6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 222/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-24 ta’ Marzu 2020 – Stichting Rookpreventie Jeugd et vs Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport

(Kawża C-160/20)

(2020/C 222/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Rotterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stichting Rookpreventie Jeugd et

Konvenut: Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport

Parti oħra fil-proċedura: Vereniging Nederlandse Sigaretten- en Kerftakfabrikanten (VSK)

Domandi preliminari

1)

Il-ħolqien tal-metodu ta’ kejl previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 (1), ibbażat fuq standards ISO li ma humiex aċċessibbli liberament, huwa konformi mal-Artikolu 297(1) TFUE [u mar-Regolament (UE) Nru 216/2013 (2)] kif ukoll mal-prinċipju ta’ trasparenza li huwa l-bażi ta’ dan?

2)

L-istandards ISO 4387, 10315, 8454 u 8243, li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva, l-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mhux biss għandhom jitkejlu (u jiġu vverifikati) permezz tal-metodu stabbilit, iżda dawn l-emissjonijiet jistgħu jew għandhom jitkejlu (u jiġu vverifikati) ukoll b’mezzi oħra u b’intensità differenti?

3)

a)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jmur kontra l-prinċipji bażiċi tad-Direttiva kif ukoll kontra l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva u l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk għaliex l-industrija tat-tabakk kellha rwol fl-istabbiliment tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva?

b)

L-Artikolu 4(1) imur kontra l-prinċipji bażiċi tad-Direttiva, l-Artikolu 114(3) TFUE, il-portata tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u l-Artikoli 24 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għaliex il-metodu ta’ kejl li huwa stabbilit fih ma jkejjilx l-emissjonijiet li huma prodotti mis-sigaretti bil-filtru waqt l-użu previst ta’ dawn, u dan, minħabba li l-imsemmi metodu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effett tal-mikro-toqob ta’ ventilazzjoni preżenti fil-filtri, li, waqt l-użu previst, fil-biċċa l-kbira jingħalqu mix-xofftejn u mis-swaba’ tal-persuna li tpejjep?

4)

a)

Liema metodu ta’ kejl (u metodu ta’ verifika) alternattiv jista’ jew għandu jintuża fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi:

għall-ewwel domanda, fin-negattiv?

għat-tieni domanda, fl-affermattiv?

għall-punti (a) u/jew (b) tat-tielet domanda fl-affermattiv?

b)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tirrispondi għall-punt (a) tar-raba’ domanda: hija din, fil-każ ta’ assenza temporanja ta’ metodu ta’ kejl disponibbli, sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva?


(1)  Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 69, p. 1).