7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Kroazja) fit-30 ta’ Settembru 2020 – I.D. vs Z. b. d.d., Z.

(Kawża C-474/20)

(2020/C 423/45)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Kroazja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: I.D.

Konvenuta: Z. b. d.d., Z.

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għal kuntratt ta’ kreditu konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fejn, wara l-adeżjoni mal-Unjoni, il-kreditu ġie kkonvertit permezz ta’ liġi li r-Repubblika tal-Kroazja adottat wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, u b’rabta ma’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tirrispondi t-tieni domanda preliminari?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id-domanda preliminari segwenti hija fformulata kif ġej:

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-liġi speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali – ZID ZPK 2015 – Zakon o konverziji (il-Liġi dwar il-Konverżjoni), li, minn naħa, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni vinkolanti fis-seħħ tobbliga lill-fornitur ta’ servizzi joffri lill-konsumatur il-konklużjoni ta’ anness mal-kuntratt ta’ kreditu bil-mod iddeterminat f’din il-liġi, li jissostitwixxi l-kundizzjonijiet individwali tal-kuntratt li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi (kundizzjoni dwar it-tibdil unilaterali fir-rata ta’ interessi) jew sussegwentement (kundizzjoni dwar klawżola dwar valuta b’rabta ma’ CHF [Frank Svizzeru]) ġew iddikjarati nulli permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, b’kundizzjonijiet kuntrattwali validi bħallikieku l-kundizzjonijiet imniżżla fl-anness kienu sa mill-bidu vinkolanti bejn il-partijiet, fejn għaldaqstant tiġi żgurata l-validità tal-kuntratt, u min-naħa l-oħra tipprovdi li ħlasijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ klawżoli inġusti mill-konsumatur li b’mod volontarju ta l-kunsens tiegħu sabiex jiġi konkluż l-anness, jintużaw bil-għan li jiġu ssodisfatti l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tal-anness validu permezz ta’ ftehim dwar id-drittijiet fuq il-ħlasijiet eċċessivi eventwali jew ir-rimbors lill-konsumatur jekk il-ħlas eċċessiv jeċċedi t-total ta’ rati fissi konformement mal-modalitajiet ġodda ta’ ħlas lura tal-kreditu, fejn dan kollu jseħħ skont kif previst minn din il-liġi?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).