SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Mejju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Immaniġġar ta’ skart – Għoti ‘in house’ – Direttiva 2014/24/UE – Artikoli 12 u 72 – Telf tal-kundizzjonijiet ta’ ‘kontroll simili’ wara aggregazzjoni ta’ impriżi – Possibbiltà għall-operatur sussegwenti li jkompli l-provvista ta’ servizz”
Fil-Kawża C‑719/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Comune di Lerici
vs
Provincia di La Spezia,
fil-preżenza ta’:
IREN SpA,
ACAM Ambiente SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.-C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Comune di Lerici, minn A. Fantappié u M. Clarich, avvocati, |
– |
għall-Provincia di La Spezia, minn P. Piciocchi, avvocato, |
– |
għal ACAM Ambiente SpA u IREN SpA, minn D. Anselmi, avvocatessa, u A. Lolli, avvocato, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. L. Vitale, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE [dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE] (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Comune di Lerici (il-Komun ta’ Lerici, l-Italja) u l-Provincia di La Spezia (il-Provinċja ta’ La Spezia, l-Italja) dwar l-approvazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ pjan li jagħti lil ACAM Ambiente SpA l-ġestjoni tas-servizz tal-iskart ta’ dan il-komun sas-sena 2028. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi: “1. Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal- ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq l- objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl- istess mod mill-awtorità kontraenti. 2. Il-paragrafu 1 japplika wkoll fejn persuna ġuridika kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħatalha l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva dwar il-persuna ġuridika. 3. Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.
4. Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
5. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (c) tal-paragrafu 4, għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt. Fejn, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti jew meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet, jew ma humiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew m’għadhomx aktar rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl ta’ attività hu kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan- negozju.” |
4 |
Skont l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.” |
5 |
L-Artikolu 67(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. Fil-każ ta’ dubju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw b’mod effettiv il-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-evidenza mogħtija mill-offerenti.” |
6 |
L-Artikolu 72 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ din id- Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin: […]
[…]
[…] 4. Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir- regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ April 2016. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t- test ta’ dawk il-miżuri.” |
Id‑dritt Taljan
8 |
L‑Artikolu 1(611) u (612) tal-legge n. 190 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriannuale dello Stato (legge di stabilità 2015) (il-Liġi Nru 190 dwar id-Dispożizzjonijiet għat-Tfassil tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi ta’ Stabbiltà 2015)), tat‑23 ta’ Diċembru 2014 (GURI Nru 300, tad‑29 ta’ Diċembru 2014 – Suppliment ordinarju Nru 99, p. 1) jipprovdi: “611. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(27) sa (29), tal-Liġi Nru 244 tal‑24 ta’ Diċembru 2007 kif emendata, u fl-Artikolu 1(569) tal-Liġi Nru 147 tas‑27 ta’ Diċembru 2013 kif emendata, sabiex jiġu ggarantiti l-koordinazzjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tnaqqis tal-ispejjeż, l-amministrazzjoni tajba u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tas-suq, ir-reġjuni, il-Provinċji ta’ Trento u ta’ Bolzano, l-awtoritajiet lokali, il-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura, l-universitajiet, l-istabbilimenti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla, kif ukoll l-awtoritajiet portwali, mill‑1 ta’ Jannar 2015, jibdew proċess ta’ razzjonalizzazzjoni tal-kumpanniji u tal-ishma miżmuma direttament u indirettament fil-kumpanniji, sabiex jitnaqqas in-numru tagħhom qabel il‑31 ta’ Diċembru 2015, billi b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin: […]
[…] 612. Il-presidenti tar-reġjuni u tal-Provinċji Awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, il-presidenti tal-provinċji, is-sindki u l-korpi l-oħra li jmexxu amministrazzjonijiet previsti fil-paragrafu 611, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jiddefinixxu u japprovaw, qabel il‑31 ta’ Marzu 2015, pjan operattiv ta’ razzjonalizzazzjoni tal-kumpanniji u tal-ishma miżmuma direttament jew indirettament f’kumpanniji, il-modalitajiet u t-termini ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni ddettaljata tal-ekonomiji li għandhom isiru. Dan il-pjan, flimkien ma’ rapport tekniku speċifiku, għandu jintbagħat lill-awla reġjonali ta’ stħarriġ kompetenti tal-Qorti tal-Awdituri u jiġi ppubblikat fis-sit internet istituzzjonali tal-amministrazzjoni kkonċernata. Qabel il‑31 ta’ Marzu 2016, il-korpi indikati fl-ewwel sentenza għandhom jistabbilixxu rapport dwar ir-riżultati miksuba, li jintbagħat lill-awla reġjonali ta’ stħarriġ kompetenti tal-Qorti tal-Awdituri u jiġi ppubblikat fis-sit internet istituzzjonali tal-amministrazzjoni kkonċernata. Il-pubblikazzjoni tal-pjan u tar-rapport tikkostitwixxi reklamar obbligatorju skont id-Digriet Nru 33 tal‑14 ta’ Marzu 2013”. |
9 |
Skont l-Artikolu 3 bis(2 bis) tad-decreto-legge n. 138 – Ulteriori misure urgenti per la stabilizzazione finanziaria e per lo sviluppo (id-Digriet Liġi Nru 138 li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti Oħra ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja u ta’ Żvilupp), tat‑13 ta’ Awwissu 2011 (GURI Nru 216, tas‑16 ta’ Settembru 2011, p. 89) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 138/2011”): “L-operatur ekonomiku li kien is-suċċessur tal-konċessjonarju inizjali, b’titolu universali jew partikolari, wara tranżazzjonijiet bejn kumpanniji mwettqa skont proċeduri trasparenti, inklużi amalgamazzjonijiet jew akkwisti, bla ħsara għall-osservanza tal-kriterji kwalitattivi inizjalment stabbiliti, għandu jkompli l-ġestjoni tas-servizzi sal-iskadenzi previsti […]”. |
10 |
L-Artikolu 7(5) tad-decreto legislativo n. 175 – Testo unico in materia di società a partecipazione pubblica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 175 li Jirrigwarda Test Uniku fil-Qasam tal-Kumpanniji b’Azzjonijiet Pubbliċi), tad‑19 ta’ Awwissu 2016 (GURI Nru 210, tat‑8 ta’ Settembru 2016, p. 1), jipprovdi: “Meta l-att kostituttiv jeħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ soċji privati, l-għażla ta’ dawn tal-aħħar issir permezz ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, konformement mal-Artikolu 5(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
11 |
Fil‑15 ta’ Ġunju 2005, permezz ta’ deċiżjoni kkwalifikata espressament bħala “għoti in house”, il-Komun ta’ Lerici ta lil ACAM l-immaniġġar taċ-ċiklu sħiħ tal-iskart f’dan il-komun sal‑31 ta’ Diċembru 2028, fejn dan l-immaniġġar kien, iktar speċifikament, fdat lis-sussidjarja tagħha ACAM Ambiente. F’din id-data, ACAM kienet kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-azzjonisti tagħha kienu esklużivament maqsumin bejn diversi komuni, fosthom il-Komun ta’ Lerici. |
12 |
Fit‑12 ta’ Lulju 2013, ACAM ġiet imġiegħla tikkonkludi ftehim ta’ ristrutturazzjoni mal-kredituri tagħha. Fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, ACAM fittxet, fost il-kumpanniji l-oħra b’azzjonisti pubbliċi li jiżguraw il-ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi attivi fis-suq Taljan, kumpannija adegwata sabiex twettaq operazzjoni ta’ aggregazzjoni. Wara s-sejħa għal offerti pubblika mnedija għal dan il-għan, ACAM għażlet li tagħmel aggregazzjoni ma’ IREN SpA li topera fit-territorju Taljan kollu, hija taħt kontroll pubbliku u hija kkwotata fil-Borża. |
13 |
Skont ftehim ta’ investiment speċifiku, konkluż fid‑29 ta’ Diċembru 2017, il-komuni azzjonisti ta’ ACAM ittrasferixxew lil IREN l-azzjonijiet ta’ ACAM tagħhom u akkwistaw sehem korrispondenti ta’ azzjonijiet ta’ IREN billi ssottoskrivew għal żieda fil-kapital li kienet irriżervata għalihom. Permezz tas-sussidjarji ta’ ACAM, li saru s-sussidjarji tagħha stess, IREN kompliet tamministra s-servizzi li inizjalment kienu ġew fdati lil dawn is-sussidjarji. |
14 |
Wara li, fil‑21 ta’ Frar 2017, kien esprima l-intenzjoni tiegħu li ma japprovax l-aggregazzjoni bejn ACAM u IREN, il-Komun ta’ Lerici ddeċieda, fid‑19 ta’ Jannar 2018, li jaċċetta l-ftehim ta’ investiment biss fir-rigward tat-trasferiment tal-azzjonijiet tiegħu minn ACAM għal IREN, u effettivament ittrasferixxihom lilha fil‑11 ta’ April 2018. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018, il-Provinċja ta’ La Spezia, li llum hija kompetenti sabiex tamministra s-servizz sħiħ tal-iskart urban għall-komuni tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, li minnha jagħmel parti l-Komun ta’ Lerici, approvat l-aġġornament tal-pjan ta’ żona għall-immaniġġar sħiħ tal-iskart urban tal-provinċja, sa fejn ħatret lil ACAM Ambiente bħala ġestjonarju tas-servizz għal dan il-komun, sal‑31 ta’ Diċembru 2028, bis-saħħa ta’ għoti ta’ kuntratt in house. |
16 |
Il-Komun ta’ Lerici ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, billi qies li l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni in house ma kinux iktar issodisfatti. Permezz tas-sentenza tagħha 847/2019, it-Tribunale amministrativo regionale per la Liguria (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Liguria, l-Italja) ċaħdet dan ir-rikors. |
17 |
Il-Komun ta’ Lerici appella din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
18 |
Fl-ewwel lok, dan jenfasizza li, għalkemm dan il-komun kien kompetenti sabiex jagħti, matul is-sena 2005, il-kuntratt kontenzjuż lil ACAM, din il-kompetenza llum ġiet ittrasferita lill-provinċji, li attwalment huma inkarigati mis-servizz tal-immaniġġar sħiħ tal-iskart urban għall-benefiċċju tal-komuni kollha tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom. |
19 |
Fit-tieni lok, din il-qorti tirrileva li l-operazzjoni ta’ aggregazzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġiet konkluża abbażi tal-Artikolu 1(611) u (612) tal-Liġi Nru 190 tat‑23 ta’ Diċembru 2014, li l-għan tiegħu huwa li jiġu llimitati l-ispejjeż pubbliċi billi jiġu llimitati l-ishma tal-organi pubbliċi f’kumpanniji. Barra minn hekk, din l-operazzjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li ACAM kienet ikkonkludiet ftehim ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn tagħha. F’każ bħal dan, l-Artikolu 3bis(2bis) tad-Digriet Liġi Nru 138/2011 jipprevedi t-tkomplija, sal-iskadenzi previsti, tal-ġestjoni tas-servizzi, li kienu ġew fdati lill-persuna li tingħata l-kuntratt inizjali, mill-operatur ekonomiku li kien is-suċċessur tagħha. |
20 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, dwar l-eċċezzjoni tal-kuntratt in house fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. |
21 |
Fil-fatt, l-operazzjoni ta’ aggregazzjoni, imwettqa f’dan il-każ, kellha bħala konsegwenza li s-servizz ta’ mmaniġġar tal-iskart urban tal-Komun ta’ Lerici, li inizjalment kien ingħata, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, lil ACAM, li dwarha ma huwiex ikkontestat li dan il-komun kien jeżerċita, flimkien ma’ komuni oħra, kontroll simili għal dak li eżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, illum huwa attribwit lil IREN, u, permezz tagħha, lis-sussidjarja tagħha ACAM Ambiente, mingħajr ma tali kontroll tal-Komun ta’ Leriċi jissussisti fir-rigward ta’ waħda jew ta’ oħra minn dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, mhux biss is-sehem f’IREN li dan il-komun kien akkwista kien għalkollox irrilevanti, iżda barra minn hekk, minn meta l-imsemmi komun ittrasferixxa dan is-sehem, ma kien hemm l-ebda rabta iktar bejn l-istess komun u IREN. |
22 |
Issa, il-Provinċja ta’ La Spezia ddeċidiet li tagħti direttament is-servizz iddestinat għall-Komun ta’ Lerici, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-għoti dirett huwiex konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok, b’mod iktar partikolari, li jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-għażla ta’ ACAM li tamalgama ma’ IREN kienet ippreċeduta minn sejħa għal offerti pubblika għandux jittieħed inkunsiderazzjoni f’tali kuntest. |
24 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-għan finali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti huwa li tiġi promossa l-kompetizzjoni, u li dan ir-riżultat jintlaħaq, fil-kuntest tal-għoti ta’ servizzi pubbliċi, meta diversi operaturi jkunu f’kompetizzjoni, jew ikunu f’pożizzjoni li jkunu f’kompetizzjoni, sabiex jiksbu l-kuntratt inkwistjoni, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni ġuridika tal-istrument li jippermetti li dan l-għan jintlaħaq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti hija inklinata tikkunsidra li ftit jimporta li l-għoti ta’ servizz partikolari jseħħ permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li tirrigwarda preċiżament l-għoti ta’ dan is-servizz, jew permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti intiża għall-akkwist tal-azzjonijiet tal-kumpannija li tipprovdi dawn is-servizzi, peress li l-kompetizzjoni hija ggarantita fiż-żewġ każijiet. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 12 tad-[Direttiva 2014/24] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi konċentrazzjoni [aggregazzjoni] ta’ kumpanniji ta’ servizzi pubbliċi lokali b’interess ekonomiku, li b’riżultat tagħha l-operatur kummerċjali li jissostitwixxi lill-konċessjonarju inizjali wara tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa permezz ta’ proċeduri trasparenti, inklużi konċentrazzjonijiet [amalgamazzjonijiet] jew xiri, ikompli bil-provvista tas-servizzi sad-data stabbilita, fil-każ li:
|
Fuq id‑domanda preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domanda
26 |
Konformement mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi”, “il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti”, kif ukoll “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”. |
27 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali li hija suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. |
28 |
Għalhekk, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju tirriproduċi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tad-deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Ġunju 2005 u tas‑6 ta’ Awwissu 2018 kif ukoll tas-sejħa għal offerti mnedija minn ACAM hija suffiċjenti sabiex jinftehmu r-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom din il-qorti titlob l-interpretazzjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha. |
29 |
Isegwi li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
30 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/24 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, mogħti inizjalment, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, lil entità in house, li fuqha l-awtorità kontraenti kienet teżerċita, b’mod konġunt, kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, titkompla awtomatikament mill-operatur ekonomiku li jkun akkwista din l-entità, fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta din l-awtorità kontraenti ma jkollhiex tali kontroll fuq dan l-operatur ekonomiku. |
31 |
Preliminarjament, jirriżulta, l-ewwel, mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul is-sena 2005, il-Komun ta’ Lerici ta, sas-sena 2028, il-ġestjoni tas-servizz tiegħu ta’ skart lil ACAM, fejn il-ġestjoni operattiva ta’ dan is-servizz kienet fdata lis-sussidjarja tagħha, ACAM Ambiente. Fid-data ta’ dan l-għoti, il-kapital ta’ ACAM kien miżmum esklużivament minn ċerti komuni, fosthom il-Komun ta’ Lerici. |
32 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratt għalhekk mogħti lil ACAM kien jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi, u dan l-għoti seta’ jitwettaq mingħajr sejħa għal kompetizzjoni minħabba, b’mod partikolari, li l-Komun ta’ Lerici kien jeżerċita, mal-komuni azzjonisti l-oħra, kontroll konġunt fuq ACAM analogu għal dak li dawn il-komuni kienu jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 50). Hemm lok li d-domanda preliminari tiġi risposta abbażi ta’ din il-premessa. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), li kienet applikabbli meta ġie konkluż il-kuntratt bejn il-Komun ta’ Lerici u ACAM, ma kinitx timponi fuq awtorità kontraenti l-obbligu li tibda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta kienet teżerċita fuq l-entità li tingħata l-kuntratt kontroll simili għal dak li kienet teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u li din l-entità kienet twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità jew mal-awtoritajiet kontraenti li kellhom iż-żamma tagħha. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali għoti in house, l-awtorità kontraenti hija meqjusa li għamlet użu mill-mezzi tagħha stess peress li, anki jekk l-entità li tingħata l-kuntratt hija legalment distinta minnha, hija tista’, fil-prattika, tiġi assimilata mad-dipartimenti interni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 49, kif ukoll tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Porin kaupunki, C‑328/19, EU:C:2020:483, punt 66). |
34 |
Barra minn hekk, fil-każ ta’ użu ta’ entità miżmuma komunement minn diversi awtoritajiet pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“kontroll simili” fis-sens tal-punt preċedenti, seta’ jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 50, u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 27). |
35 |
It-tieni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, wara li kkonkludiet, matul is-sena 2013, ftehim ta’ ristrutturazzjoni mal-kredituri tagħha, ACAM iddeċidiet li tniedi sejħa pubblika għal offerti sabiex tagħżel operatur ekonomiku li miegħu tingħaqad. Din il-proċedura wasslet għall-għażla ta’ IREN li kisbet l-azzjonijiet kollha ta’ ACAM miżmuma mill-komuni azzjonisti. Dawn tal-aħħar akkwistaw parti korrispondenti ta’ azzjonijiet ta’ IREN, fl-okkażjoni ta’ żieda fil-kapital ta’ din il-kumpannija li kienet irriżervata għalihom, peress li l-Komun ta’ Lerici, min-naħa tiegħu, iddeċieda li jaċċetta l-ftehim imsemmi iktar ’il fuq biss sa fejn kien jimplika t-trasferiment tal-azzjonijiet tiegħu ta’ ACAM. |
36 |
Konformement mal-Artikolu 3bis(2bis) tad-Digriet Liġi Nru 138/2011, ACAM Ambiente, illum miżmuma kollha kemm hi minn IREN, kompliet tiżgura s-servizz ta’ mmaniġġar tal-iskart tal-komuni li kienu azzjonisti ta’ ACAM, inkluż tal-Komun ta’ Lerici. |
37 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjoniijet preliminari, għandu jiġi rrilevat li, meta kuntratt pubbliku, bħal f’dan il-każ, ikun ingħata mingħajr sejħa għal offerti, lil kumpannija b’kapital pubbliku, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, l-akkwist ta’ din il-kumpannija minn operatur ekonomiku ieħor, matul it-tul ta’ validità ta’ dan il-kuntratt, jista’ jikkostitwixxi bidla ta’ kundizzjoni fundamentali tal-kuntratt li teħtieġ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, ANAV, C‑410/04, EU:C:2006:237, punti 30 sa 32, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532, punt 53). |
38 |
Fil-fatt, tali bidla tista’ twassal sabiex l-entità li tingħata l-kuntratt ma tkunx tista’ iktar fil-prattika tiġi assimilata mad-dipartimenti interni tal-awtorità kontraenti, fis-sens tal-punt 34 ta’ din is-sentenza, u, għaldaqstant, li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku kkonċernat ma tkunx tista’ titkompla iktar mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, peress li din l-awtorità kontraenti ma tistax titqies iktar li tista’ tagħmel użu mill-mezzi tagħha stess. |
39 |
F’dan il-każ, billi l-akkwist ta’ ACAM minn IREN kien seħħ matul is-sena 2017, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2014/24, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 90(1) tagħha, huwa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva li għandu jiġi eżaminat jekk tali modifika kinitx teħtieġ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et, C‑721/19 u C-722/19, EU:C:2021:672, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li kuntratt pubbliku jista’ jiġi emendat, mingħajr ma ssir proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, meta l-parti kontraenti inizjali tiġi ssostitwita minn parti kontraenti ġdida, wara, b’mod partikolari, l-akkwist tal-ewwel mit-tieni sa fejn din tal-aħħar tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva stabbiliti inizjalment u bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra tal-kuntratt u ma huwiex intiż li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
41 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 72(1) jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-ipoteżi fejn is-suċċessur tal-parti kontraenti oriġinali jkompli jeżegwixxi kuntratt pubbliku li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inizjali konformi mar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2014/24, li fosthom hemm l-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza u ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi ekonomiċi, kif imfakkra b’mod partikolari u kkonkretizzati fl-Artikolu 18(1) u fl-Artikolu 67(4) ta’ din id-direttiva. |
42 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 72, li jipprovdi li emenda ta’ kuntratt titqies li hija sostanzjali meta tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu ġew inklużi fil-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ kuntratt, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ kandidati oħra minbarra dawk magħżula inizjalment jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta differenti minn dik inizjalment aċċettata jew kienu jattiraw iktar parteċipanti għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, kif ukoll mill-għan, li d-direttivi f’dan il-qasam jipprovaw jilħqu, li l-kuntratti pubbliċi jkunu suġġetti għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa għall-benefiċċju mhux biss tal-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kontraenti (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019, Tedeschi u Consorzio Stabile Istant Service, C‑402/18, EU:C:2019:1023, punt 39). |
43 |
Għaldaqstant, bidla tal-parti kontraenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, peress li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie fdat inizjalment lil entità in house, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni. |
44 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(1) sa (3) tad-Direttiva 2014/24 jirriproduċi, b’mod partikolari, il-prinċipji mfakkra fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, filwaqt li jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom l-għotjiet in house ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
45 |
B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, kuntratt pubbliku jista’ jingħata mingħajr ma jiġu applikati l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti minn din id-direttiva sa fejn l-awtorità kontraenti teżerċita, konġuntament ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna li tingħata l-kuntratt, simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, li iktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ din il-persuna li tingħata l-kuntratt huma eżerċitati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti li jiġu fdati lilha minn dawn l-awtoritajiet kontraenti jew minn persuni ġuridiċi kkontrollati minn dawn tal-aħħar u, fl-aħħar, li l-kapital ta’ din il-persuna li tingħata l-kuntratt ma jinkludix sehem dirett ta kapital privat, bl-eċċezzjoni tal-forom ta’ sehem ta’ kapital privat mingħajr kapaċità ta’ kontroll u ta’ bblokkar li huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, konformement mat-Trattati, u li ma jippermettux li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq il-persuna li tingħata l-kuntratt. |
46 |
Barra minn hekk, mill-aħħar subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 12(3) jirriżulta li l-eżistenza ta’ kontroll konġunt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tippreżupponi, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet kontraenti kollha jiġu rrappreżentati fil-korpi deċiżjonali tal-entità kkontrollata u jistgħu jeżerċitaw konġuntament influwenza deċiżiva fuq l-għanijiet strateġiċi u d-deċiżjonijiet importanti ta’ din l-entità. |
47 |
Issa, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-Komun ta’ Lerici, fid-data tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, ma kellu l-ebda sehem fil-kapital ta’ IREN, li huwa, barra minn hekk, kunsiderevolment miftuħ għall-ishma privati. Min-naħa l-oħra, dan ma jidhirx bħala li huwa rrappreżentat fil-korpi deċiżjonali ta’ din il-kumpannija u lanqas bħala li huwa fil-pożizzjoni li jinfluwenza, anki jekk konġuntament mal-komuni l-oħra li kienu jżommu ACAM, l-għanijiet strateġiċi jew id-deċiżjonijiet importanti ta’ IREN. |
48 |
Isegwi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt previsti minn din id-direttiva, ma jidhrux li huma ssodisfatti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
49 |
Lanqas ma jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li IREN iżżomm relazzjonijiet mal-Komun ta’ Lerici b’mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1) jew (2) ta’ din id-direttiva li jippermettu li tali kuntratt jiġi kklassifikat bħala “operazzjoni in house” jistgħu jiġu ssodisfatti. |
50 |
Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, it-tkomplija minn IREN tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku fil-kawża prinċipali għandha għalhekk titqies li tirriżulta mill-bidla ta’ kundizzjoni fundamentali tal-kuntratt li teħtieġ sejħa għal offerti, b’tali mod li d-Direttiva 2014/24 tawtorizza lil IREN tkompli tali eżekuzzjoni biss wara li tkun ġiet indikata bħala persuna li tingħata l-imsemmi kuntratt, fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
51 |
Il-fatt li IREN intgħażlet minn ACAM u, għaldaqstant, mill-komuni li jżommu din il-kumpannija, fi tmiem proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti, ma jbiddilx din il-konklużjoni. |
52 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġie enfasizzat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, fid-data tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Komun ta’ Lerici ma kien iżomm ebda sehem, anki indirett, f’IREN. |
53 |
Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, IREN ma tistax, għaldaqstant, tiġi assimilata ma’ kumpannija pubblika b’sehem privat, miżmuma kemm mill-awtorità kontraenti, anki jekk indirettament, kif ukoll minn entità li ntgħażlet minnha, fi tmiem proċedura trasparenti u miftuħa għall-kompetizzjoni, fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Acoset (C‑196/08, EU:C:2009:628). |
54 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-karatteristiċi tal-proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti li permezz tagħha IREN intgħażlet, din il-proċedura ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun ekwivalenti, fil-każ tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal proċedura ta’ għoti konformi mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2014/24, peress li IREN hija, kemm qabel l-operazzjoni ta’ aggregazzjoni ma’ ACAM kif ukoll wara li l-komuni l-oħra ħadu sehem fil-kapital tagħha, entità barranija għall-Komun ta’ Lerici. |
55 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/24 tipprekludi li l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku li kien is-suġġett ta’ għoti in house tkompli, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, meta l-awtorità kontraenti ma jkollhiex iktar sehem, lanqas indirett, fl-entità li tingħata l-kuntratt u ma jkollhiex iktar kontroll fuqha. |
56 |
Għandu jingħad ukoll li tali konklużjoni tapplika anki fl-ipoteżi fejn, kif id-deċiżjoni tar-rinviju tista’ tagħti x’tifhem, għandu jiġi kkunsidrat li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratt ġdid mill-Provinċja ta’ La Spezia. |
57 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fis‑6 ta’ Awwissu 2018, din il-provinċja, li saret kompetenti sabiex tiġġestixxi s-servizz tal-iskart tal-komuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, approvat l-aġġornament tal-pjan ta’ żona għall-immaniġġar sħiħ tal-iskart urban tal-provinċja, sa fejn kien jagħti lil ACAM Ambiente l-ġestjoni tas-servizz tal-iskart għall-Komun ta’ Lerici sas-sena 2028. |
58 |
Issa, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018 għandha tiġi analizzata bħala li tagħti l-ġestjoni ta’ tali servizz ta’ skart lil ACAM Ambiente, sussidjarja miżmuma kompletament minn IREN, xorta jibqa’ l-fatt li tali għoti dirett lanqas ma jissodisfa r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2014/24. |
59 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Provinċja ta’ La Spezia u ACAM Ambiente jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li din il-provinċja ma tidhirx li żżomm xi sehem fil-kapital ta’ IREN u, għaldaqstant, f’dak ta’ ACAM Ambiente, u lanqas li għandha xi setgħa ta’ kontroll fuq dawn l-entitajiet. |
60 |
Isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 ma jidhirx li jista’ jiġġustifika li l-Provinċja ta’ La Spezia kienet tat, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, kuntratt pubbliku għal servizzi lil ACAM Ambiente. |
61 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali għoti lanqas ma jidher li jista’ jiġi assimilat mal-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil kumpannija b’sehem pubbliku kif ukoll b’sehem privat fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie enfasizzat, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-Provinċja ta’ La Spezia tidher li ma żżomm ebda sehem f’IREN u, għaldaqstant, f’ACAM Ambiente. |
62 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li skontha l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, mogħti inizjalment, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, lil entità in house, li fuqha l-awtorità kontraenti eżerċitat, b’mod konġunt, kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, għandha titkompla awtomatikament mill-operatur ekonomiku li jkun akkwista din l-entità, fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta din l-awtorità kontraenti ma jkollhiex tali kontroll fuq dan l-operatur u ma żżomm ebda sehem fil-kapital tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE [dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li skontha l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, mogħti inizjalment, mingħajr sejħa għal kompetizzjoni, lil entità in house, li fuqha l-awtorità kontraenti eżerċitat, b’mod konġunt, kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, għandha titkompla awtomatikament mill-operatur ekonomiku li jkun akkwista din l-entità, fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta din l-awtorità kontraenti ma jkollhiex tali kontroll fuq dan l-operatur u ma żżomm ebda sehem fil-kapital tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.