu għal xi reazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fuq il-livell tal-istrateġija kummerċjali tagħha. Barra minn hekk, mill-premessa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, isegwi li d-dokumenti inkwistjoni kienu joriġinaw minn timijiet inkarigati mir-relazzjonijiet pubbliċi (public affairs), mill-komunikazzjoni u mir-relazzjonijiet mal-investituri, mingħajr influwenza fuq l-istrateġija kummerċjali tal-partijiet. |
|
233 |
L-ewwel ilment tar-rikorrenti fformulat insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. |
|
234 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-mekkaniżmu ta’ ffissar sekwenzjali tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kinux iffissaw il-prezzijiet tagħhom b’tali mod li dan seta’ jiżvela l-eżistenza ta’ rabta ta’ kompetizzjoni indiretta bejniethom. |
|
235 |
Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ma kellhiex provi suffiċjenti li juru li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jissorveljaw u jipparagunaw l-offerti rispettivi tagħhom b’tali mod li dan il-paragun kellu influwenza fuq l-istrateġija kummerċjali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami ta’ mekkaniżmu ta’ trażmissjoni, fil-forma ta’ ffissar sekwenzjali tal-prezzijiet, kien jippermetti li jiġi vverifikat jekk minkejja kollox kinitx teżisti rabta bejn il-prattiki tariffarji tal-partijiet u, għaldaqstant, pressjoni kompetittiva indiretta bejniethom. |
|
236 |
F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li pressjonijiet kompetittivi indiretti bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jirriżultaw diġà mill-fatt li Tele Columbus u hi stess kienu japplikaw politika nazzjonali uniformi fil-qasam tal-prezzijiet u kienu f’kompetizzjoni maż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni fil-cable footprint tagħhom ma hijiex sostnuta. Barra minn hekk, kieku dan kien il-każ, bidla fil-prezzijiet tagħha minn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet twassal, permezz tar-reazzjoni ta’ Tele Columbus jew tar-rikorrenti għal dan it-tibdil, għal bidla fil-prezzijiet tal-parti l-oħra. Issa, dan huwa preċiżament dak li fittxet il-Kummissjoni, u li hija ma sabitx, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ ffissar sekwenzjali tal-prezzijiet, bħalma jsegwi mill-premessa 896 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
237 |
It-tieni ilment tar-rikorrenti fformulat insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. |
|
238 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkontestata mir-rikorrenti, li Vodafone u Unitymedia ma kinux kompetituri qrib xulxin, għar-raġuni li kienu jużaw teknoloġiji differenti, qabelxejn għandha tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ kontradizzjoni allegata bejn din l-affermazzjoni u l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni ta’ Vodafone fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet. |
|
239 |
Fil-fatt, analiżi pparagunata tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata relatati mas-suq tal-aċċess fiss għall-internet u tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni relatati mas-suq SDU turi li, f’dawn is-swieq, is-sitwazzjoni ta’ Vodafone kienet differenti. |
|
240 |
Fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet, mill-premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li Vodafone kellha parti mhux negliġibbli ta’ [5–10] % fuq il-cable footprint ta’ Unitymedia. Barra minn hekk, mill-premessa 417 tal-imsemmija deċiżjoni jsegwi li l-Kummissjoni kkonstatat li l-klijentela ta’ Vodafone f’din iż-żona kienet qiegħda tikber sew. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-offerta ta’ aċċess fiss għall-internet permezz tat-teknoloġija DSL fuq il-cable footprint ta’ Unitymedia, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata, li Vodafone kienet f’pożizzjoni li topera b’mod iktar kompetittiv mill-fornituri l-oħra ta’ aċċess li joperaw abbażi ta’ aċċess bl-ingrossa minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha u, b’mod iktar preċiż, il-pussess ta’ assi speċifiċi. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha diversi provi li juru l-importanza tal-pożizzjoni ta’ Vodafone fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
241 |
Bħala paragun, fis-suq SDU, mit-tabella Nru 21, riprodotta fil-premessa 853 tad-deċiżjoni kkontestata, isegwi li s-sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet ta’ Vodafone u dawk ta’ Unitymedia fil-cable footprint ta’ din tal-aħħar kienet negliġibbli, peress li Vodafone kellha kważi l-ebda sehem mis-suq (kemm jekk dan is-suq ikun limitat għall-kejbil u għall-IPTV kif ukoll jekk jinkludi wkoll is-satellita u t-televiżjoni terrestri), kif ippreċiżat il-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata, żvelata mill-Kummissjoni konformement mad-digriet tat‑30 ta’ Marzu 2023, isegwi li l-Kummissjoni osservat li n-numru ta’ abbonati tal-IPTV ta’ Vodafone fil-cable footprint ta’ Unitymedia kien naqas matul is-sentejn ta’ qabel il-konċentrazzjoni. |
|
242 |
Minn dan jirriżulta li l-pożizzjoni ta’ Vodafone f’dawn iż-żewġt iswieq kienet differenti, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tadotta evalwazzjoni differenti f’dak li jirrigwarda s-suq SDU minn dak li jirrigwarda s-suq tal-aċċess fiss għall-internet u tikkonkludi li kien hemm OSKE f’dan is-suq tal-aħħar, b’mod partikolari minħabba l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija bejn il-partijiet, minkejja l-użu tat-teknoloġiji differenti. |
|
243 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Vodafone setgħet tbiddel il-klijenti tagħha DSL b’veloċità għolja fil-cable footprint ta’ Unitymedia fi klijenti IPTV, mill-ewwel sentenza tal-premessa 874 tad-deċiżjoni kkontestata, żvelata mill-Kummissjoni konformement mad-digriet tat‑30 ta’ Marzu 2023, isegwi li Vodafone waqfet milli tbiegħ il-prodott IPTV tagħha, ibbażat fuq it-teknoloġija DSL, lil klijenti ġodda f’Marzu 2019, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Vodafone fil-cable footprint ta’ Unitymedia fis-suq SDU, il-possibbiltà, invokata mir-rikorrenti, li Vodafone tbiddel dawn il-klijenti DSL fi klijenti SDU. |
|
244 |
It-tielet ilment tar-rikorrenti fformulat insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. |
|
245 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkonkludietx li l-konċentrazzjoni kienet telimina l-kompetizzjoni reali u potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq SDU, bil-konsegwenza li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
4. Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l‑Kummissjoni ma qisitx li l‑konċentrazzjoni ddgħajjef lill‑kompetituri rimanenti
|
246 |
Filwaqt li tagħmel riferiment għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ motivi tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-setgħa enormi fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fil-konfront tax-xandara fis-swieq televiżivi bl-ingrossa kienet iddgħajjef iktar il-pressjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri rimanenti, li kellu jkun biżżejjed, fil-fehma tagħha, sabiex tiġi kkonstatata OSKE fis-suq SDU. |
|
247 |
Skont ir-rikorrenti, id-deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni affettwa iktar atturi milli fis-suq MDU, peress li kien hemm iktar kompetituri attivi fis-suq SDU, li lkoll iffaċċjaw entità ġdida li setgħet u li xtaqet tikkonkludi ftehim ta’ esklużività (totali jew parzjali) ma’ stazzjonijiet tat-television-fornituri ta’ kontenut u li tiddetorja l-aċċess tal-kompetituri għas-swieq televiżivi bl-ingrossa upstream. |
|
248 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
249 |
F’dan ir-rigward, sabiex turi tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri rimanenti fis-suq SDU, ir-rikorrenti tinvoka l-istess argument bħal dak li hija kienet ressqet għal dan l-għan fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha relatat mas-suq MDU, li hija tagħmel riferiment għalih insostenn tat-tielet parti ta’ dan il-motiv. Issa, dan l-argument ġie miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 174 sa 184 iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kompetituri ta’ daqs iżgħar ma kinux, skont l-ammissjoni tar-rikorrenti, diġà f’pożizzjoni, qabel il-konċentrazzjoni, li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni, b’tali mod li din it-tielet parti ma tistax tintlaqa’. |
|
250 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessi 897 sa 901 tad-deċiżjoni kkontestata, li diversi kompetituri, bħar-rikorrenti, Tele Columbus u diversi operaturi urbani (city carriers), jew anki operaturi ta’ servizzi tas-satellita, ser jibqgħu attivi fis-suq SDU wara l-konċentrazzjoni u lanqas ma tikkontesta l-eżistenza, f’dan is-suq, ta’ pressjonijiet kompetittivi dejjem jikbru min-naħa ta’ operaturi ġodda kif ukoll ta’ diversi fornituri ta’ servizzi televiżivi OTT (ara l-premessa 903), li ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser iddgħajjef il-pressjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kompetituri rimanenti fis-suq SDU. |
|
251 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser twassal għal tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq SDU, bil-konsegwenza li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
|
252 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
D. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l‑effetti vertikali tat‑tranżazzjoni fuq is‑servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat‑televiżjoni
|
253 |
Insostenn tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni fuq is-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
254 |
Kif espost fil-punt 35 iktar ’il fuq, fis-suq intermedjarju, l-operaturi tan-netwerk ta’ livell 3, bħal Vodafone u Unitymedia, jipprovdu, permezz ta’ aċċess bl-ingrossa, sinjali tat-televiżjoni lill-operaturi tan-netwerk ta’ livell 4, bħal Tele Columbus, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jipprovdu bl-imnut servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni, b’mod partikolari lill-klijenti MDU. |
|
255 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, eżaminat il-probabbiltà ta’ esklużjoni ta’ dawn l-operaturi mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li kienet tieħu l-forma ta’ deterjorament tal-kundizzjonijiet tagħhom fis-suq intermedjarju upstream fil-cable footprint ta’ Unitymedia, bi tweġiba għal ilmenti rċevuti f’dan ir-rigward (ara l-premessi 1476 sa 1506). |
|
256 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni qabelxejn osservat, fil-premessa 1476 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni ma toħloq l-ebda rabta vertikali ġdida bejn is-suq intermedju upstream u s-suq MDU downstream, peress li kemm Vodafone kif ukoll Unitymedia kienu diġà attivi f’dawn iż-żewġ swieq fil-cable footprints rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma kienet ser tagħti lok għal ebda bidla proprja fl-istruttura tas-swieq ikkonċernati, kemm upstream kif ukoll downstream. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li, peress li Tele Columbus kienet l-uniku kompetitur importanti li jaħżen fis-suq intermedjarju mingħand il-partijiet fil-konċentrazzjoni, hija kienet ikkonċentrat l-analiżi tagħha fuq l-effetti probabbli, fuq ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn dan l-operatur, ta’ deterjorament tal-kundizzjonijiet kummerċjali tiegħu (ara l-premessi 1478 sa 1480). |
|
257 |
Sussegwentement, fir-rigward, l-ewwel, tal-kapaċità tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li teskludi lil Tele Columbus, il-Kummissjoni vverifikat jekk din l-entità kellhiex il-kapaċità teknika li tieqaf tipprovdi aċċess bl-ingrossa lil Tele Columbus jew li tiddeterjora, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-kundizzjonijiet relatati ma’ dan l-aċċess fis-suq intermedjarju (ara l-premessi 1483 sa 1491 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
258 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li kien jeżisti ftehim qafas bejn Unitymedia u Tele Columbus li jistipula li dan l-operatur tal-aħħar kien protett kuntrattwalment fuq terminu medju f’dak li jirrigwarda parti mill-klijenti tiegħu servuti permezz tas-sinjali intermedjarji pprovduti minn Unitymedia. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha l-kapaċità li tiddeterjora l-kundizzjonijiet kummerċjali applikabbli għas-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni tas-sinjali tat-televiżjoni ta’ Tele Columbus f’dak li jirrigwarda parti biss mill-klijenti MDU tagħha fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
259 |
Il-Kummissjoni sussegwentement żiedet li, sabiex l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni seta’ jkollha l-kapaċità teknika li teskludi lil Tele Columbus mis-suq MDU, hija kellha tibbenefika minn saħħa fis-suq sinjifikattiva fis-suq intermedju upstream. Fid-dawl tal-ftit alternattivi kredibbli disponibbli f’dan is-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan kien ikun il-każ wara l-konċentrazzjoni, iżda żiedet li dan kien ukoll diġà l-każ qabel din il-konċentrazzjoni, peress li Unitymedia diġà kellha, fil-cable footprint tagħha, tali saħħa fil-konfront ta’ Tele Columbus. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-konċentrazzjoni bl-ebda mod ma tbiddel dan, bil-konsegwenza li din il-konċentrazzjoni ma jkollha ebda impatt fuq il-kapaċità tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li teskludi lill-operaturi tan-netwerk ta’ livell 4 fil-cable footprint ta’ kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
260 |
F’dak li kien jirrigwarda, it-tieni, l-interess tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li teskludi lil Tele Columbus, il-Kummissjoni vverifikat jekk din l-entità setgħetx tiġi mħeġġa, fi tmiem din il-konċentrazzjoni, tapplika l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk tagħha ta’ livell 3, ikkunsidrati minn Tele Columbus bħala inqas favorevoli minn dawk li kienet tapplika Unitymedia, ukoll fil-cable footprint ta’ din tal-aħħar (ara l-premessi 1492 sa 1496 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
261 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ Vodafone kellhom jiġu kkunsidrati bħala inqas favorevoli u anki jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet inċentivata tapplikahom fil-cable footprint ta’ Unitymedia wara din il-konċentrazzjoni, tali bidla fl-istrateġija kummerċjali ta’ din l-entità bl-ebda mod ma tirriżulta minn bidla fl-istruttura tas-suq ikkawżata mill-konċentrazzjoni. Fi kliem ieħor, deterjorament eventwali tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk tagħha tal-livell 3 offruti mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni lill-operaturi tan-netwerk ta’ livell 4 jirriżulta biss, skont il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, minn sempliċi bidla fl-approċċ kummerċjali ta’ din l-entità, li setgħet isseħħ indipendentement mill-konċentrazzjoni u li, għaldaqstant, ma kinitx speċifika għaliha. |
|
262 |
Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma jkollha l-ebda interess li teskludi lil Tele Columbus mis-suq MDU speċifika għall-konċentrazzjoni. |
|
263 |
It-tielet, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti li kien ikollu fuq il-kompetizzjoni x-xenarju fejn Vodafone kien ikollha l-kapaċità u l-interess li testendi, fi tmiem il-konċentrazzjoni, il-kundizzjonijiet tagħha allegatament inqas favorevoli fis-suq intermedjarju fil-cable footprint ta’ Unitymedia u kkonkludiet, għar-raġunijiet li ġejjin, li tali effetti kienu jkunu limitati (ara l-premessi 1497 sa 1505 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
264 |
Qabelxejn, hija waslet għal din il-konklużjoni peress li hija kkonstatat li t-tnaqqis fis-setgħa ta’ Tele Columbus fil-cable footprint ta’ Unitymedia ma kienx ser jaffettwa l-attività prinċipali ta’ dan l-operatur, jiġifieri l-offerta bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni fis-suq MDU permezz tan-netwerk tiegħu ta’ livell 3, li jinsab fil-parti l-kbira tiegħu fil-cable footprint ta’ Vodafone (ara l-premessa 1501 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
265 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li Tele Columbus ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fis-suq MDU fil-cable footprint ta’ Unitymedia. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li Tele Columbus ma setgħetx tipparteċipa fis-sejħiet għal offerti mnedija minn klijenti MDU li jeħtieġu aġġornamenti tan-netwerk ta’ livell 3, li l-parti tas-suq ta’ Tele Columbus ikkonċernata kienet tirrappreżenta biss [0–5] % u li Tele Columbus ma kinitx ipparteċipat f’numru sinjifikattiv ta’ sejħiet għal offerti fil-cable footprint ta’ Unitymedia. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li ftit opportunitajiet eżistenti jew ġodda setgħu jiġu affettwati minn esklużjoni ta’ Tele Columbus. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-aċċess ta’ Tele Columbus għall-inputs kien imfixkel fil-cable footprint ta’ Unitymedia, il-Kummissjoni rrilevat li tali esklużjoni tikkonċerna biss l-attivitajiet tagħha ta’ bejjiegħ mill-ġdid tal-prodott ta’ din tal-aħħar, li ma kinux jagħtu lok għal restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva (ara l-premessi 1502 u 1503 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
266 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni spjegat li Tele Columbus kienet użat biss b’mod limitat ħafna n-netwerk tagħha ta’ livell 3 matul is-snin ta’ qabel id-deċiżjoni kkontestata u li xejn ma kien jipprova li dan l-operatur, li kieku ma seħħitx il-konċentrazzjoni, kien juża s-sinjal ta’ Unitymedia sabiex jibni l-infrastruttura tiegħu (ara l-premessa 1504 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
267 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ħadet nota tal-fatt li Vodafone kienet għamlet żewġ offerti irrevokabbli lil Tele Columbus, li jiggarantixxulha li l-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha applikabbli għas-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni jibqgħu, wara l-konċentrazzjoni, l-istess fil-cable footprint ta’ Unitymedia (ara l-premessa 1505 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
268 |
Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq MDU minħabba effetti vertikali mhux ikkoordinati (ara l-premessa 1506 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
269 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat li t-traspożizzjoni probabbli, minn Vodafone, tal-kundizzjonijiet kummerċjali inqas favorevoli tagħha applikabbli għas-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni fil-konfront tal-operaturi tan-netwerk tal-livell 4, fil-cable footprint ta’ Unitymedia, wara l-konċentrazzjoni, kienet rispettiva għaliha. Insostenn ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament segwit mill-Kummissjoni fil-premessi 1494 sa 1496 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-suq MDU downstream ta’ deterjorament, fir-rigward ta’ Tele Columbus, tal-kundizzjonijiet fis-suq intermedjarju fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
270 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda billi teżamina t-tieni parti. |
2. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti mwettqa mill‑Kummissjoni fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑effetti potenzjali ta’ strateġija ta’ esklużjoni fuq il‑kompetizzjoni downstream
|
271 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-effetti potenzjali ta’ deterjorament tal-kundizzjonijiet applikabbli fis-suq intermedjarju, fuq il-kompetizzjoni downstream, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni provi eżistenti, jiġifieri dikjarazzjonijiet ta’ Tele Columbus, li din tal-aħħar ibbażat ruħha biss temporanjament fuq is-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni pprovduti minn Unitymedia qabel il-konċentrazzjoni, fl-istennija li tniedi n-netwerk ta’ livell 3 rispettiv tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssottovalutat ukoll il-fatt li operaturi oħrajn tan-netwerk ta’ livell 4 setgħu wkoll jużaw, b’mod temporanju, l-aċċess għan-netwerk ta’ livell 3 tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex jilħqu klijenti MDU, qabel ma jniehdu n-netwerk ta’ livell 3 rispettiv tagħhom. |
|
272 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li esklużjoni ta’ Tele Columbus ma kinitx iddgħajjef il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn din tal-aħħar fis-suq MDU, peress li esklużjoni simili kienet taffettwa biss l-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott ta’ Unitymedia. Issa, skont ir-rikorrenti, peress li Tele Columbus kienet libera li tiddeċiedi l-prezz u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-bejgħ mill-ġdid ta’ dan il-prodott, hija kienet teżerċita pressjoni kompetittiva fuq Unitymedia. |
|
273 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-offerta irrevokabbli ta’ Vodafone li ma tiddeterjorax il-kundizzjonijiet kuntrattwali applikati għal Tele Columbus fil-cable footprint ta’ Unitymedia. Fil-fatt, tali offerta manifestament ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2008, C 267, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-Rimedji”) u ma setgħetx, minħabba f’hekk, tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ OSKE fis-suq MDU minħabba effetti vertikali mhux ikkoordinati. |
|
274 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
275 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 31 tal-Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 265, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali”) jsegwi li jkun hemm esklużjoni mis-suq tal-input meta, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-entità l-ġdida tista’ tirrestrinġi l-aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi li hija kienet tipprovdi li kieku l-imsemmija konċentrazzjoni ma seħħitx, b’mod partikolari meta din l-entità tista’ żżid l-ispejjeż tal-kompetituri tagħha li jinsabu downstream, billi tirrendi iktar diffiċli għal dawn tal-aħħar il-provvista ta’ inputs bi prezzijiet u b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk li kienu jipprevalu fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni. |
|
276 |
Skont il-punt 32 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ xenarju ta’ esklużjoni antikompetittiva mis-suq tal-input, il-Kummissjoni għandha teżamina, l-ewwel, jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollhiex, wara l-konċentrazzjoni, l-abbiltà li teskludi l-aċċess tal-input b’mod sinjifikattiv, it-tieni, jekk hija jkollhiex interess li tagħmel dan u, it-tielet, jekk strateġija ta’ esklużjoni mis-suq ikollhiex impatt negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni tal-output. |
|
277 |
Għandu jiġi osservat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ esklużjoni tal-input antikompetittiva (sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punti 118 u 119, u tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punti 111 u 112). Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tali kundizzjoni tiġi ssodisfatta, għandu jintwera effett negattiv li jkun sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream, bħalma jsegwi mill-punt 32 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali. |
|
278 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-assenza ta’ rabta vertikali ġdida bejn is-suq intermedju upstream u s-suq MDU downstream li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni, fil-premessi 1476 sa 1506, eżaminat dawn it-tliet kundizzjonijiet mingħajr ma dan l-approċċ huwa, bħala tali, ikkritikat mir-rikorrenti. |
|
279 |
Insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tressaq diversi elementi sabiex turi li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet b’mod manifestament żbaljat li t-tielet kundizzjoni ma kinitx issodisfatta. |
|
280 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tikkontestax diversi elementi importanti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex turi n-natura limitata tal-effetti li strateġija ta’ esklużjoni implimentata mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha fuq il-kompetizzjoni, li tikkonsisti fid-deterjorazzjoni, fir-rigward ta’ Tele Columbus (u ta’ operaturi oħra tan-netwerk ta’ livell 4), tal-kundizzjonijiet kummerċjali applikabbli għas-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
281 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li tali strateġija ma taffettwax l-attività prinċipali ta’ Tele Columbus, peress li din kienet eżerċitata barra mill-cable footprint ta’ Unitymedia. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax diversi elementi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li strateġija eventwali ta’ esklużjoni mis-suq f’kull każ ma jkollhiex effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream, jiġifieri l-fatt li Tele Columbus ma setgħetx tipparteċipa għas-sejħiet għal offerti li jeħtieġu aġġornamenti tan-netwerk ta’ livell 3, in-natura minima, peress li [0–5] %, tas-sehem tas-suq ta’ Tele Columbus ikkonċernata, u l-parteċipazzjoni limitata ta’ Tele Columbus f’sejħiet għal offerti fil-cable footprint ta’ Unitymedia. |
|
282 |
Barra minn hekk, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqin mir-rikorrenti. |
|
283 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Tele Columbus ibbażat ruħha biss temporanjament fuq is-servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni pprovduti minn Unitymedia fl-istennija li tniedi n-netwerk tagħha ta’ livell 3, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti essenzjalment issostni li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq it-tweġiba ta’ Vodafone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ssostni li l-Kummissjoni ma tispjegax kif din it-tweġiba hija iktar kredibbli mid-dikjarazzjonijiet rispettivi ta’ Tele Columbus innifisha. |
|
284 |
Issa, mill-premessa 798 u mill-figura 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 1504 tal-imsemmija deċiżjoni, isegwi li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni huma bbażati kemm fuq ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fuq iċ-ċifri kkomunikati minn Tele Colombus innifisha. Il-provi ppreżentati fil-premessa 744(a) u fil-premessi 797 sa 799 tad-deċiżjoni kkontestata juru li Tele Columbus ma kinitx verament wettqet duplikazzjoni tan-netwerk bil-kejbil ta’ operatur ieħor matul is-snin li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, aspett li barra minn hekk ir-rikorrenti ma tikkontestax. B’mod partikolari, il-figura 20 tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża fil-premessa 798 tal-imsemmija deċiżjoni, turi li n-numru ta’ djar konnessi man-netwerk ta’ Tele Columbus ma kienx żdied b’mod sinjifikattiv bejn l‑2012 u l‑2018, ħlief minħabba l-akkwist ta’ assi preeżistenti ta’ kumpanniji oħra. Issa, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tikkontradixxi l-konklużjoni li Tele Columbus “[kienet] żviluppat biss ftit ħafna l-infrastruttura tagħha ta’ livell 3 f’dawn l-aħħar snin”. |
|
285 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li investiment fl-infrastruttura ta’ livell 3 ma kienx iwassal awtomatikament għal żieda fin-numru ta’ djar effettivament konnessi (kuntrarjament għal dak li jsegwi mill-premessa 799 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-istaġnar tan-numru totali ta’ djar konnessi ma kienx biżżejjed sabiex tintwera l-importanza ta’ Tele Columbus fuq il-livell tal-kompetizzjoni, peress li l-akkwist ta’ klijenti ġodda permezz tal-espansjoni tan-netwerk seta’ jiġi kkumpensat bit-telf temporanju ta’ klijenti oħra. |
|
286 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ żieda fin-numru ta’ djar effettivament konnessi minn Tele Columbus kien jikkostitwixxi indikazzjoni serja tan-nuqqas ta’ investiment sinjifikattiv fl-estensjoni tan-netwerk tagħha jew, għall-inqas, tan-nuqqas ta’ suċċess jew ta’ profitabbiltà ta’ espansjoni eventwali tan-netwerk. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproponix metodi sabiex jitkejjel l-effett kompetittiv ta’ estensjoni ta’ netwerk minbarra dak taż-żieda fid-djar konnessi. |
|
287 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li kompetituri oħra, bħalha, setgħu jużaw l-aċċess (temporanju) għall-infrastruttura tal-livell 3 tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex ikunu jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni fis-suq MDU, qabel ma jniedu b’mod kontinwu n-netwerks rispettivi tagħhom (tal-fibra) ta’ livell 3. |
|
288 |
Madankollu, bħalma indikat essenzjalment il-Kummissjoni fil-premessa 1479 tad-deċiżjoni kkontestata, l-operaturi indipendenti ta’ livell 4 għandhom biss rwol limitat ħafna fir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, bħalma ssostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, din tal-aħħar ma kinitx, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet użu mill-aċċess għall-infrastruttura tal-livell 3 tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ tidħol f’kompetizzjoni fis-suq SDU, qabel ma nediet b’mod kontinwu n-netwerk tagħha tal-fibra ottika. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi li hija kellha l-intenzjoni li taċċedi, fil-futur qarib, għall-infrastruttura tal-livell 3 tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ tidħol f’kompetizzjoni fis-suq MDU, qabel ma tniedi b’mod kontinwu n-netwerk tagħha ta’ livell 3. |
|
289 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Tele Columbus kienet teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq Unitymedia, minkejja l-fatt li hija kienet sempliċement tbigħ il-prodott ta’ din tal-aħħar mill-ġdid fil-cable footprint tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din is-sempliċi allegazzjoni ma hijiex akkumpanjata minn elementi li jippermettu li jiġu kkontestati l-ispjegazzjonijiet li jidhru fil-premessi 1501 u 1503 tad-deċiżjoni kkontestata, kif imfakkra fil-punti 264 u 265 iktar ’il fuq. |
|
290 |
Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta kkunsidrat li l-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha kienu juru li t-tnaqqis fis-setgħa ta’ Tele Columbus fil-cable footprint ta’ Unitymedia kien ikollu effetti limitati fuq il-kompetizzjoni fis-suq MDU. |
|
291 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-offerti irrevokabbli magħmula minn Vodafone lil Tele Columbus u tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx teħodhom inkunsiderazzjoni, minn dawn iż-żewġ offerti jirriżulta li Vodafone indikat b’mod ċar ir-rieda tagħha li ma tiddeterjorax il-kundizzjonijiet ta’ Tele Columbus fil-cable footprint ta’ Unitymedia, aspett li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżami tagħha tal-effetti. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ma kienet timpedixxi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fatt sabiex issaħħaħ il-konklużjoni tagħha li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq MDU, kif ukoll fis-suq potenzjali reġjonali li jikkorrispondi għall-cable footprint ta’ Unitymedia, minħabba effetti vertikali mhux ikkoordinati. |
|
292 |
Bħalma jsegwi mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet nota biss tal-offerti irrevokabbli ta’ Vodafone bħala punt ta’ fatt addizzjonali insostenn tal-konklużjoni tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bidlitx dawn l-offerti f’obbligu, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
293 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li strateġija eventwali ta’ esklużjoni ma kienx ikollha effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream. |
|
294 |
Barra minn hekk, il-kapaċità li jiġi eskluż l-aċċess għall-inputs b’mod sinjifikattiv, l-interess li dan isir u l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni downstream ta’ strateġija ta’ esklużjoni tas-suq jikkostitwixxu tliet kundizzjonijiet kumulattivi, b’tali mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ esklużjoni tal-input antikompetittiv (ara l-punt 277 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
295 |
Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti potenzjali ta’ strateġija ta’ esklużjoni fuq il-kompetizzjoni downstream (jiġifieri t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet), it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel parti, ibbażata fuq in-natura allegatament żbaljata tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fil-premessi 1494 sa 1496 tad-deċiżjoni kkontestata, li fi tmiemu l-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma jkollha l-ebda interess li teskludi lil Tele Columbus mis-suq MDU relatat mal-konċentrazzjoni (jiġifieri t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet). |
|
296 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv u t-tielet motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. |
E. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal‑effetti tat‑tranżazzjoni fuq is‑suq bl‑ingrossa tal‑akkwist ta’ stazzjonijiet televiżivi u fuq is‑suq tax‑xiri mill‑ġdid tas‑sinjali tat‑televiżjoni
|
297 |
Insostenn tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq bl-ingrossa tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u fuq is-suq ta’ xiri mill-ġdid ta’ sinjali tat-televiżjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
298 |
Bħalma ġie espost fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq, fis-suq bl-ingrossa tal-provvista u tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni, ix-xandara (offerenti) kienu jipprovdu stazzjonijiet tat-televiżjoni li l-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni (applikanti), bħal Vodafone, Unitymedia jew ir-rikorrenti, kienu jakkwistaw sabiex jipprovdu servizzi awdjoviżivi lill-utenti finali. Fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, dawn l-istess fornituri ta’ servizzi tat-televiżjoni (offerenti) kienu jużaw l-infrastruttura tagħhom sabiex joffru lil dawn l-istess xandara (applikanti), bi skambju għall-ħlas tat-tariffi ta’ xiri lura, servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni għall-istazzjonijiet tagħhom. Fi kliem ieħor, l-atturi fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu l-istess bħal fis-suq bl-ingrossa tal-provvista u tal-akkwist ta’ stazzjonijiet televiżivi, iżda l-fornituri tas-servizzi tat-televiżjoni, bħall-partijiet fil-konċentrazzjoni, kienu jinsabu fin-naħa tal-offerta fl-ewwel suq u fin-naħa tad-domanda fit-tieni suq. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn iż-żewġt iswieq bl-ingrossa kienu marbuta mill-qrib, sa fejn in-negozjati bejn ix-xandara u l-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni normalment ikopru ż-żewġ aspetti (trażmissjoni tas-sinjali, minn naħa, u l-akkwist ta’ stazzjonijiet, min-naħa l-oħra). |
|
299 |
Fi tmiem l-analiżi tagħha ta’ dawn is-swieq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq bl-ingrossa tal-provvista u tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. |
|
300 |
Fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm OSKE li jirriżulta mill-kapaċità u mill-inkoraġġiment tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, minn naħa, li taggrava l-kundizzjonijiet kuntrattwali u finanzjarji imposti minn din l-entità fuq ix-xandara u, min-naħa l-oħra, li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi televiżivi innovattivi, bħall-OTT u l-HBBTV, u kkunsidrat li dan ikollu effetti negattivi fuq it-telespettaturi fil-Ġermanja (ara, minn naħa, il-premessi 1205 sa 1265 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 1266 sa 1292 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
301 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni spjegat li ma kienx possibbli li jiġi konkluż li, wara ż-żieda tas-setgħa fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni f’dan is-suq, l-imsemmija entità tkun tista’ probabbilment tikseb kundizzjonijiet min-naħa tax-xandara u tad-detenturi tad-drittijiet tat-televiżjoni, fil-forma ta’ kuntratti ta’ esklużività, li jkollhom effett negattiv fuq l-aċċess tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni kompetituri għall-istazzjonijiet jew għall-kontenut tat-televiżjoni. |
|
302 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qabelxejn osservat, fil-premessa 1164 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan is-suq ma kienx ikkaratterizzat, fil-Ġermanja, minn tali kuntratti ta’ esklużività bejn ix-xandara u d-detenturi ta’ drittijiet tat-televiżjoni, minn naħa, u fornituri ta’ servizzi ta’ televiżjoni bl-imnut, min-naħa l-oħra. |
|
303 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minħabba ż-żieda fis-setgħa fis-suq tagħha bħala fornitur bl-imnut tas-sinjali tat-televiżjoni, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollhiex il-possibbiltà li ġġiegħel lix-xandara u lid-detenturi tad-drittijiet tat-televiżjoni jagħtuha kuntratti ta’ esklużività li jirrigwardaw stazzjonijiet jew kontenut televiżivi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li, b’mod partikolari, hija kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-liga Ġermaniża tal-futbol (Bundesliga), jiġifieri l-avveniment sportiv l-iktar importanti fil-Ġermanja, filwaqt li ppreċiżat li l-istess kunsiderazzjonijiet kienu japplikaw għal avvenimenti sportivi oħra jew kontenut televiżiv popolari, li għalihom hija ma kinitx sabet provi diretti fil-fajl (ara l-premessa 1165 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
304 |
L-ewwel, fil-premessi 1173 sa 1176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk Sky, detentriċi tal-maġġoranza tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni tal-Bundesliga, tkunx tista’ taċċetta li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien improbabbli li dan ikun il-każ, peress li, għalkemm Sky kienet tiddependi mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sabiex tiddistribwixxi l-kontenut tagħha, dan ix-xandar kien jiddependi bl-istess mod, jew saħansitra iktar, minn mezzi oħra ta’ xandir, b’mod partikolari mill-operatur tat-televiżjoni bis-satellita Astra, bil-konsegwenza li Sky titlef parti sostanzjali mid-dħul tagħha fil-każ li tikkonkludi kuntratt ta’ esklużività mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Sky, attur internazzjonali u l-fornitur prinċipali ta’ servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas fil-Ġermanja, kienet tibbenefika minn setgħa ta’ xiri kumpensatorja ċerta. |
|
305 |
It-tieni, fil-premessi 1177 sa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni setgħetx raġonevolment issegwi strateġija intiża sabiex tikseb aċċess esklużiv għal stazzjonijiet jew kontenut televiżiv oħra, b’mod partikolari fil-konfront ta’ xandara jew ta’ detenturi ta’ drittijiet tat-televiżjoni li jibbenefikaw minn setgħa ta’ xiri kumpensatorja inqas minn Sky. Billi bbażat ruħha fuq dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u fuq it-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kellha l-kapaċità li timplimenta tali strateġija, kien dubjuż jekk hija kinitx inċentivata tagħmel dan peress li tali strateġija kien ikollha spejjeż għoljin ta’ implimentazzjoni, iżda riżultati inċerti f’termini ta’ profitti. |
|
306 |
It-tielet, fil-premessi 1184 sa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approfondiet l-analiżi tagħha dwar l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li teskludi lill-kompetituri tagħha permezz tal-akkwist ta’ drittijiet esklużivi fuq ċertu kontenut televiżiv, billi eżaminat id-dokumenti interni tal-partijiet relatati ma’ tali strateġija. Skont il-Kummissjoni, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet diġà pprevediet il-possibbiltà li takkwista stazzjonijiet jew kontenut sportiv b’mod esklużiv, iżda finalment kienet abbandunat tali proġetti, aspett li dawn il-partijiet kienu spjegaw, bi provi insostenn ta’ dan, bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li ma setax jiġi konkluż li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet ser tkun inċentivata tuża l-klijentela ikbar tagħha sabiex tinnegozja max-xandara ċerti kuntratti esklużivi li jirrigwardaw kontenut “premium”, bl-għan li teskludi lill-fornituri bl-imnut kompetituri ta’ servizzi televiżivi. |
|
307 |
Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 1198 sa 1203 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk strateġija ipotetika ta’ esklużività implimentata mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax tipproduċi effetti antikompetittivi sinjifikattivi li jikkawżaw, b’mod partikolari, l-esklużjoni ta’ fornituri bl-imnut kompetituri ta’ servizzi tat-televiżjoni, b’konsegwenzi dannużi għall-konsumaturi. |
|
308 |
Billi bbażat ruħha fuq data li turi li l-parti l-kbira tat-telespettaturi Ġermaniżi ma jbiddlux fornitur bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni sabiex ikollhom aċċess għal kontenut sportiv esklużiv, il-Kummissjoni qieset li, anki fil-każ fejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni timplimenta strateġija ta’ esklużività, dan ma jċaħħadx lill-fornituri kompetituri minn bażi ta’ klijentela sinjifikattiva. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, anki f’każ bħal dan, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun ikkonfrontata bil-kompetizzjoni ta’ Sky, li kienet issegwi strateġija ta’ distribuzzjoni mhux esklużiva tal-kontenut televiżiv tagħha fuq diversi pjattaformi, li jippermetti lill-fornituri kompetituri li jkollhom, fi kwalunkwe każ, aċċess għall-kontenut “premium” tagħha. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li ma kienx probabbli li l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ esklużività mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi sinjifikattivi. |
|
309 |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1204 tad-deċiżjoni kkontestata, li anki jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet tgawdi minn setgħa kunsiderevoli fis-suq wara din il-konċentrazzjoni, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li din tal-aħħar kienet probabbilment tikseb kundizzjonijiet min-naħa tax-xandara u tad-detenturi tad-drittijiet tat-televiżjoni, fil-forma ta’ kuntratti ta’ esklużività, li jkollhom effett negattiv fuq l-aċċess tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni kompetituri għall-istazzjonijiet jew għall-kontenut tat-televiżjoni. |
|
310 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li x-xandara u d-detenturi tad-drittijiet tat-televiżjoni ma setgħux jagħtu kuntratti ta’ esklużività lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni minkejja ż-żieda fis-setgħa fis-suq ta’ din tal-aħħar, hija ineżatta u hija bbażata fuq evalwazzjoni inkompleta u manifestament żbaljata tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq tax-xiri lura ta’ sinjali tat-televiżjoni. Insostenn tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li llimitat ruħha li teżamina jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollhiex il-kapaċità u l-inċentiv li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp tat-televiżjoni OTT u HBBTV, iżda ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett tal-konċentrazzjoni fuq servizzi televiżivi oħra daqstant innovattivi, bħall-IPTV. |
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l‑esklużjoni mis‑suq permezz ta’ kuntratti ta’ esklużività (parzjali jew totali)
|
311 |
Insostenn tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali hija żbaljata u inkompleta. |
|
312 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li timplimenta strateġija ta’ esklużività parzjali hija inkompleta. |
|
313 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li esklużjoni ipotetika kompleta jew parzjali tal-kontenut ma jistax ikollha effetti antikompetittivi sinjifikattivi. |
a) Fuq in‑natura allegatament inkompleta u żbaljata tal‑eżami tal‑Kummissjoni dwar l‑inċentiv tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali
|
314 |
Skont ir-rikorrenti, l-ewwel, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ esklużività totali jonqsu sa fejn in-numru ta’ klijenti finali tal-pjattaforma jiżdied u, minħabba f’hekk, ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma tkunx inċentivata tikkonkludi tali kuntratti. Ir-rikorrenti żżid li Unitymedia kienet, fil-passat, kisbet ċerti drittijiet fuq il-Bundesliga, li juri li tali strateġija kienet diġà eżistiet. Issa, fid-dawl taż-żieda fil-klijentela tagħha li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, esklużività kienet tkun iktar interessanti għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. |
|
315 |
It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni ma huwiex komplet, peress li dan kien jirrigwarda biss l-ipoteżi tal-kisba ta’ drittijiet esklużivi għall-Bundesliga, u huwa żbaljat, peress li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, qieset li l-kunsiderazzjonijiet applikabbli għad-drittijiet tal-Bundesliga japplikaw ukoll għal manifestazzjonijiet sportivi jew kontenut popolari oħra, filwaqt li l-vantaġġi potenzjali ta’ strateġija ta’ esklużjoni ta’ tali kontenut kienu, skont ir-rikorrenti, differenti. |
|
316 |
It-tielet, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-vantaġġi ta’ strateġija ta’ esklużività għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (u t-tendenza tax-xandara li jaċċettaw kuntratti ta’ esklużività) jistgħu jinbidlu fil-futur, minħabba l-possibbiltajiet ikbar li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha li tipproponi offerti ta’ pakketti ta’ diversi servizzi lil klijentela kbira ħafna fil-Ġermanja kollha u minħabba l-fatt li kontenut esklużiv jista’ jgħin lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni żżid il-bejgħ tagħha ta’ offerti CFM lil klijenti li jistgħu jaraw dan il-kontenut fuq it-telefon ċellulari tagħhom. |
|
317 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
318 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li ppermettew lil din tal-aħħar tikkonkludi li ma tantx kien probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inċentivata tikkonkludi kuntratt ta’ esklużività totali ma’ Sky, kif esposti fil-premessi 1173 sa 1176 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 304 iktar ’il fuq), ibbażati b’mod partikolari fuq il-fatt li Sky kienet tiddependi bl-istess mod, jekk mhux iktar, minn operaturi oħra minbarra l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ xxandar il-kontenut tagħha. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatt li l-inċentiv ta’ Sky sabiex tikkonkludi kuntratt ta’ esklużività totali mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kien limitat. |
|
319 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li ppermettew lil din tal-aħħar tikkonkludi li ma tantx kien probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inċentivata tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali ma’ fornituri oħrajn ta’ kontenut minbarra Sky, kif esposti fil-premessi 1177 sa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 305 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni, b’mod ġenerali, li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ esklużività totali jonqsu sa fejn in-numru ta’ klijenti finali tal-pjattaforma jiżdied jew li strateġija ta’ esklużività hija iktar interessanti wara l-konċentrazzjoni milli kienet fil-passat, iżda hija ma tressaqx elementi konkreti ta’ natura li jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
320 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma turix li fil-Ġermanja kienet teżisti korrelazzjoni suffiċjentement b’saħħitha bejn il-preżenza ta’ stazzjonijiet jew ta’ kontenut attraenti fuq il-pjattaforma tat-televiżjoni ta’ operatur u l-kapaċità tiegħu li jattira telespettaturi ġodda, li kien jippermetti, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li jiġu ammortizzati l-ispejjeż għoljin tal-kuntratti ta’ esklużività totali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li turi b’mod suffiċjenti li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet inċentivata tadotta strateġija kummerċjali bbażata fuq l-esklużività totali fil-futur u li tippermetti, għalhekk, li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
321 |
It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-eżami mill-Kummissjoni tal-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali huwa inkomplet, għaliex limitat għall-Bundesliga, u żbaljat, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tas-suq tal-input tista’ toħloq problemi ta’ kompetizzjoni biss jekk tikkonċerna “input importanti” għall-prodott downstream, kif irrilevat fil-punt34 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali. |
|
322 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li jekk strateġija ta’ esklużjoni totali li tirrigwarda l-kontenut l-iktar attraenti (bħall-Bundesliga) ma tipprovokax biżżejjed tibdil ta’ fornitur sabiex ikun profittabbli, huwa probabbli li tipi oħra ta’ kontenut “inqas sinjifikattivi” jkunu inqas probabbli li jirnexxu, bil-konsegwenza li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inqas inċentivata li tipprova timplimenta strateġija ta’ esklużjoni totali li tirrigwarda tali kontenut. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eżaminat biss is-sitwazzjoni ipotetika ta’ kisba ta’ drittijiet esklużivi fuq il-Bundesliga u li qieset li l-kunsiderazzjonijiet tagħha kienu japplikaw ukoll għal kontenut inqas popolari. |
|
323 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement tinvoka l-aspett li strateġija ta’ esklużjoni ta’ kontenut inqas attraenti hija inqas għolja, iżda hija la tesponi r-raġunijiet li għalihom ikun iktar profittabbli, għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, li tmexxi strateġija ta’ akkwist ta’ drittijiet esklużivi fuq kontenut inqas attraenti mill-Bundesliga u lanqas ir-raġunijiet li għalihom tali kontenut ikun suffiċjentement “importanti” fis-sens tal-paragrafu 34 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali sabiex esklużjoni ta’ dan l-input tkun tista’ tagħti lok għal problemi ta’ kompetizzjoni. |
|
324 |
Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li tinvoka r-rikorrenti, mill-premessi 1184 sa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 306 iktar ’il fuq) isegwi li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kinitx ser tkun inċentivata takkwista drittijiet esklużivi fuq avvenimenti sportivi jew kontenut popolari oħra minbarra l-Bundesliga, billi ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li Unitymedia kienet kisbet, kif sostniet ir-rikorrenti, ċerti drittijiet fuq il-Bundesliga fl‑2005. |
|
325 |
It-tielet, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ikbar li jkollha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tipproponi offerti ta’ pakketti ta’ diversi servizzi lil klijentela kbira ħafna fil-Ġermanja kollha, u tal-fatt li kontenut esklużiv jista’ jgħinha żżid il-bejgħ tagħha ta’ offerti CFM, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 149(b)(iv) sa (vi) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat sehem mis-suq baxx tal-offerti CFM fil-Ġermanja, ikkonfermata mill-kompetituri tal-partijiet fil-konċentrazzjoni waqt l-investigazzjoni tas-suq. Fil-fatt, skont ir-rapporti ta’ terzi, fl‑2017, 8.4 % biss tad-djar jew 10.8 % tal-bażi tal-klijenti tal-high speed internet fiss, jiġifieri 3.5 miljun dar, kienu jixtru prodott CFM. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-istudju tal-uffiċċju ta’ konsulenza WIK-Consult prodott minn terz matul il-proċedura amministrattiva kkonkluda li fil-futur qarib ma kienx ser ikun hemm bidliet sinjifikattivi fid-dinamika kompetittiva fil-Ġermanja grazzi għall-bejgħ ta’ pakketti ta’ prodotti fissi u ta’ prodotti mobbli, peress li l-konsumaturi Ġermaniżi komplew jixtru dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti separatament, aspett li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. |
|
326 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx jekk il-vantaġġi ta’ strateġija ta’ esklużività (u t-tendenza tax-xandara li jaċċettaw kuntratti ta’ esklużività) setgħux jinbidlu fil-futur, minħabba l-possibbiltajiet ikbar li jkollha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tipproponi pakketti ta’ servizzi, u b’mod partikolari offerti CFM, lil klijentela kbira ħafna fil-Ġermanja kollha. |
|
327 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura allegatament inkompleta u żbaljata tal-eżami tal-Kummissjoni dwar l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq in‑natura allegatament inkompleta u żbaljata tal‑eżami tal‑Kummissjoni dwar l‑inċentiv tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività parzjali
|
328 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li timpenja ruħha f’esklużjoni parzjali intiża individwalment għal kompetitur wieħed jew iktar fis-swieq MDU u SDU downstream, bħalha nnifisha, li permezz tagħha x-xandara jiġu preklużi milli jiddistribwixxu lilhom l-istazzjonijiet u l-kontenut tagħhom, jew li permezz tagħha dawn il-kompetituri jsibu ruħhom imċaħħda mill-aċċess għal ċerti funzjonalitajiet televiżivi innovattivi, bħall-VOD u l-qari differit jew mifrux. |
|
329 |
Issa, skont ir-rikorrenti, tali strateġija ta’ esklużjoni parzjali hija iktar u iktar probabbli peress li hija inqas għolja għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u iktar faċli li tiġi aċċettata mix-xandara, filwaqt li tikkawża effetti dannużi fuq il-kompetituri kkonċernati. |
|
330 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
331 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ eventwali inċentiv għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ esklużività totali ma’ Sky (ara l-premessi 1173 sa 1176 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 304 iktar ’il fuq), kienu suffiċjenti sabiex jippermettu l-esklużjoni ta’ strateġija min-naħa tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni bbażata fuq esklużività parzjali ma’ dan l-operatur. Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni, peress li hija kkonstatat li Sky ma kellha ebda inċentiv sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali fid-dawl b’mod partikolari tad-dipendenza tagħha fuq operaturi oħra minbarra l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, fosthom l-operaturi tat-televiżjoni bis-satellita, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax, ma tantx kien probabbli li hija tagħti lil din l-entità esklużività li kienet tieħu l-forma ta’ esklużjoni ta’ ċerti operaturi attivi fis-swieq MDU u SDU msemmija individwalment, peress li l-offerta tagħha baqgħet aċċessibbli fuq pjattaformi oħra, jew li hija aċċettat li ċċaħħad lil dawn tal-aħħar minn ċerti funzjonalitajiet innovattivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkonkludi tali kuntratti ma’ Sky, intiżi sabiex iċaħħdu lil uħud mill-kompetituri tagħha minn kontenut jew funzjonalitajiet innovattivi. |
|
332 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda x-xandara l-oħra minbarra Sky, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tindika li l-assenza ta’ ċertu kontenut jew ta’ ċerti funzjonalitajiet innovattivi offruti minnhom fl-offerta ta’ kompetitur kien ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq il-bidliet ta’ fornitur u, għaldaqstant, li proporzjon potenzjalment sinjifikattiv ta’ kumpanniji ta’ akkomodazzjoni f’dak li kien jirrigwarda s-suq MDU, jew ta’ telespettaturi Ġermaniżi f’dak li kien jirrigwarda s-suq SDU, kien dispost li jagħmel l-offerta tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għas-sempliċi raġuni li dawn l-istazzjonijiet jew funzjonalitajiet ma kinux ġew proposti mill-fornitur attwali tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma turix effett negattiv li huwa sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream, fis-sens tal-punt 32 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali. |
|
333 |
Fi kwalunkwe każ, il-konklużjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ kuntratti ta’ esklużività ma’ fornitur intiż li jeskludi mis-suq downstream kompetitur wieħed jew iktar identifikati individwalment tista’ tikkostitwixxi aġir kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2011, Altstoff Recycling Austria vs Il‑Kummissjoni, T‑419/03, EU:T:2011:102, punt 51). Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat li jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tikkonkludi kuntratt ta’ esklużività totali jew parzjali ma’ xandar, dan ikun potenzjalment ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. |
|
334 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li ma tantx kien probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inċentivata tikkonkludi tali kuntratti fi tmiem din il-konċentrazzjoni, li kien japplika wkoll għax-xandara. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jsegwi li għalkemm huwa xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni inċentivi sabiex jiġi adottat aġir antikompetittiv, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imsemmija inċentivi jistgħu jitnaqqsu, jew anki jiġu eliminati, minħabba l-illegalità tal-aġir inkwistjoni, il-probabbiltà li jiġi skopert, l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali u s-sanzjonijiet pekunjarji li jistgħu jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T‑5/02, EU:T:2002:264, punt 159, u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punti 303 sa 311). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà improbabbli, fid-dawl tan-natura potenzjalment illegali tagħha, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tikkonkludi ma’ xandar kuntratt ta’ esklużività li permezz tiegħu kompetitur wieħed jew iktar fis-swieq downstream, imsemmija individwalment, kienu jiġu mċaħħda minn aċċess għal ċertu kontenut jew għal ċerti funzjonalitajiet innovattivi. |
|
335 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura allegatament inkompleta u żbaljata tal-eżami tal-Kummissjoni dwar l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività parzjali għandu jiġi miċħud. |
|
336 |
Barra minn hekk, il-kapaċità li jiġi eskluż l-aċċess għall-inputs b’mod sinjifikattiv, l-interess li dan isir u l-effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream ta’ strateġija ta’ esklużjoni tas-suq jikkostitwixxu tliet kundizzjonijiet kumulattivi, b’tali mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ esklużjoni tal-input antikompetittiva (ara l-punt 277 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
337 |
Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-allegat inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li timplimenta strateġija ta’ esklużjoni tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni kompetituri (jiġifieri t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet), l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet ilment, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-eżami tal-Kummissjoni dwar l-effetti ta’ strateġija ta’ esklużjoni kompleta jew parzjali tal-kontenut fuq il-kompetizzjoni downstream (jiġifieri t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet). |
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq in‑natura inkompleta tal‑evalwazzjoni tal‑ħsara għall‑kompetizzjoni kkawżata mill‑konċentrazzjoni minħabba r‑restrizzjoni tas‑servizzi televiżivi innovattivi
|
338 |
Preliminarjament, ir-rikorrenti tispjega li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, fi tmiem il-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha l-kapaċità u l-inċentiv neċessarji sabiex tostakola l-ħolqien ta’ servizzi televiżivi innovattivi bħall-HBBTV u l-OTT, li jkollu l-effett li jagħmel ħsara lill-konsumaturi billi jnaqqas il-kwalità tal-esperjenza ta’ meta jaraw it-televiżjoni u billi jillimita l-għażla tagħhom. Madankollu, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tista’ wkoll tippreġudika servizzi televiżivi innovattivi oħra bħall-IPTV. |
|
339 |
Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi OTT ma kinux joffru l-istess kwalità bħall-IPTV, li kienu jeħtieġu tagħmir speċifiku u li ma kinux profittabbli daqs l-IPTV. Minn dan hija tiddeduċi li kull tħassib marbut mad-degradazzjoni tal-kwalità u tal-esperjenza ta’ meta wieħed jara t-televiżjoni offruti lill-konsumaturi finali f’dak li jirrigwarda l-OTT kien japplika wkoll għall-IPTV. |
|
340 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kapaċità u l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tirrestrinġi d-distribuzzjoni ta’ kontenut ma kinux inqas fir-rigward tas-servizzi ta’ IPTV tal-kompetituri tagħha milli kienu fil-każ tal-OTT u tal-HBBTV offruti mix-xandara. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat kif restrizzjoni tat-trażmissjoni tal-kontenut permezz tal-IPTV ma kellhiex toħloq problemi u kif is-servizzi innovattivi minbarra l-OTT u l-HBBTV tax-xandara huma inqas rilevanti jew inqas denji ta’ protezzjoni. Ir-rikorrenti żżid li, minn naħa, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-OTT seta’ jbiddel is-sitwazzjoni għal żmien medju ma hija bbażata fuq ebda prova u li, anki jekk dan kien il-każ, dan ma jistax jiġġustifika li jiġu injorati l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni fuq l-IPTV, li diġà kienet attraenti b’mod sinjifikattiv fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kellu jkollha, skont ir-rikorrenti, iktar inċentiv sabiex tagħmel ħsara lill-IPTV milli lill-OTT, peress li l-IPTV kien sostitut veru għat-televiżjoni bil-kejbil u l-unika teknoloġija alternattiva li qiegħda tikber fis-suq, filwaqt li l-OTT kienet użata biss sabiex tikkomplementa servizz tat-televiżjoni bil-kejbil, iżda mhux biex tissostitwixxi lil dan tal-aħħar. |
|
341 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif spjegat il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, minkejja li hija sistema li tippermetti l-provvista ta’ servizzi televiżivi permezz tal-protokoll tal-internet, l-IPTV jaqa’ taħt netwerk iddedikat u amministrat li huwa kkontrollat mill-fornitur ta’ servizzi tat-televiżjoni, filwaqt li t-teknoloġija OTT tippermetti x-xandir dirett mix-xandara ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni permezz tal-internet, mingħajr ma l-operatur tan-netwerk jintervjeni fil-kontroll jew fid-distribuzzjoni tal-kontenut. Kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għall-IPTV, it-teknoloġija OTT għalhekk tippermetti interazzjoni aktar diretta bejn ix-xandara (l-istazzjonijiet) u t-telespettaturi finali. |
|
342 |
Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet diversi elementi li juru li l-OTT kien tabilħaqq teknoloġija li l-użu tagħha kien reċenti u li qiegħda tikber ħafna. |
|
343 |
Għalhekk, fil-premessi 948 u 950 sa 954 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ eventwali effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat b’mod iddettaljat l-offerta reċenti u dejjem tikber ta’ servizzi tat-televiżjoni OTT. |
|
344 |
B’mod iktar partikolari, fil-premessa 948 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-fornituri bl-imnut tat-televiżjoni tradizzjonali kienu qegħdin jipproponu dejjem iktar servizzi tat-televiżjoni lineari permezz tal-OTT. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li Vodafone (Giga TV OTT), ir-rikorrenti (Magenta TV) u Telefónica (O2 TV) kienu jipproponu kull wieħed offerta awtonoma tat-televiżjoni OTT. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li atturi oħra kienu joffru prodott tat-televiżjoni OTT bħala għażla addizzjonali għall-abbonati eżistenti tagħhom tat-televiżjoni biss, fosthom Unitymedia (Horizon Go), United Internet (1 & 1 TV app), Tele Columbus (Advance TV app), NetCologne (NetGo app) u M-Net (M‑Net TV Plus App). |
|
345 |
Fil-premessa 950 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fornituri ta’ servizzi OTT, bħal Amazon Prime u Netflix, diġà kellhom klijentela kbira, peress li kull wieħed diġà kellu (tal-inqas) iktar minn tliet miljun abbonat fil-Ġermanja, u Netflix kienet qiegħda tippjana li żżidha b’iktar minn 20 % din is-sena. |
|
346 |
Fil-premessa 951 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li s-servizzi speċjalizzati OTT kienu wkoll dejjem iktar mifruxa fil-Ġermanja u, fil-premessa 952 tal-imsemmija deċiżjoni, hija osservat li diversi xandara kienu wkoll bdew joffru s-servizzi OTT tagħhom stess. |
|
347 |
Barra minn hekk, fil-premessi 1127 sa 1132 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis-suq bl-ingrossa tal-provvista u tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet relatati mal-iżvilupp tas-servizzi OTT u, b’mod partikolari, mal-iżvilupp tad-domanda li tirrigwarda tali servizzi. |
|
348 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 1127 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti, hija kienet irrilevat li d-distribuzzjoni OTT saret dejjem iktar rilevanti fis-settur tat-televiżjoni fil-Ġermanja, bħal f’ħafna pajjiżi oħra. |
|
349 |
Fil-premessa 1129 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Kummissjoni indikat li l-parti l-kbira tax-xandara kienu jikkunsidraw il-prodotti OTT bħala attwalment komplementari għas-servizzi tat-televiżjoni lineari bażiċi, hija enfasizzat ukoll, bi provi insostenn ta’ dan, li l-istess data kienet turi l-importanza li qiegħda tikber malajr tad-distribuzzjoni ta’ OTT fil-Ġermanja, sa fejn 11.7 % tal-persuni intervistati kienu ddikjaraw li setgħu jimmaġinaw l-użu tal-OTT bħala mezz esklużiv sabiex jirċievu t-televiżjoni fid-dar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li ċerti distributuri ta’ OTT, bħal Netflix, Amazon u DAZN, kienu diġà popolari ħafna u rrilevat li diversi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu sostnew li s-servizzi OTT setgħu jissostitwixxu sa ċertu punt is-servizzi tat-televiżjoni tradizzjonali. |
|
350 |
Fil-premessa 1130 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li rreferiet għal diversi dokumenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, kif indikaw l-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-OTT kien kienet iżid fil-popolarità bħala l-metodu prinċipali ta’ riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv, b’żieda ta’ 6 % bejn l‑2017 u l‑2018. Barra minn hekk, f’termini ta’ udjenza nazzjonali, il-fornituri ta’ OTT kienu telgħu minn 7.3 % fl‑2015‑2016 għal 12.8 % fl‑2017‑2018. F’dak li kien jirrigwarda speċifikament is-segment tat-televiżjoni “premium”, l-OTT tela’ minn 16.8 % fl‑2015‑2016 għal 23 % fl‑2017‑2018. Barra minn hekk, matul l-istess snin kienet ġiet osservata rata ta’ tkabbir simili f’termini ta’ abbonati (minn 25,3 sa 33.4 %) u ta’ dħul (minn 10.6 sa 19.1 %). Il-Kummissjoni indikat ukoll li, b’paragun, l-ishma mis-suq tat-televiżjoni bil-kejbil kienu naqsu matul l-istess perijodu. |
|
351 |
Fl-aħħar nett, fil-premessa 1132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet żvilupp rapidu tas-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iżvilupp tas-servizzi OTT jaf ikun jista’ jillimita sostanzjalment is-saħħa fis-suq tal-pjattaformi tat-televiżjoni tradizzjonali u jibbilanċja mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ negozjar tad-diversi atturi, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq xierqa. |
|
352 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-OTT jista’ jibdel l-għoti fi żmien medju hija bbażata fuq diversi provi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. |
|
353 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tippermetti, minn naħa, li jiġu kkontestati l-konstatazzjonijiet preċedenti u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit li l-IPTV kien qiegħed jikber b’mod simili għall-OTT, li l-IPTV kellu potenzjal ta’ tkabbir simili jew li l-OTT ma kienx joffri l-istess kwalità bħall-IPTV, kien jeħtieġ tagħmir speċifiku u ma huwiex profittabbli daqs l-IPTV, bil-konsegwenza li kull preokkupazzjoni marbuta mad-degradazzjoni tal-kwalità u tal-esperjenza ta’ wiri offruti lill-konsumaturi finali fir-rigward tal-OTT kellha tapplika wkoll għall-IPTV. Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma tikkontestax l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li 8 % biss tad-djar kienu sottoskritti għall-IPTV fil-Ġermanja, li tiżvela s-sehem mis-suq limitat ta’ din it-teknoloġija. |
|
354 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-inkoraġġiment tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tostakola l-ħolqien ta’ servizzi tat-televiżjoni innovattivi, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 1275 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi OTT u HBBTV kienu intiżi sabiex joħolqu konnessjoni diretta bejn ix-xandara u t-telespettaturi, u b’hekk jillimitaw l-intermedjazzjoni tal-pjattaformi tat-televiżjoni klassiċi, bħal dawk tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tista’ tiġi mħeġġa teskludi l-ħolqien ta’ tali servizzi sabiex iżżomm mudell ta’ impriża bbażat fuq il-kontroll tal-klijentela mill-pjattaforma tat-televiżjoni u n-nuqqas ta’ interazzjoni bejn din il-klijentela u x-xandara, peress li l-istess problema ma tqumx fir-rigward tal-IPTV, li ma toffrix tali interazzjoni. |
|
355 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li l-eżempji ċċitati mill-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq u d-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jindikaw li dawn tal-aħħar kienu diġà mħeġġa jillimitaw l-iżvilupp tas-servizzi OTT u HBBTV u spjegat li l-inċentiv eżistenti kien ser jiżdied wara il-konċentrazzjoni. Fil-fatt, qabelxejn, is-setgħa fis-suq ikbar tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni llimitat il-possibbiltà għax-xandara li jirreżistu għat-tentattiv ta’ Vodafone li tadotta tali strateġiji. Sussegwentement, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma kien ikollha l-ebda inċentiv sabiex tintroduċi servizzi interattivi innovattivi sabiex tirreaġixxi għal servizzi simili offruti mill-kompetitur prinċipali paragunabbli, jiġifieri Unitymedia. Fl-aħħar nett, peress li l-esklużjoni b’suċċess tal-kompetizzjoni tas-servizzi OTT fil-livell tal-bejgħ bl-imnut kienet tkun ta’ benefiċċju għall-fornituri bl-imnut kollha tas-servizzi tat-televiżjoni eżistenti, dawn tal-aħħar kienu jiġu mħeġġa jibbenefikaw b’xejn (free-ride) mill-isforzi ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħhom fil-livell tal-provvista bl-imnut. Madankollu, il-fatt li Vodafone u Unitymedia jingħaqdu kien jippermetti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tinternalizza l-vantaġġ għaż-żewġ partijiet li jeskludu b’suċċess is-servizzi OTT. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li dan isaħħaħ l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li timpenja ruħha f’tali strateġija (ara l-premessi 1280 sa 1283 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
356 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha provi li jippermettulha tikkonkludi, fil-premessa 1284 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħu ġew imħeġġa jostakolaw it-tkabbir tas-servizzi OTT u HBBTV sabiex jinżamm mudell ekonomiku li fih il-pjattaforma tat-televiżjoni kienet tikkontrolla direttament ir-relazzjoni mal-klijent u fejn ix-xandara tat-televiżjoni kienu preklużi milli jevitaw l-intermedjazzjoni tan-netwerks bil-kejbil. |
|
357 |
Issa, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun, bl-istess mod, inċentivata tirrestrinġi d-distribuzzjoni ta’ kontenut permezz tat-teknoloġija IPTV. |
|
358 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mid-diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punti 342 sa 351 iktar ’il fuq jirriżulta li l-IPTV ma huwiex verament sostitut għat-televiżjoni bil-kejbil u ma huwiex l-unika teknoloġija alternattiva li qiegħda tikber, filwaqt li l-OTT tista’ tabilħaqq issir servizz użat bħala sostituzzjoni għat-televiżjoni bil-kejbil. |
|
359 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni kienet obbligata, f’dan il-każ, li tevalwa l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tirrestrinġi d-distribuzzjoni ta’ kontenut permezz tat-teknoloġija IPTV u, għaldaqstant, li hija wettqet żball manifest meta ma wettqitx tali analiżi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni, minn naħa, li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma wettqitx tali evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li ssostni d-drittijiet tagħha, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
360 |
It-tieni parti tar-raba’ motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda, kif ukoll ir-raba’ motiv kollu kemm hu. |
F. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill‑Kummissjoni, sa fejn hija ddeċidiet li l‑impenji OTT u tariffi tax‑xiri lura kienu suffiċjenti sabiex jirrendu l‑konċentrazzjoni kompatibbli mas‑suq intern
|
361 |
Insostenn tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-impenn OTT, l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura u l-impenn HBBTV (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“impenji dwar is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni”) offruti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħu jeliminaw l-OSKE kkonstatat fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. Skont ir-rikorrenti, dawn l-impenji kienu, għall-kuntrarju, manifestament mhux xierqa u insuffiċjenti. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
362 |
Kif espost fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba s-setgħa ikbar fis-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-konċentrazzjoni setgħet twassal, minn naħa, għal forma ta’ esklużjoni parzjali ta’ stazzjonijiet mingħajr ħlas jew bi ħlas, b’mod partikolari permezz tal-aggravazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u finanzjarji imposti minn din l-entità fuq ix-xandara u, konsegwentement, tnaqqis kwalitattiv tal-offerta ta’ televiżjoni lit-telespettaturi finali fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni minn din l-entità ta’ strateġija intiża sabiex tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi tat-televiżjoni OTT u HBBTV, li seta’ jippreġudika lill-konsumaturi minħabba kwalità iktar baxxa tal-esperjenza tat-telespettatur u għażla mnaqqsa (ara, minn naħa, il-premessi 1205 sa 1265 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 1266 sa 1292). |
|
363 |
Sabiex telimina dan l-OSKE kkonstatat fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, il-Kummissjoni aċċettat diversi impenji offruti minn Vodafone, jiġifieri l-impenn OTT, li pprekluda lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli tillimita l-possibbiltà għax-xandara li l-kontenut tagħhom kien imxandar fuq il-pjattaforma tagħha li jiddistribwixxu dan il-kontenut permezz ta’ servizz OTT u li kien jiggarantilhom, sabiex jagħmlu dan, kapaċità ta’ interkonnessjoni diretta suffiċjenti, l-impenn HBBTV, li kien iġiegħel lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkompli xxandar is-sinjal HBBTV tax-xandara bi ħlas, u l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura, li kien jipprekludi lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli żżid it-tariffi tax-xiri lura li kienu tħallsu lilha mix-xandara bi ħlas, bħalma jsegwi mill-punti 40 u 41 iktar ’il fuq. |
|
364 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam f’erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiġi evalwata n-natura xierqa tal-impenji relatati mas-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, it-tieni, fuq in-natura ineffettiva ta’ dawn l-impenji, sa fejn dawn ma eliminawx il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati, it-tielet, fuq il-preżentazzjoni tardiva tal-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura u, ir-raba’, fuq in-nuqqas ta’ tneħħija tal-OSKE fis-swieq kollha inkwistjoni. |
|
365 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tirribatti li l-ħames motiv huwa ineffettiv, minħabba li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-impenn “Wholesale Cable Broadband Access”, filwaqt li dan kien jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni tal-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. |
|
366 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda billi teżamina l-fondatezza tal-erba’ partijiet imqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv. |
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-impenji li jirrigwardaw is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni
|
367 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni bħala manifestament insuffiċjenti, minħabba li dawn kienu jirrigwardaw biss l-aġir tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fil-fatt, l-Avviż dwar ir-Rimedji ma kienx jippermetti, bħala prinċipju, li jiġu aċċettati impenji ta’ natura komportamentali sabiex jiġu rrimedjati problemi ta’ kompetizzjoni orizzontali, bħal dawk ikkonstatati fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. |
|
368 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat in-natura xierqa ta’ dawn l-impenji abbażi ta’ kriterju ġuridiku żbaljat u mhux sever biżżejjed. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li t-terminoloġija vaga użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata turi possibbiltà, iżda mhux ċertezza, li dawn l-impenji kienu suffiċjenti u effikaċi sabiex jeliminaw totalment il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, bil-konsegwenza li dawn il-miżuri ma kellhomx jiġu aċċettati. |
|
369 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
370 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni huma biss komportamentali u, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex jirrimedjaw problemi ta’ kompetizzjoni ta’ natura orizzontali, huwa minnu li, bħalma tikkonstata r-rikorrenti, il-Kummissjoni tispjega fil-punt 15 tal-Avviż dwar ir-Rimedji li l-impenji ta’ natura strutturali, bħall-impenn li tiġi ttrasferita attività, huma ġeneralment preferibbli mill-perspettiva tal-għan iddefinit fir-Regolament Nru 139/2004, sa fejn jipprekludu fit-tul il-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni nnotifikata u ma jeħtiġux miżuri ta’ sorveljanza fuq perijodu medju jew twil. Barra minn hekk, bħalma tfakkar ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tenfasizza fil-punt 17 tal-imsemmi avviż li l-impenji li jirrigwardaw l-aġir futur tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jistgħu jkunu ammissibbli biss eċċezzjonalment, f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna. |
|
371 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni tista’ taċċetta biss impenji ta’ natura li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. Fi kliem ieħor, l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
372 |
L-impenji li saru matul il-fażi II għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jirrimedjaw il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni matul il-fażi I u li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-fażi II. Konsegwentement, meta l-Qorti Ġenerali jkollha teżamina jekk l-impenji meħuda matul fil-fażi II humiex, fid-dawl tal-portata tagħhom u tal-kontenut tagħhom, ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konċentrazzjoni, hija għandha tivverifika li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-imsemmija impenji kienu jikkostitwixxu tweġiba diretta u suffiċjenti għall-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati fil-fażi I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 298). |
|
373 |
Fl-aħħar, l-impenji ta’ mġiba ma humiex insuffiċjenti min-natura tagħhom stess sabiex jipprekludu OSKE fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u għandhom jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ bħall-impenji strutturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
374 |
Huwa għalhekk li, fil-punt 15 tal-Avviż dwar ir-Rimedji, il-Kummissjoni tenfasizza li ma huwiex possibbli li jiġi eskluż a priori li tipi oħra ta’ impenji differenti mill-impenji ta’ natura strutturali jistgħu wkoll jipprekludu l-formazzjoni ta’ OSKE. |
|
375 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, ċertament, fl-Avviż dwar ir-Rimedji, il-Kummissjoni turi preferenza għall-impenji strutturali, b’mod partikolari minħabba l-faċilità tal-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija prinċipalment in-natura xierqa u suffiċjenti tal-impenji sabiex tiġi solvuta l-problema ta’ kompetizzjoni identifikata, bħaċ-ċertezza li l-imsemmija impenji jistgħu jiġu implimentati, li tirregola l-aċċettazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
|
376 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ċaħdet l-impenji dwar is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni bħala manifestament insuffiċjenti għas-sempliċi raġuni li dawn kienu jirrigwardaw biss l-aġir tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, aspett li jippermetti li l-ewwel ilment jiġi miċħud. |
|
377 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li t-terminoloġija użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata turi li din tal-aħħar ma kellha ebda ċertezza li l-impenji relatati mas-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu suffiċjenti u effikaċi sabiex jirrimedjaw għall-OSKE kkonstatat fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli jekk huwa suffiċjentement probabbli li l-imsemmija konċentrazzjoni, kif emendata bl-impenji proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, ma hijiex ser tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
378 |
Barra minn hekk, l-impenji proposti mill-parti li nnotifikat il-konċentrazzjoni inkwistjoni jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jirrendu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern biss sa fejn il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li jiġu implimentati u li r-rimedji li jirriżultaw minn dan ikunu suffiċjentement vijabbli u sostenibbli sabiex l-OSKE kkonstatat, li l-impenji għandhom l-għan li jipprekludu, ma jkunx jista’ jseħħ fil-futur relattivament qarib (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni (T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
379 |
Minn dan jirriżulta li għalkemm il-Kummissjoni għandu jkollha ċ-ċertezza li l-impenji proposti jistgħu jiġu implimentati u li huma suffiċjentement vijabbli u sostenibbli, hija tista’ tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli jekk ikun suffiċjentement probabbli li l-imsemmija impenji jkunu suffiċjenti u effikaċi sabiex jeliminaw l-OSKE kkonstatat. |
|
380 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-formulazzjonijiet użati mill-Kummissjoni juru li din tal-aħħar ibbażat ruħha fuq sempliċi possibbiltà li l-impenji jeliminaw totalment l-effetti negattivi kollha kkonstatati li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. |
|
381 |
Fil-fatt, huwa minnu li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-evalwazzjoni tal-impenji finali tinkludi ċerti formulazzjonijiet li, meħuda waħedhom, jistgħu jiġu interpretati bħala l-espressjoni ta’ dubju mill-Kummissjoni. Madankollu, dawn il-formulazzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl ta’ din il-parti kollha tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod iktar partikolari, tal-konklużjonijiet li ġew ifformulati mill-Kummissjoni fil-premessi 1965, 1972 u 1973 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
382 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bħala konklużjoni ġenerali, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1973 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-impenji definittivi, fl-intier tagħhom, [kienu] adegwati u suffiċjenti sabiex jeliminaw il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma, li skonthom il-konċentrazzjoni kien ser ikollha l-effett li tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva” u “li l-impenji definittivi [setgħu] jiġu implimentati b’mod effiċjenti fi żmien qasir” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
383 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda. |
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq in‑natura ineffettiva tal‑impenji li jikkonċernaw is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni, sa fejn dawn ma jeliminawx il‑problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati
|
384 |
Insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu totalment ineffikaċi u inadegwati sabiex jintlaħaq l-għan tal-Kummissjoni li tikkumpensa s-setgħa ikbar ta’ negozjar tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fir-rigward tax-xandara. |
|
385 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-impenn OTT ma kienx jipproteġi lix-xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi ta’ televiżjoni ta’ rkupru fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u lanqas lix-xandara li jipproponu offerti mhux lineari (servizzi ta’ VOD). |
|
386 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-OTT jista’ jillimita għal żmien medju biss is-setgħa fis-suq tal-pjattaformi tat-televiżjoni tradizzjonali, skont kif tindika l-Kummissjoni stess fil-premessa 1132 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impenn OTT kien ineffettiv, peress li jista’ jkun effettiv biss b’mod tardiv, wara li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq ikunu ddeterjoraw iktar, aspett li jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 9 tal-Avviż dwar ir-Rimedji. |
|
387 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tispjega li t-tieni aspett tal-impenn OTT, jiġifieri l-impenn dwar l-interkonnessjoni għas-servizzi OTT, kien insuffiċjenti, peress li problemi ta’ kapaċità jistgħu jqumu fil-cable footprint tan-netwerk, u b’mod iktar partikolari fuq il-livell tal-linja lokali, fejn il-klijenti kollha kellhom jaqsmu l-kapaċità limitata tal-kejbil koassjali, li kien juri li l-fatt li tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjoni jew ta’ twaħħil ma jiggarantixxix, fih innifsu, kwalità ta’ riċezzjoni suffiċjenti għall-klijenti tat-televiżjoni OTT u ma jtejjibx il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. |
|
388 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu insuffiċjenti sa fejn dawn ma jnaqqsux il-kapaċità u l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tagħmel ħsara lis-servizzi televiżivi innovattivi, bħall-IPTV ta’ terzi. Skont ir-rikorrenti, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tibqa’ għalhekk libera li tirrestrinġi l-użu mix-xandara tas-servizzi IPTV ta’ terzi u, għalhekk, li tagħmel ħsara lil dawn ix-xandara, lill-fornituri kompetituri ta’ servizzi bl-imnut tat-televiżjoni u lill-klijenti tagħhom. |
|
389 |
Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-impenji ma jipprekludux lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli timponi fuq ix-xandara kundizzjonijiet sfavorevoli oħra li jistgħu jwasslu għal riżultati identiċi, jew saħansitra agħar minn dawk li dawn l-impenji kienu intiżi li jeliminaw. Elementi oħra diskussi matul in-negozjati multidimensjonali bejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u x-xandara setgħu għalhekk jiġu affettwati b’mod negattiv. Konsegwentement, l-impenn dwar il-ħlasijiet għax-xiri lura kellu jibqa’ mingħajr effett peress li ma inkludiex id-deterjorament ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali oħra għad-detriment tax-xandara u ma pprekludiex lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli tabbuża mis-setgħa tagħha fis-suq. |
|
390 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
391 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenn OTT kien ineffettiv, sa fejn ma pproteġix lix-xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u x-xandara li jipproponu offerti mhux lineari, għandu jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-impenn OTT. |
|
392 |
Fil-fatt, mill-punt 13 tat-Taqsima B.II tat-test tal-impenji jsegwi li, permezz tal-impenn OTT, Vodafone impenjat ruħha li ma tikkonkludix jew li ma ġġeddidx ftehim ma’ xandar dwar id-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari ta’ dan ix-xandar u ta’ servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istazzjonijiet lineari permezz tal-pjattaforma TV ta’ Vodafone, li inkludiet termini li jirrestrinġu direttament jew indirettament il-kapaċità ta’ dan ix-xandar li joffri servizz OTT, jew l-istazzjonijiet lineari tiegħu permezz ta’ servizz OTT, jew il-kontenut tiegħu għall-inklużjoni f’servizz OTT fil-Ġermanja (ara wkoll il-premessa 1924 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
393 |
Issa, peress li l-kunċett ta’ “xandar” huwa ddefinit fl-impenji bħala kull “fornitur ta’ stazzjon televiżiv lineari wieħed jew iktar”, it-test tal-impenn OTT ma jistax jiġi interpretat fis-sens propost mir-rikorrenti, fis-sens li dan japplika biss għax-xandara li kienu jiddistribwixxu kemm stazzjonijiet lineari kif ukoll servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru permezz tal-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u għalhekk fis-sens li l-impenn dwar ir-restrizzjonijiet OTT la pproteġa lix-xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi tat-televiżjoni fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u lanqas lix-xandara li jipproponu wkoll offerti mhux lineari. |
|
394 |
Ir-riferiment, fit-test tal-impenji, għal ftehim ma’ xandar li kien jinkludi d-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari ta’ dan ix-xandar “u” tas-servizzi ta’ televiżjoni ta’ rkupru relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istazzjonijiet lineari permezz tal-pjattaforma TV ta’ Vodafone kien intiż sabiex tiġi estiża l-portata tal-impenn mhux biss għall-kuntratti li jirrigwardaw id-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari, iżda wkoll għall-kuntratti li jirrigwardaw kemm id-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari kif ukoll is-servizzi assoċjati mad-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari li kienu s-servizzi tat-televiżjoni relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istazzjonijiet lineari, pjuttost milli sabiex jiġu esklużi l-kuntratti konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma’ xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew ma’ xandara li jipproponu wkoll offerti mhux lineari. |
|
395 |
Minn dan jirriżulta li l-impenn OTT għandu pjuttost jiġi interpretat fis-sens li kien jirrigwarda, minn naħa, il-kuntratti nnegozjati max-xandara li kienu jirrigwardaw biss id-distribuzzjoni tal-istazzjonijiet lineari ta’ dan ix-xandar u, min-naħa l-oħra, il-kuntratti nnegozjati max-xandara li kienu jirrigwardaw id-distribuzzjoni ta’ stazzjonijiet lineari ta’ dan ix-xandar u l-provvista ta’ servizzi ta’ televiżjoni ta’ rkupru dwar il-kontenut ta’ dawn l-istazzjonijiet lineari permezz tal-pjattaforma TV ta’ Vodafone, li jippermetti li jiġi miċħud dan l-ewwel ilment tar-rikorrenti. |
|
396 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar l-effett, fuq l-effikaċja tal-impenn OTT, tal-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmi impenn li ma jipproteġix lix-xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew lix-xandara li jipproponu wkoll offerti mhux lineari. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma turix li l-impenn OTT kien insuffiċjenti sabiex tiġi rrimedjata l-problema ta’ kompetizzjoni kkonstatata fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, li tiġġustifika l-adozzjoni tiegħu, għar-raġuni li dan ma kienx japplika għax-xandara li jiddistribwixxu stazzjonijiet lineari mingħajr servizzi tat-televiżjoni ta’ rkupru fuq il-pjattaforma tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew għax-xandara li jipproponu wkoll offerti mhux lineari. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jiġi evalwat in-numru ta’ xandara li ma setgħux, f’dan il-każ, jibbenefikaw mill-impenn OTT. |
|
397 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenn OTT kien ineffettiv, peress li seta’ jkun effettiv biss b’mod tardiv, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 1266 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-problema tal-kompetizzjoni kkonstatata, li għaliha dan ir-rimedju kien intiż li jipprovdi soluzzjoni, kienet tikkonsisti fil-possibbiltà ikbar li jkollha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ ċerti servizzi televiżivi innovattivi, li l-importanza dejjem tikber tagħhom kienet ġiet ikkonstatata, li tippermetti iktar interazzjoni bejn ix-xandar u t-telespettaturi, fosthom l-OTT. |
|
398 |
Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni tal-kuntest temporali li fih is-servizzi OTT setgħu jillimitaw sostanzjalment is-setgħa fis-suq tal-pjattaformi tat-televiżjoni tradizzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-impenn OTT, sa fejn jipprekludi lil Vodafone, mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mhux biss milli tikkonkludi jew iġġedded ftehim ma’ xandar li jkun jinkludi termini li jirrestrinġu direttament jew indirettament il-kapaċità ta’ dan ix-xandar li joffri servizz OTT fil-Ġermanja, iżda wkoll li jobbligaha li ma timplimentax tali klawżoli li kienu jeżistu u li tirtira restrizzjonijiet simili fil-kuntratti eżistenti, seta’ immedjatament jipprekludi lil Vodafone milli tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp tas-servizzi OTT u, għaldaqstant, milli tirrimedja l-problema tal-kompetizzjoni kkonstatata li kien ġie adottat għaliha. Minn dan jirriżulta li l-impenn OTT jista’ jiġi eżegwit b’mod effettiv u fi żmien qasir, konformement mal-punt 9 tal-Avviż dwar ir-Rimedji, li jippermetti li jiġi miċħud it-tieni lment tar-rikorrenti. |
|
399 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenn relatat mal-interkonnessjoni għas-servizzi OTT kien insuffiċjenti, peress li problemi ta’ kapaċità setgħu jqumu fuq il-cable footprint kollu, bil-konsegwenza li kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjoni ma kinitx tiggarantixxi kwalità ta’ riċezzjoni suffiċjenti lill-klijenti tat-televiżjoni OTT, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 15 tat-Taqsima B.II tat-test tal-impenji jsegwi li l-għan ta’ dan ir-rimedju kien li jinżammu mill-inqas tliet konnessjonijiet mhux konġestjonati lejn in-netwerk IP tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor, l-għan kien li tiġi pprovduta kapaċità ta’ interkonnessjoni suffiċjenti sabiex il-klijenti broadband tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkunu jistgħu jaċċessaw kwalunkwe servizz OTT fil-Ġermanja, jew permezz tal-punti ta’ interkonnessjoni deskritti fil-punt 16 tat-Taqsima B.II tat-test tal-impenji, jew inkella b’mod ieħor. |
|
400 |
Għal dan l-għan, il-punt 16 tat-Taqsima B.II tat-test tal-impenji kien jipprevedi, b’mod partikolari, l-obbligi li ġejjin. L-ewwel, Vodafone għandha tiżgura li l-użu tal-ogħla livell ta’ kuljum fuq il-punti ta’ interkonnessjoni kollha tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma’ kull wieħed mill-gruppi ta’ mill-inqas tliet fornituri ta’ interkonnettività magħrufa li kienu lesti jbigħu servizzi ta’ tranżitu ma jaqbiżx it‑80 %, bil-konsegwenza li jkun hemm mill-inqas 20 % tal-kapaċità disponibbli lil hinn mill-ogħla livell ta’ kuljum. It-tieni, Vodafone għandha tiżgura li l-kapaċità disponibbli lil hinn mill-ogħla livell ta’ kuljum tkun ta’ mill-inqas 20 Gbit/s. Din iċ-ċifra tkun riveduta kull sena skont proċedura deskritta fit-test tal-impenji. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax b’mod konkret kif dan kien insuffiċjenti. |
|
401 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni u l-intervenjenti spjegaw essenzjalment, mingħajr ma ġew kontradetti, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inċentivata ħafna sabiex timminimizza konġestjoni fuq il-livell tal-linja lokali, għar-raġuni li tali konġestjoni tkun twassal għal riskju sinjifikattiv għaliha li titlef klijenti fis-suq tal-aċċess fiss għall-internet favur fornituri oħra. |
|
402 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 1929 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li n-newtralità tal-internet, iggarantita mir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1), kellha tipprekludi lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli tadotta prattiki unilaterali restrittivi intiżi sabiex jevitaw l-impenn, bħad-definizzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet fil-qasam tat-traffiku jew id-diskriminazzjoni, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax. |
|
403 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti ma turix li l-impenn dwar l-interkonnessjoni għas-servizzi OTT kien ikun insuffiċjenti sabiex jiggarantixxi kwalità ta’ riċezzjoni suffiċjenti lill-klijenti tat-televiżjoni OTT, li jippermetti li t-tielet ilment jiġi miċħud. |
|
404 |
F’dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni kienu jkunu insuffiċjenti peress li ma kinux inaqqsu l-kapaċità u l-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tagħmel ħsara lis-servizzi tat-televiżjoni innovattivi, bħall-IPTV ta’ terzi, għandu jitfakkar, bħalma jsegwi mill-eżami tat-tieni parti tar-raba’ motiv, li għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha l-kapaċità u l-inċentiv li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi tat-televiżjoni innovattivi bħall-HBBTV u l-OTT u li Vodafone kienet, sabiex tirrimedja din il-problema ta’ kompetizzjoni, ipproponiet l-impenji OTT u HBBTV, hija ma qisitx li dan huwa l-każ tal-IPTV, billi kkunsidrat li dan il-prodott kien, kuntrarjament għall-OTT, f’fażi ta’ tnaqqis fil-popolarità, b’sehem mis-suq limitat ta’ 8 % (ara l-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata), aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax. |
|
405 |
Barra minn hekk, mill-punti 338 sa 360 iktar ’il fuq isegwi li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma eżaminatx jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kellhiex il-kapaċità u l-interess li tostakola l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi oħra, bħall-IPTV, bil-konsegwenza li ma kienx neċessarju li jiġi impost impenn f’dan ir-rigward, b’tali mod li r-raba’ lment ma jistax jintlaqa’. |
|
406 |
F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impenji li jirrigwardaw is-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni ma pprekludewx lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni milli timponi fuq ix-xandara kundizzjonijiet sfavorevoli oħra li jistgħu jwasslu għal riżultati identiċi, jew agħar, minn dawk li dawn l-impenji kellhom jeliminaw, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u l-intervenjenti jaqblu fuq il-fatt li n-negozjati bejn ix-xandara u l-pjattaformi tat-televiżjoni ma kinux limitati għall-flussi tad-dħul tax-xandara lejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, jiġifieri, it-tariffi ta’ xiri lura, iżda kienu jkopru wkoll il-pagamenti relatati mal-kontenut u l-pagamenti għall-kwalità teknika jew il-funzjonalitajiet u s-servizzi addizzjonali, li kienu saru mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għall-benefiċċju tax-xandara. |
|
407 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, fil-premessa 1221 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li t-tariffi ta’ xiri lura kienu direttament marbuta mat-trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni bil-kejbil u għalhekk kienu jidhru li huma l-element prinċipali tal-fluss ta’ ħlas li kien ser ikun affettwat mis-setgħa ikbar tas-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni. Barra minn hekk, fil-premessa 1959 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat li, minkejja li l-iżvilupp reċenti tas-servizzi tat-televiżjoni b’valur miżjud ikkontribwixxa għal żieda fil-fluss tad-dħul mill-pjattaformi tat-televiżjoni lejn ix-xandara, it-tariffi tax-xiri lura kienu għadhom jirrappreżentaw element finanzjarju rilevanti ħafna fir-relazzjoni kuntrattwali bejn ix-xandara mingħajr ħlas u l-pjattaformi tat-televiżjoni bil-kejbil. Il-Kummissjoni żiedet li ċerti elementi tal-proċess kienu jissuġġerixxu li l-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-fluss tad-dħul tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni lejn ix-xandara seta’ jiġi limitat (ara t-Taqsima VIII.C.2.11.3.9(ii) tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li ebda element fil-proċess ma kien jissuġġerixxi li l-istess kien jgħodd għat-tariffi ta’ xiri lura (ara wkoll il-premessa 1261). |
|
408 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-impenn li ma jiżdidux it-tariffi tax-xiri lura seta’ jikkontrobilanċja r-riskju li l-portata u l-kwalità tal-offerta televiżiva lill-klijenti bl-imnut jitnaqqsu, minħabba aggravazzjoni sinjifikattiva tal-kundizzjonijiet kuntrattwali imposti mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq ix-xandara mingħajr ħlas. |
|
409 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fondata tieħu inkunsiderazzjoni n-natura komplementari tal-impenn dwar it-tariffi tax-xiri lura u l-impenn OTT, għar-raġuni li l-ewwel wieħed sar direttament fuq ir-relazzjoni finanzjarja bejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u x-xandara inkwistjoni f’dak li kien jirrigwarda l-offerti tat-televiżjoni tradizzjonali u lineari, u li t-tieni jkollu effett għall-provvista ta’ servizzi supplimentari. |
|
410 |
Barra minn hekk, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni żżid pagamenti kunsiderevoli minbarra t-tariffi għax-xiri lura, dan ikun jikkostitwixxi evitar tal-impenji faċilment identifikabbli. |
|
411 |
Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-ħames ilment tar-rikorrenti dwar l-evitar tal-impenji japplika wkoll għat-televiżjoni bi ħlas, ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet provi sabiex tikkontradixxi l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dak li kien jirrigwarda l-istazzjonijiet televiżivi bi ħlas, kull aġir tat-tip deskritt mir-rikorrenti jkun kuntrarju għall-impenn OTT. |
|
412 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames ilment huwa suffiċjentement komprensibbli u, għaldaqstant, li huwa ammissibbli, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iżda li ma huwiex fondat. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, l-istess bħat-tieni parti ta’ dan il-motiv. |
4. Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq il‑preżentazzjoni tardiva tal‑impenn dwar it‑tariffi ta’ xiri lura
|
413 |
Insostenn tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-miżuri korrettivi, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni ma setgħetx twettaq konsultazzjoni ġdida mal-atturi fis-suq. Issa, mill-Avviż dwar ir-Rimedji jsegwi li huma biss l-impenji li jneħħu kompletament, billi jneħħu kull ambigwità, il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati li jistgħu jiġu ammessi tard, li ma huwiex il-każ ta’ dan l-impenn, fid-dawl tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ħames motiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tiċħad l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura. |
|
414 |
Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vodafone, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
415 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004 isegwi li l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni fi żmien 65 jum tax-xogħol mid-data ta’ bidu tal-proċedura. Meta t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 ikun estiż, il-perijodu ta’ 65 jum tax-xogħol ikun awtomatikament estiż b’numru identiku ta’ jiem tax-xogħol. |
|
416 |
Barra minn hekk, mill-punt 94 tal-Avviż dwar ir-Rimedji jsegwi li meta l-partijiet jibdlu l-impenji proposti wara t-terminu ta’ 65 jum tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha taċċetta dawn l-impenji mibdula biss meta tkun tista’ tistabbilixxi biċ-ċar - abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni diġà miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni, b’mod partikolari r-riżultati tal-konsultazzjoni preċedenti mal-atturi tas-suq u mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe konsultazzjoni oħra tal-istess tip - li, ladarba implimentati, tali impenji jsolvu kompletament, billi jneħħu kwalunkwe ambigwità, il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati, u bil-kundizzjoni li jkollha biżżejjed ħin sabiex twettaq analiżi adegwata u sabiex tikkonsulta l-Istati Membri b’mod xieraq. Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 107 ta’ dan l-avviż, li tirreferi għall-punt 94 tiegħu, isegwi li l-konsultazzjoni tal-Istati Membri normalment tippreżupponi li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tindirizza lil dawn tal-aħħar abbozz ta’ deċiżjoni finali li tinkludi evalwazzjoni tal-impenji emendati mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv mal-Istati Membri. |
|
417 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza kkunsidrat li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu kumulattivi u ppreċiżathom, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-impenji ppreżentati tard mill-partijiet f’konċentrazzjoni nnotifikata, l-ewwel, jekk dawn isolvu b’mod ċar u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni addizzjonali l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati minn qabel u, it-tieni, jekk jeżisti biżżejjed żmien sabiex jiġu kkonsultati l-Istati Membri dwar dawn l-impenji (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 455 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
418 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti |
|
419 |
Fir-rigward, l-ewwel, tal-ewwel kundizzjoni, mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan il-motiv isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-natura ineffikaċi u insuffiċjenti tal-impenji, u b’mod partikolari tal-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura, ġew miċħuda. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi b’mod ċar - abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni diġà miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni, b’mod partikolari mir-riżultati tal-konsultazzjoni preċedenti tal-atturi tas-suq - li, ladarba implimentat, l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura kien isolvi b’mod ċar u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni addizzjonali l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati minn qabel. |
|
420 |
It-tieni, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-parti li nnotifikat il-konċentrazzjoni ppreżentat abbozz rivedut ta’ impenji fil‑11 ta’ Ġunju 2019 u li l-kumitat konsultattiv iddiskuta l-abbozz tad-deċiżjoni u ħareġ opinjoni favorevoli fit‑28 ta’ Ġunju. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet fil-fatt f’pożizzjoni li tindirizza lill-Istati Membri abbozz ta’ deċiżjoni finali li jinkludi evalwazzjoni tal-impenji emendati mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, aspett li r-rikorrenti ma tikkontestax u, għaldaqstant, li hija bbenefikat minn żmien suffiċjenti sabiex tikkonsulta lill-Istati Membri dwar l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura. |
|
421 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-impenn dwar it-tariffi ta’ xiri lura minkejja l-preżentazzjoni tard tiegħu, bil-konsegwenza li t-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda. |
5. Fuq ir‑raba’ parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ eliminazzjoni tal‑OSKE fis‑swieq kollha inkwistjoni
|
422 |
Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-argumenti preċedenti tagħha, żviluppati fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motiv, l-impenji kienu insuffiċjenti inkwantu ma jeliminawx l-OSKE fis-swieq MDU u SDU, u lanqas l-effetti ta’ esklużjoni għad-detriment tal-kompetituri tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-swieq televiżivi bl-ingrossa, jiġifieri problemi li l-Kummissjoni naqset milli telenka fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
423 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
424 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argumenti li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, żviluppati insostenn tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motiv tagħha, ġew miċħuda iktar ’il fuq għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta qieset li l-konċentrazzjoni ma kienet tagħti lok għal ebda OSKE fis-swieq MDU u SDU u għal ebda effett negattiv sinjifikattiv għall-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa tal-akkwist ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u fis-suq tax-xiri lura tas-sinjali tat-televiżjoni, b’tali mod li r-raba’ parti ta’ dan il-motiv ma tistax tintlaqa’. |
|
425 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, infondat. |
G. Fuq it‑talba għall‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura tar‑rikorrenti
|
426 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti kunfidenzjali li għadhom ma ġewx żvelati, sabiex tivverifika li dawn kienu tassew insostenn tal-konklużjoni li kienet waslet għaliha fir-rigward tal-assenza ta’ rabta ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq MDU. |
|
427 |
Madankollu, b’mod partikolari mill-punti 71 sa 167 iktar ’il fuq jirriżulta li tali miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma hijiex neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors. |
|
428 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba tar-rikorrenti. |
|
429 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
|
430 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u ta’ Vodafone. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
van der Woude da Silva Passos Reine Truchot Sampol Pucurull Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Novembru 2024. Firem |
Werrej
|
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
|
A. L‑impriżi inkwistjoni |
|
|
B. Il‑proċedura amministrattiva |
|
|
C. Id‑deċiżjoni kkontestata |
|
|
1. Evalwazzjoni tal‑effetti tal‑konċentrazzjoni fuq il‑kompetizzjoni fil‑Ġermanja |
|
|
a) Effetti orizzontali |
|
|
1) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑aċċess fiss għall‑internet |
|
|
2) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑provvista bl‑imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat‑televiżjoni |
|
|
3) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fuq is‑swieq potenzjali tal‑provvista bl‑imnut ta’ offerti multiservizzi |
|
|
4) Effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis‑suq tal‑provvista bl‑imnut ta’ servizzi tat‑televiżjoni |
|
|
5) Effetti orizzontali mhux koordinati fuq is‑suq bl‑ingrossa għall‑provvista u l‑akkwist ta’ stazzjonijiet tat‑televiżjoni u fuq is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni |
|
|
b) Effetti vertikali |
|
|
c) Effetti konglomerattivi |
|
|
d) Konklużjoni dwar l‑effetti tal‑konċentrazzjoni fil‑Ġermanja |
|
|
2. Impenji li saru vinkolanti fid‑deċiżjoni kkontestata |
|
|
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
III. Id‑dritt |
|
|
A. Prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli |
|
|
1. Fuq l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju |
|
|
2. Fuq ir‑regoli tal‑prova |
|
|
B. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda s‑suq MDU |
|
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni |
|
|
a) Fuq l‑iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r‑relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni |
|
|
1) Fuq il‑kompetizzjoni diretta |
|
|
2) Fuq il‑kompetizzjoni indiretta |
|
|
3) Fuq il‑kompetizzjoni potenzjali |
|
|
4) Fuq il‑pożizzjoni dominanti kollettiva li tirriżulta minn kollużjoni taċita bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni |
|
|
b) Fuq l‑iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l‑effetti kompetittivi tal‑konċentrazzjoni fuq is‑suq MDU |
|
|
1) Fuq iż‑żieda tas‑saħħa fis‑suq tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni u l‑eliminazzjoni tal‑pressjoni kompetittiva bejn il‑partijiet |
|
|
2) Fuq id‑dgħufija tal‑pressjoni kompetittiva eżerċitata mill‑kompetituri rimanenti |
|
|
3. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal‑Artikolu 2(2) u (3) tar‑Regolament Nru 139/2004 |
|
|
C. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r‑relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni fis‑suq MDU |
|
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għar‑raġuni li l‑Kummissjoni ma kkunsidratx li l‑konċentrazzjoni kienet ser twassal għall‑ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li tagħti lok għal OSKE |
|
|
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l‑Kummissjoni ma kkonkludietx li l‑konċentrazzjoni telimina l‑kompetizzjoni reali u potenzjali bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni |
|
|
4. Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l‑Kummissjoni ma qisitx li l‑konċentrazzjoni ddgħajjef lill‑kompetituri rimanenti |
|
|
D. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l‑effetti vertikali tat‑tranżazzjoni fuq is‑servizzi intermedjarji ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat‑televiżjoni |
|
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti mwettqa mill‑Kummissjoni fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑effetti potenzjali ta’ strateġija ta’ esklużjoni fuq il‑kompetizzjoni downstream |
|
|
E. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal‑effetti tat‑tranżazzjoni fuq is‑suq bl‑ingrossa tal‑akkwist ta’ stazzjonijiet televiżivi u fuq is‑suq tax‑xiri mill‑ġdid tas‑sinjali tat‑televiżjoni |
|
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l‑esklużjoni mis‑suq permezz ta’ kuntratti ta’ esklużività (parzjali jew totali) |
|
|
a) Fuq in‑natura allegatament inkompleta u żbaljata tal‑eżami tal‑Kummissjoni dwar l‑inċentiv tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività totali |
|
|
b) Fuq in‑natura allegatament inkompleta u żbaljata tal‑eżami tal‑Kummissjoni dwar l‑inċentiv tal‑entità li tirriżulta mill‑konċentrazzjoni li tikkonkludi kuntratti ta’ esklużività parzjali |
|
|
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq in‑natura inkompleta tal‑evalwazzjoni tal‑ħsara għall‑kompetizzjoni kkawżata mill‑konċentrazzjoni minħabba r‑restrizzjoni tas‑servizzi televiżivi innovattivi |
|
|
F. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill‑Kummissjoni, sa fejn hija ddeċidiet li l‑impenji OTT u tariffi tax‑xiri lura kienu suffiċjenti sabiex jirrendu l‑konċentrazzjoni kompatibbli mas‑suq intern |
|
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-impenji li jirrigwardaw is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni |
|
|
3. Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq in‑natura ineffettiva tal‑impenji li jikkonċernaw is‑suq tax‑xiri lura tas‑sinjali tat‑televiżjoni, sa fejn dawn ma jeliminawx il‑problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati |
|
|
4. Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq il‑preżentazzjoni tardiva tal‑impenn dwar it‑tariffi ta’ xiri lura |
|
|
5. Fuq ir‑raba’ parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ eliminazzjoni tal‑OSKE fis‑swieq kollha inkwistjoni |
|
|
G. Fuq it‑talba għall‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura tar‑rikorrenti |
|
|
IV. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.