Kawża C‑723/20

Galapagos BidCo. S.a.r.l.

vs

DE, bħala stralċjarju ta’ Galapagos S.A. et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑24 ta’ Marzu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 3(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali”

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament 2015/848 – Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza – Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fil-mument tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura – Trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali fi Stat Membru ieħor qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura – Qorti ta’ Stat Membru ieħor sussegwentement adita b’talba ppreżentata għall-istess skopijiet – Żamma tal-ġurisdizzjoni esklużiva – Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit – Konsegwenza tal-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/848, Artikolu 3(1))

(ara l-punti 29 sa 31, 33 sa 36, 38 sa 40 u d-dispożittiv)

Sunt

Galapagos, kumpannija holding li għandha s-sede statutorja tagħha fil-Lussemburgu, ittrasferixxiet l-amministrazzjoni ċentrali tagħha f’Fareham (ir-Renju Unit) f’Ġunju 2019. Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, l-amministraturi tagħha adixxew lill-qorti Brittannika ( 1 ) b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. L-għada, dawn l-amministraturi ġew issostitwiti minn amministratur ġdid li stabbilixxa, għal Galapagos, uffiċċju f’Düsseldorf (il-Ġermanja) u pprova, għalxejn, li din it-talba tiġi rtirata.

Sussegwentement, Galapagos ressqet talba oħra għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tagħha, din id-darba quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li ġiet iddikjarata inammissibbli minħabba li din il-qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali. Din l-istess qorti ġiet adita mill-ġdid b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, li din id-darba oriġinat minn żewġ kumpanniji kreditriċi oħra ta’ Galapagos. Fil-kuntest ta’ din l-aħħar talba, l-Amtsgericht Düsseldorf ħatret amministratur ġudizzjarju provviżorju u ordnat miżuri provviżorji, billi kkunsidrat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab f’Düsseldorf meta tressqet din it-talba.

Galapagos Bidco., li hija kemm sussidjarja kif ukoll kreditriċi ta’ Galapagos, adixxiet lil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’rikors immedjat sabiex tikseb l-annullament tad-digriet tal-Amtsgericht Düsseldorf għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Ġermaniża. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, Galapagos BidCo. adixxiet lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.

Dik il-qorti tindika li l-eżitu tal-appell li hija adita bih jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament 2015/848 ( 2 ), u b’mod partikolari tal-artikolu tiegħu dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri dwar l-insolvenza ( 3 ). Filwaqt li ppreċiżat li, fid-data li fiha hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti Brittanika kienet għadha ma tatx deċiżjoni dwar l-ewwel domanda, hija tistaqsi b’mod partikolari dwar iż-żamma tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti ta’ Stat Membru inizjalment adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali fil-każ ta’ trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma dik il-qorti tkun tat deċiżjoni dwarha.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-Regolament 2015/848 fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali żżomm ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiftaħ tali proċedura meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma din il-qorti tkun iddeċidiet dwarha. Għalhekk, sa fejn ir-regolament jibqa’ applikabbli għall-ewwel talba, qorti ta’ Stat Membru ieħor sussegwentement adita b’talba mressqa għall-istess finijiet ma tistax, bħala prinċipju, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali sakemm l-ewwel qorti ma tkunx iddeċidiet u rrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri dwar l-insolvenza, li r-Regolament 2015/848, applikabbli f’din il-kawża, isegwi bl-istess kliem l-istess għanijiet bħar-Regolament Nru 1346/2000 ( 4 ) preċedenti. Konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1346/2000 fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tibqa’ rilevanti sabiex jiġi interpretat l-artikolu korrispondenti tar-Regolament 2015/848, imsemmi fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Għalhekk, il-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija mill-imsemmija regolamenti lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu tibqa’ f’idejn dawn il-qrati meta dan id-debitur ibiddel iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara t-tressiq tat-talba, iżda qabel ma jseħħ il-ftuħ tal-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal din il-konstatazzjoni billi tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ippreċiżati fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 5 ).

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-konsegwenzi ta’ din iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru inizjalment adita fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet ġodda għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali. Hija tikkonstata li mir-Regolament 2015/848 isegwi li hija biss proċedura prinċipali li tista’ tinfetaħ u li din tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istati Membri kollha li fihom dan ir-regolament huwa applikabbli. Barra minn hekk, hija l-qorti li tkun inizjalment adita li għandha teżamina ex officio jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, għal dan l-għan, tivverifika li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’. Meta din il-verifika twassal għal risposta negattiva, il-qorti adita inizjalment ma għandhiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali. Min-naħa l-oħra, jekk il-verifika tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħha, kull deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn din il-qorti hija, konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, irrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha minn meta tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru tal-ftuħ. Għaldaqstant, il-qrati ta’ dawn l-Istati Membri tal-aħħar ma jistgħux, bħala prinċipju, jiddikjaraw lilhom infushom li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu tali proċedura sakemm l-ewwel qorti ma tkunx iddeċidiet u irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha.

Madankollu, meta l-qorti adita inizjalment tkun qorti Brittannika, jekk, fl-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 6 ), din il-qorti ma tkunx tat deċiżjoni, ir-Regolament 2015/848 ma jeħtieġx iktar li qorti ta’ Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos, tastjeni milli tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni għall-finijiet tal-ftuħ ta’ tali proċedura.


( 1 ) F’dan il-każ, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Business and Property Courts, Insolvency and Companies list) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tan-Negozju u l-Proprjetà, Reġistru tal-Insolvenza u tal-Kumpanniji, ir-Renju Unit).

( 2 ) Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

( 3 ) Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Essenzjalment, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza prinċipali huma l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), imħassar bir-Regolament 2015/848.

( 5 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39).

( 6 ) ĠU 2020, L 29, p. 7.