1.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fil-15 ta’ Ġunju 2020 – Airhelp Limited vs Austrian Airlines AG

(Kawża C-264/20)

(2021/C 72/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Airhelp Limited

Konvenut: Austrian Airlines AG

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ċirkustanza eċċezzjonali meta l-kanċellazzjoni tat-titjira tkun ibbażata fuq il-fatt li ajruplan ieħor ġie mbuttat lura mill-post minn fejn jitilgħu l-passiġġieri li jinsab faċċata, u hekk għamel ħsara lil-lift tal-ajruplan li kien intiż li jtir, liema titjira kienet sussegwentement ikkanċellata?

2)

L-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera li jinvoka l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali bħala raġuni għall-kanċellazzjoni jista’ biss jinvoka r-raġuni għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament jekk jista’ jipprova wkoll li l-konsegwenzi tal-kanċellazzjoni għall-passiġġier individwali ma setgħux jiġu evitati anki b’reżervazzjoni ġdida għal trasport alternattiv?

3)

Ir-reżervazzjoni ġdida msemmija fit-tieni domanda għandha tissodisfa kriterji ratione temporis jew kwalitattivi iktar iddettaljati, b’mod partikolari dawk stipulati fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) jew fl-Artikolu 8(1)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament?

Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Jannar 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet kif ġej:

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li ħabta bejn l-elevatur ta’ ajruplan li qiegħed fil-pożizzjoni ta pparkjar u l-winglet ta’ ajruplan ta’ linja tal-ajru oħra, ikkawżata mill-moviment ta’ dan tal-aħħar, taqa’ fil-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

2)

L-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira inizjalment prevista minħabba ċirkustanza straordinarja, il-fatt li trasportatur tal-ajru jqiegħed passiġġier fuq rotta differenti permezz ta’ titjira li twassal lil dan il-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu l-għada tal-ġurnata inizjalment prevista jikkostitwixxi “miżura raġonevoli” li teżonera lil dan it-trasportatur mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa kif previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma kienx hemm possibbiltà ta’ rotta oħra diretta jew indiretta permezz ta’ titjira operata minn dan l-istess trasportatur jew minn kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor u li tasal inqas tard mit-titjira li jmiss tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, ħlief jekk dan tal-aħħar ma jistabbilixxix li t-twettiq ta’ din ir-rotta differenti tikkostitwixxi sagrifiċċju insupportabbli għalih fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.