SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi tad-dritt nazzjonali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE – Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7 – Kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Artikolu 24 – Benefiċċji ta’ għajnuna soċjali – Kunċett – Ugwaljanza fit-trattament – Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq – Perijodu ta’ tranżazzjoni – Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mit-tgawdija tal-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom dritt ta’ residenza għal żmien determinat skont id-dritt nazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 1, 7 u 24”

Fil-Kawża C‑709/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

CG

vs

The Department for Communities in Northern Ireland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.-C. Bonichot, A. Prechal, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CG, minn R. Drabble u T. de la Mare, QC, T. Royston u G. Sarathy, barristers, kif ukoll minn M. Black u S. Park, solicitors,

għal The Department for Communities in Northern Ireland, minn C. Cooley, bħala aġent, assistita minn T. McGleenan, QC, u minn L. McMahon, BL,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli u S. McCrory, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, QC, kif ukoll minn J. Smyth, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 18 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CG, ċittadina li għandha nazzjonalità doppja Kroata u Olandiża u li tirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) sa mis-sena 2018, u d-Department for Communities in Northern Ireland (il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha benefiċċju ta’ għajnuna soċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

4

Skont l-Artikolu 20(1) TFUE:

“Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.”

5

L-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit

6

Is-Sitt, it-tmien u d-disa’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit”), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jipprovdu:

“Filwaqt li jirrikonoxxu li jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal dawk tar-Renju Unit, kif ukoll għall-membri tal-familji rispettivi tagħhom, fejn huma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu qabel id-data stabbilita f’dan il-Ftehim, u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom taħt dan il-Ftehim ikunu infurzabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li d-drittijiet li joriġinaw minn perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ sigurtà soċjali jenħtieġ li jiġu protetti,

[…]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu – minkejja l-konsegwenzi kollha tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari, it-tmiem, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, tal-mandati kollha tal-membri tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti fir-rigward tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni – id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri,

Filwaqt li jirrikonoxxu li, anki jekk id-dritt tal-Unjoni se jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-ispeċifiċitajiet tar-Renju Unit bħala Stat li jkun ħareġ mill-Unjoni jfissru li se jkun importanti għar-Renju Unit li jieħu passi biex iħejji u jistabbilixxi arranġamenti internazzjonali ġodda tiegħu stess, inkluż f’oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li tali arranġamenti ma jidħlux fis-seħħ jew japplikaw matul dak il-perjodu, sakemm ma jkunx awtorizzat hekk mill-Unjoni”.

7

L-ewwel parti ta’ dan il-ftehim, iddedikata għad-dispożizzjonijiet komuni, tinkludi l-Artikoli 1 sa 8 tiegħu. Skont l-Artikolu 2(a) u (c) tal-imsemmi ftehim:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘dritt tal-Unjoni’ tfisser:

(i)

it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘TUE’), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE’) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (‘it-Trattat Euratom’), kif emendati jew supplimentati, kif ukoll it-Trattati tal-Adeżjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien imsejħa ‘t-Trattati’;

(ii)

il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

(iii)

l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni;

[…]

(c)

‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”.

8

L-Artikolu 4 tal-istess ftehim, intitolat “Metodi u prinċipji relatati mal-effett, mal-implimentazzjoni u mal-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jsiru applikabbli b’dan il-Ftehim għandhom jipproduċu, kemm fir-rigward tar-Renju Unit kif ukoll fir-Renju Unit, l-istess effetti legali li jipproduċu fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

Għaldaqstant, il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi għandhom b’mod partikolari jkunu jistgħu joqogħdu direttament fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu jew jissemmew f’dan il-Ftehim li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal effett dirett taħt id-dritt tal-Unjoni.

2.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura konformità mal-paragrafu 1, inkluż fir-rigward tas-setgħat meħtieġa tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi tagħha biex jiddiżapplikaw dispożizzjonijiet domestiċi inkonsistenti jew inkompatibbli, permezz ta’ leġislazzjoni primarja domestika.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim li jirreferu għad-dritt tal-Unjoni jew għal kunċetti jew dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati u applikati skont il-metodi u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim li jirreferu għad-dritt tal-Unjoni jew għall-kunċetti jew id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom, fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati b’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea maħluqa qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

9

It-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolata “Drittijiet taċ-ċittadini”, hija komposta mill-Artikoli 9 sa 39 tiegħu. Skont l-Artikolu 9(c)(i) ta’ dan il-ftehim:

“Għall-finijiet ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

‘Stat ospitanti’ tfisser:

(i)

fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ir-Renju Unit, jekk dawn eżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom hemmhekk f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemm wara dan”.

10

L-Artikolu 10(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, din il-Parti għandha tapplika għall-persuni li ġejjin:

(a)

ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan;

[…]”

11

L-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali li tinsab fiha, kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandha tkun projbita fl-Istat ospitanti u fl-Istat tax-xogħol fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim.”

12

L-Artikolu 13(1) ta’ dan il-ftehim jipprevedi:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit għandu jkollhom id-dritt li jirrisjedu fl-Istat ospitanti bil-limitazzjonijiet u bil-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikoli 21, 45 jew 49 TFUE u fl-Artikolu 6(1), fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 7(3), fl-Artikolu 14, fl-Artikolu 16(1) jew fl-Artikolu 17(1) tad-[Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)].”

13

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza”:

“1.   L-Istat ospitanti jista’ jesiġi li ċ-ċittadini tal-Unjoni jew iċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-membri tal-familji rispettivi tagħhom u persuni oħra, li jirrisjedu fit-territorju tiegħu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Titolu, japplikaw għal status ta’ residenza ġdid li jagħti d-drittijiet taħt dan it-Titolu u dokument li jattesta tali status li jista’ jkun f’forma diġitali.

L-applikazzjoni għal tali status ta’ residenza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(k)

l-Istat ospitanti jista’ jesiġi li ċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit jippreżentaw biss, minbarra d-dokumenti tal-identità msemmija fil-punt (i) ta’ dan il-paragrafu, id-dokumenti ta’ sostenn li ġejjin kif imsemmija fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38/KE:

[…]

(ii)

meta dawn ikunu jirrisjedu fl-Istat ospitanti f’konformità mal-punt (b) Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38/KE bħala persuni ekonomikament inattivi, evidenza li dawn għandhom biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jsirux piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li dawn għandhom kopertura komprensiva tal-assigurazzjoni tal-mard fl-Istat ospitanti;

[…]

[…]

4.   Fejn Stat ospitanti jkun għażel li ma jesiġix li ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini tar-Renju Unit, membri tal-familja tagħhom, u persuni oħra, residenti fit-territorju tiegħu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Titolu, japplikaw għall-istatus ta’ residenza l-ġdid imsemmi fil-paragrafu 1 bħala kundizzjoni għar-residenza legali, dawk eliġibbli għad-drittijiet ta’ residenza taħt dan it-Titolu għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE, dokument ta’ residenza, li jista’ jkun f’forma diġitali, li jinkludi dikjarazzjoni li dan inħareġ f’konformità ma’ dan il-Ftehim.”

14

L-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolat “Il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, Stat ospitanti jista’ jippermetti li jsiru applikazzjonijiet b’mod volontarju għal status ta’ residenza jew għal dokument ta’ residenza kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) u (4) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.”

15

L-Artikolu 23 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Trattament indaqs”, jipprevedi:

“1.   F’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE, soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti f’dan it-Titolu u fit-Titoli I u IV ta’ din il-Parti, iċ-ċittadini tal-Unjoni kollha jew iċ-ċittadini tar-Renju Unit kollha li jirrisjedu fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim fit-territorju tal-Istat ospitanti għandhom igawdu minn trattament indaqs bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Parti. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jiġi estiż għal dawk il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni jew taċ-ċittadini tar-Renju Unit li għandhom id-dritt ta’ residenza jew residenza permanenti.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-Istat ospitanti ma għandux ikun obbligat li jikkonferixxi xi intitolament għal assistenza soċjali matul il-perjodi ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 6 jew tal-punt (b) tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2004/38/KE, u lanqas ma għandu jkun obbligat, qabel li persuna tikseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan il-Ftehim, li jagħti għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ vokazzjonali, li tikkonsisti f’għotjiet għall-istudenti jew f’self għal studenti lil persuni li ma jkunux ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu tali stat jew lill-membri tal-familji tagħhom.”

16

Skont l-Artikolu 38(1) tal-imsemmi ftehim:

“Din il-Parti ma għandhiex taffettwa kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva applikabbli fi Stat ospitanti jew fi Stat tax-xogħol li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni kkonċernati. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għat-Titolu III.”

17

It-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolata “Dispożizzjonijiet dwar separazzjoni”, tinkludi l-Artikoli 40 sa 125 tiegħu. L-Artikolu 86 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, skont il-każ.”

18

Skont l-Artikolu 89(1) tal-imsemmi ftehim:

“Sentenzi u digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll sentenzi u digrieti tali mogħtija wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-proċedimenti msemmija fl-Artikoli 86 u 87, għandhom ikunu legalment vinkolani fl-intier tagħhom fil-konfront tar-Renju Unit u fir-Renju Unit.”

19

L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprovdi:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.”

20

L-Artikolu 127 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[…]

3.   Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.”

Id-Direttiva 2004/38

21

Il-premessi 10 u 16 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu li:

“(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.”

22

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)

id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)

il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

23

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

24

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

(b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti;

[…]”

25

Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perijodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

26

L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, jipprevedi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.”

Id-dritt tar-Renju Unit

L-Anness UE tal-Iskema

27

L-EU Settlement Scheme – Appendix EU of the UK Immigration Rules (l-Iskema ta’ Residenza “EU Settlement Scheme” — Anness “UE” għar-Regoli dwar l-Immigrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza”)) huwa att li permezz tiegħu l-awtoritajiet Brittaniċi adottaw, bi previżjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, skema legali ġdida applikabbli għaċ-ċittadini taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u, konsegwentement, għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fir-Renju Unit. Dan jippermetti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li kienu jirrisjedu fir-Renju Unit qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020, u lill-membri tal-familji tagħhom, jitolbu l-awtorizzazzjoni sabiex jibqgħu fir-Renju Unit. Din l-iskema legali l-ġdida daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Marzu 2019.

28

L-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza jipprevedi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti u tad-dritt ta’ residenza temporanja fit-territorju tar-Renju Unit ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom. Hija tipprevedi għalhekk li ċ-ċittadini tal-Unjoni li kellhom id-dritt li jirrisjedu b’mod permanenti f’dan it-territorju jibbenefikaw mill-istatus ta’ resident permanenti u li dawk li ilhom jirrisjedu għal inqas minn ħames snin fir-Renju Unit jiġi rrikonoxxut lilhom l-istatus ta’ resident mhux permanenti (Pre-Settled Status), li jagħtihom dritt ta’ residenza temporanja ta’ ħames snin.

Ir-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali

29

L-Universal Credit Regulations (Northern Ireland) 2016 (ir-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali (l-Irlanda ta’ Fuq)), kif emendat bis-Social Security (income-related Benefits) (Updating and Amendment) (EU Exit) Regulations (Northern Ireland) 2019 (ir-Regolament tal-2019 dwar is-Sigurtà Soċjali (allowances marbuta mar-riżorsi) (Aġġornar u Emenda) (Ħruġ mill-Unjoni Ewropea) (l-Irlanda ta’ Fuq)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali”), jipprevedi fl-Artikolu 9 tiegħu:

“Persuni meqjusa li ma humiex fl-Irlanda ta’ Fuq.

(1)   Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tissodisfax il-kundizzjoni bażika sabiex tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq, ħlief fil-każ fejn persuna taqa’ taħt il-paragrafu 4, persuna għandha titqies li ma tinsabx fl-Irlanda ta’ Fuq jekk hija ma għandhiex ir-residenza abitwali tagħha fir-Renju Unit, fiċ-Channel Islands, fl-Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda.

(2)   Persuna titqies li għandha r-residenza abitwali tagħha fir-Renju Unit, fiċ-Channel Islands, f’Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda biss jekk ikollha dritt ta’ residenza f’wieħed minn dawn il-postijiet.

(3)   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, dritt ta’ residenza ma jinkludix dritt li jeżisti taħt jew skont:

(a)

l-Artikolu 13 tal-[Immigration (European Economic Area) Regulations 2016 (ir-Regolament tal-2016 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea), (SI 2016/1052), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ŻEE”] jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38,

(b)

l-Artikolu 14 tar-Regolament ŻEE, iżda biss fil-każijiet fejn tali dritt jeżisti skont ir-Regolament ŻEE minħabba l-fatt li l-persuna hija:

(i)

persuna eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, jew

(ii)

membru tal-familja (fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament) ta’ tali persuna li qiegħda tfittex xogħol,

(c)

l-Artikolu 16 tar-Regolament ŻEE, iżda biss fil-każijiet fejn jeżisti dritt taħt dan ir-regolament għaliex il-persuna tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(5) tal-imsemmi regolament, jew fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (fil-każijiet fejn id-dritt ta’ residenza jitnissel mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ dan, ċittadin Brittaniku jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni), jew;

(d)

persuna li kisbet awtorizzazzjoni limitata għad-dħul jew għar-residenza fir-Renju Unit skont l-Immigration Act 1971 (il-Liġi tal‑1971 dwar l-Immigrazzjoni) skont:

(i)

[l-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza] ibbażat fuq l-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar l-Immigrazzjoni,

[…]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30

CG, ċittadina li għandha nazzjonalità doppja Kroata u Olandiża, hija omm ta’ żewġ ulied ta’ età żgħira li hija trabbi waħedha. Hija ddikjarat li waslet fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) flimkien mas-sieħeb tagħha, ta’ nazzjonalità Olandiża u missier uliedha, matul is-sena 2018. Hija qatt ma eżerċitat attività ekonomika fir-Renju Unit u kienet tgħix hemmhekk mas-sieħeb tagħha sakemm marret tgħix f’rifuġju għan-nisa msawta. CG ma għandhiex riżorsi sabiex tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha kif ukoll dawk ta’ uliedha.

31

Fl‑4 ta’ Ġunju 2020, il-Home Office (il-Ministeru għall-Intern, ir-Renju Unit) ta lil CG, abbażi tal-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza, l-istatus ta’ resident mhux permanenti fir-Renju Unit (Pre-Settled Status), li abbażi tiegħu ngħatalha dritt ta’ residenza temporanja. L-għoti tal-imsemmi status ma huwiex suġġett għal kundizzjoni ta’ riżorsi.

32

Fit‑8 ta’ Ġunju 2020, CG ressqet talba għal benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, imsejħa kreditu universali (Universal Credit), quddiem il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda, minħabba li CG ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza meħtieġa sabiex tibbenefika minn dan.

33

L-awtorità amministrattiva kompetenti qieset li huma biss il-persuni li jkollhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali, li jistgħu jitqiesu li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit u li jistgħu, għaldaqstant, jitolbu li jiksbu l-kreditu universali. Bil-kontra, iċ-ċittadini tal-Istati Membri, bħal CG, li jkollhom dritt ta’ residenza taħt l-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza, huma, skont l-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali, esklużi mill-kategorija tal-benefiċjarji potenzjali tal-kreditu universali.

34

Id-dritt ta’ residenza li nħoloq, permezz tal-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri ma jidhirx, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3)(d)(i), fost id-drittijiet ta’ residenza li jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ residenza abitwali fir-Renju Unit. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, li ddaħħlet fir-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali permezz tar-Regolament tal-2019 dwar is-Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2019”), l-awtoritajiet nazzjonali xtaqu jeskludu lill-persuni kkonċernati mill-kategorija tal-benefiċjarji potenzjali tal-kreditu universali, billi pprevedew li d-dritt ta’ residenza li dawn il-persuni issa għandhom ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali.

35

Id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020 tal-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq ġiet ikkonfermata fit‑30 ta’ Ġunju 2020, wara appell intern ippreżentat minn CG minn din id-deċiżjoni.

36

Għalhekk, CG ippreżentat appell mid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020 quddiem l-Appeal Tribunal (Northern Ireland) (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit). Hija tikkontesta b’mod partikolari l-legalità tal-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali, li fuqu kienet ibbażata din id-deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 18 TFUE kif ukoll l-obbligi tar-Renju Unit skont il-European Communities Act 1972 (il-Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej), dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, sa fejn hija teskludi mill-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini tal-Unjoni li r-Renju Unit irrikonoxxa bħala residenti legalment fit-territorju tiegħu.

37

F’dan ir-rigward, CG issostni li, peress li għandha dritt ta’ residenza temporanja li jirriżulta mill-istatus ta’ resident mhux permanenti li ngħatalha fl‑4 ta’ Ġunju 2020, hija għandha titqies li tinsab fit-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali. Minħabba f’hekk, hija għandha tkun tista’ titlob l-għoti ta’ kreditu universali. Ir-rifjut li jingħatalha dan il-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, minħabba li l-istatus tagħha ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tar-“residenza abitwali” fir-Renju Unit, jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini Brittaniċi u, għaldaqstant, diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Hija ssostni li, b’applikazzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488), u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, hija tista’ tinvoka direttament din id-dispożizzjoni sabiex tingħata l-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, minħabba l-fatt li hija għandha dritt ta’ residenza taħt id-dritt nazzjonali, anki jekk hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tikseb dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni.

38

Il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq isostni li, taħt id-dritt nazzjonali, l-istatus ta’ resident mhux permanenti (Pre-Settled Status) ma jagħtix, fih innifsu, dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, liema benefiċċji jibqgħu suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tagħhom stess.

39

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Appeal Tribunal (Northern Ireland) (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Ir-Regola 9(3)[d](i) [tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali] li ġiet inkluża permezz tar-[Regolament tal‑2019] u li teskludi d-dritt għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom dritt ta’ residenza domestika (awtorizzazzjoni ta’ residenza limitata) [fil-każ ineżami l-‘istatus ta’ residenza mhux permanenti’ miksub abbażi tal-Anness UE tal-Iskema ta’ Residenza] hija diskriminatorja u illegali (direttament jew indirettament) skont l-Artikolu 18 [TFUE] u hija inkonsistenti mal-obbligi tar-Renju Unit taħt [il-Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej]?

(2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, u r-Regola 9(3)[d](i) tar-[Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali] titqies li hija indirettament diskriminatorja, din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata skont l-Artikolu 18 [TFUE] u hija inkonsistenti mal-obbligi tar-Renju Unit taħt [il-Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej]?”

Fuq it-talba għal proċedura mħaffa

40

L-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-urġenza manifesta ta’ din il-kawża u tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’CG.

41

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

42

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Jannar 2021, ġiet indirizzata talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju. Hija ntalbet, b’mod partikolari, tippreċiża jekk kienx jeżisti riskju potenzjali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fil-konfront ta’ CG u tat-tfal tagħha stabbiliti fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tindika r-riżorsi finanzjarji li CG kellha kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni tagħha u dawk tat-tfal tagħha.

43

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑5 ta’ Frar 2021, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, minn naħa, li CG ma kellha ebda riżorsi finanzjarji, attwalment ma kellhiex aċċess għall-benefiċċji tal-Istat u kienet qiegħda tgħix f’refuġju għan-nisa msawta u, min-naħa l-oħra, li kien hemm riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tat-tfal tagħha.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-nuqqasjiet materjali ta’ CG u tat-tfal tagħha u tal-impossibbiltà għaliha, taħt id-dritt nazzjonali, li tibbenefika minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, laqa’ t-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jippreċiża, essenzjalment, li meta domanda li tkun tista’ tkun suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, din il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

47

Fil-każ ineżami, fl‑1 ta’ Frar 2020, data li fiha l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit daħal fis-seħħ, dan l-Istat ħareġ mill-Unjoni, u għaldaqstant sar Stat terz. Minn dan isegwi li l-qrati tar-Renju Unit ma jistgħux iktar, minn din id-data, jitqiesu li huma qrati ta’ Stat Membru.

48

Madankollu, dan il-ftehim jipprevedi, fl-Artikolu 126 tiegħu, perijodu ta’ tranżazzjoni inkluż bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim, jiġifieri l‑1 ta’ Frar 2020, u l‑31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 127 tiegħu jipprevedi li, matul dan il-perijodu, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli fir-Renju Unit u fit-territorji tiegħu, għandu jipproduċi l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

49

L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit jipprevedi wkoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkompli jkollha l-ġurisdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżazzjoni. Barra minn hekk, mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari titqies li tkun tressqet, fis-sens tal-paragrafu 2, fid-data li fiha l-att promotur ikun ġie rreġistrat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti tar-Renju Unit fit‑30 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, fil-kuntest ta’ tilwima dwar talba għal benefiċċju ta’ għajnuna soċjali mressqa fit‑8 ta’ Ġunju 2020 minn CG quddiem il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq.

51

Minn dan isegwi, minn naħa, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar it-talba tal-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) ta’ dan il-ftehim, sa fejn din it-talba hija intiża li tikseb interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

52

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel domanda sa fejn din hija intiża li tevalwa l-kompatibbiltà tal-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali mal-obbligi tar-Renju Unit taħt il-Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej, peress li tali domanda la tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u lanqas il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

53

Il-Gvern tar-Renju Unit jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata biss mid-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jqis li d-dritt ta’ residenza temporanja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata lil CG biss abbażi tad-dritt nazzjonali u li l-fatt li din il-persuna seta’ kellha aċċess għat-territorju tar-Renju Unit skont id-dritt tal-Unjoni għal perijodu inizjali ta’ tliet xhur huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jkun possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fil-każ ineżami, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li CG, li għandha nazzjonalità doppja Kroata u Olandiża, daħlet fit-territorju tar-Renju Unit matul is-sena 2018 u li hija ilha tirrisjedi f’dan it-territorju, abbażi tad-dritt nazzjonali, mill‑4 ta’ Ġunju 2020.

57

Peress li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli f’dan l-Istat sa tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni skont l-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor fl-istess ftehim, għandu jitfakkar li ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru, li jkun ittrasferixxa ruħu fi Stat Membru ieħor, ikun għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru, li jkollu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jaqa’ wkoll għal din ir-raġuni taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jinvoka l-Artikolu 21(1) TFUE u jaqa’ fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ CG kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa tmiem il-perijodu ta’ tranżazzjoni previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma ammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

60

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 18 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom dritt ta’ residenza temporanja skont id-dritt nazzjonali taqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità prevista f’dan l-artikolu.

61

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fil-każ ineżami, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u li dan l-istatus huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk li, fost dawn tal-aħħar, jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti espressament f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 5758 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

63

Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 20(2)(a) TFUE u l-Artikolu 21 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Peress li CG hija ċittadina tal-Unjoni li għamlet użu mil-libertà tagħha ta’ moviment u ta’ residenza sabiex tistabbilixxi ruħha fir-Renju Unit, is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li hija tista’, bħala prinċipju, tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE.

65

Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 78). Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jispeċifika, espressament, li d-drittijiet li dan l-artikolu jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”, peress li l-Artikolu 21 TFUE jissuġġetta, huwa wkoll, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-“limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata)

66

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri.

67

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu ikollhom in-nazzjonalità, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah, C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ ta’ persuna bħal CG, li għandha nazzjonalità doppja Kroata u Olandiża, li għamlet użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tar-Renju Unit qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżazzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. Minn dan isegwi li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ CG taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, b’tali mod li huwa fid-dawl tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, u mhux tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, li għandu jiġi evalwat il-punt dwar jekk din il-persuna hijiex suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

68

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, jirreferi għall-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma jkollux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan, jirriskja li matul ir-residenza tiegħu jsir piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Għaldaqstant, il-benefiċċji tal-għajxien, intiżi li jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom il-minimu tal-mezzi ta’ għajxien neċessarji sabiex ikollhom ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem, għandhom jitqiesu li huma “dritt [benefiċċji] ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċju mitlub minn CG, jiġifieri l-kreditu universali, huwa benefiċċju ta’ għixien fi flus, li jaqa’ taħt skema ta’ protezzjoni soċjali ffinanzjata mit-taxxa li l-għoti tagħha huwa suġġett għal kundizzjoni ta’ riżorsi. L-għan tiegħu huwa li jissostitwixxi diversi benefiċċji soċjali oħra, bħall-allowance għal min ifittex impjieg ibbażat fuq id-dħul (income based jobsed jobseeker’s allowance), l-allowance għall-impjieg u ta’ sostenn ibbażat fuq id-dħul (income-related employment and support allowance), l-għajnuna għad-dħul (income support), il-kreditu ta’ taxxa għall-persuni f’attività (working tax credit), il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied (child tax credit) u l-allowance għal akkomodazzjoni (housing benefit).

71

Minn dan isegwi li l-kreditu universali għandu, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jiġi kklassifikat bħala benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi u li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti, li għalihom dan l-Istat Membru jkun ta, abbażi tad-dritt nazzjonali, dritt ta’ residenza temporanja filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-istess Stat Membru kkonċernat li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

73

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilha tirrisjedi fir-Renju Unit għal iktar minn tliet xhur, li hija ma kinitx qiegħda tfittex xogħol u li daħlet fit-territorju ta’ dan l-Istat sabiex takkumpanja l-ex sieħeb tagħha, missier it-tfal ta’ età żgħira tagħha u sseparat minnu minħabba vjolenza konjugali. Tali sitwazzjoni ma taqa’ taħt ebda wieħed mill-każijiet li fihom l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti li ssir deroga mill-ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċju ta’ għajnuna soċjali bħalma huwa l-kreditu universali.

74

Konformement mal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tal-imsemmija direttiva għandhom igawdu minn ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

75

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlob li jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament, skont din id-dispożizzjoni, maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti biss jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tkun tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 6869).

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għal dak li jikkonċerna residenza ta’ tul ta’ iktar minn tliet xhur iżda inqas minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjonijiet, stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, li jipprevedi b’mod partikolari fil-punt (b) tiegħu, għal ċittadin ekonomikament inattiv, l-obbligu li jkollu biżżejjed riżorsi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu. B’mod partikolari, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Issa, il-fatt li jiġi aċċettat li ċittadini tal-Unjoni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 jistgħu jitolbu li jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali jmur kontra dan l-għan u jirriskja li jippermetti lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jużaw is-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat Membru ospitanti sabiex jiffinanzjaw il-mezzi ta’ għajxien tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 74, 7677 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Minn dan jirriżulta li Stat Membru għandu l-possibbiltà, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, li jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom u li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi sabiex jitolbu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza taħt din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 78).

79

Għaldaqstant, hemm lok li jitwettaq eżami konkret tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull persuna kkonċernata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mitluba, sabiex jiġi evalwat jekk hija tkunx qiegħda tissodisfa l-kundizzjoni li jkollha biżżejjed riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u jekk tkunx tista’ għalhekk tinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva sabiex tibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 8081).

80

Fil-kawża prinċipali, mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li CG ma għandhiex biżżejjed riżorsi. Għaldaqstant, tali persuna tista’ ssir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tar-Renju Unit u, għaldaqstant, ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.

81

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li CG għandha dritt ta’ residenza temporanja, taħt id-dritt nazzjonali, li ngħatalha mingħajr kundizzjoni ta’ riżorsi. Fil-fatt, kieku ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv u mingħajr biżżejjed riżorsi, li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti barra mill-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38 seta’ jinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, huwa jibbenefika minn protezzjoni usa’ minn dik li kien jibbenefika minnha b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, li kienu jwasslu sabiex l-imsemmi ċittadin jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza.

82

Barra minn hekk, għandu ċertament jiġi rrilevat li dispożizzjonijiet nazzjonali li, bħad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtu dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni minkejja li ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva 2004/38 għal dan il-għan, jaqgħu taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li din id-direttiva ma tipprekludix li d-dritt tal-Istati Membri jistabbilixxi sistema iktar favorevoli minn dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

83

Madankollu, tali dritt ta’ residenza bl-ebda mod ma jista’ jitqies li ngħata “skont” id-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li ma jiġux ippreġudikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli minn dawk tad-Direttiva 2004/38 f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni bl-ebda mod ma jimplika li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu integrati fis-sistema implimentata minn din id-direttiva, u minn dan iddeduċiet, b’mod partikolari, li huwa kull Stat Membru li jkun iddeċieda li jistabbilixxi sistema iktar favorevoli minn dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li għandu jippreċiża liema huma l-konsegwenzi ta’ dritt ta’ residenza mogħti biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 49 kif ukoll 50).

84

Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ċittadin tal-Unjoni li, bħal CG, jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor, ikun eżerċita l-libertà fundamentali tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti mill-Artikolu 21(1) TFUE, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki jekk huwa jislet id-dritt ta’ residenza tiegħu mid-dritt nazzjonali.

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta la testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea u lanqas toħloq kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 42).

86

Barra minn hekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet tar-Renju Unit taw lil CG dritt ta’ residenza minkejja li din ma kellhiex biżżejjed riżorsi. Kif ġie rrilevat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, dawn l-awtoritajiet applikaw skema iktar favorevoli, f’termini ta’ dritt ta’ residenza, minn dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li din l-azzjoni ma tistax titqies li hija implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. B’dan il-mod, l-imsemmija awtoritajiet, min-naħa l-oħra, irrikonoxxew id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi liberament fit-territorju tiegħu mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE, mingħajr ma invokaw il-kundizzjonijiet u limitazzjonijiet għal dan id-dritt previsti mid-Direttiva 2004/38.

88

Minn dan isegwi li, meta jagħtu dan id-dritt f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, kif ġie enfasizzat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, u li għaldaqstant huma obbligati jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Karta.

89

B’mod partikolari, huwa l-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 1 tal-Karta, li għandu jiżgura li ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, li għandu dritt ta’ residenza taħt id-dritt nazzjonali, u li jinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà jkun jista’ jgħix f’kundizzjonijiet dinjitużi.

90

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Karta jagħti d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-atti kollha relatati mat-tfal, l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91

Issa, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jippermetti lit-tfal, li jkunu partikolarment vulnerabbli, li jinżammu f’kundizzjonijiet dinjitużi mal-ġenitur jew mal-ġenituri li jkunu responsabbli għalih.

92

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li CG hija omm żewġt ulied ta’ età żgħira, li ma għandha ebda riżorsi sabiex tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha kif ukoll dawk ta’ uliedha, u hija iżolata billi ħarbet minn sieħeb vjolenti. F’tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jirrifjutaw talba għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, bħall-kreditu universali, ħlief wara li jkunu vverifikaw li dan ir-rifjut ma jesponix liċ-ċittadin ikkonċernat u t-tfal taħt il-kustodja tiegħu għal riskju konkret u attwali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif stabbiliti mill-Artikoli 1, 7 u 24 tal-Karta. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, dawn l-awtoritajiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi kollha ta’ għajnuna previsti mid-dritt nazzjonali u li ċ-ċittadin ikkonċernat u t-tfal tiegħu jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu effettivament u attwalment. Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, li għandha tivverifika jekk iċ-CG u t-tfal tagħha jistgħux jibbenefikaw effettivament u attwalment minn għajnuna, minbarra l-kreditu universali, li għaliha r-rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq irreferew fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

93

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif ġej:

l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u lilhom l-imsemmi Stat ikun ta dritt ta’ residenza temporanja filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Madankollu, meta ċittadin tal-Unjoni jkun jirrisjedi legalment, skont id-dritt nazzjonali, fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkun ċittadin, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali huma obbligati jivverifikaw li rifjut li jingħataw tali benefiċċji bbażat fuq din il-leġiżlazzjoni ma jesponix lill-imsemmi ċittadin, kif ukoll lit-tfal li għalihom ikun responsabbli, għal riskju konkret u attwali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif stabbiliti mill-Artikoli 1, 7 u 24 tal-Karta. Madankollu, meta dan iċ-ċittadin ma jkollu ebda riżorsi sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu kif ukoll għal dawk ta’ wliedu u jkun iżolat, dawn l-awtoritajiet għandhom jiżguraw ruħhom li, fil-każ ta’ rifjut tal-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, l-imsemmi ċittadin ikun jista’ madankollu jgħix ma’ wliedu taħt kundizzjonijiet dinjitużi. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi kollha ta’ għajnuna previsti mid-dritt nazzjonali u li ċ-ċittadin ikkonċernat u t-tfal tiegħu jistgħu effettivament jibbenefikaw minnhom.

Fuq it-tieni domanda

94

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u lilhom l-imsemmi Stat ikun ta dritt ta’ residenza temporanja filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

 

2)

Madankollu, meta ċittadin tal-Unjoni jkun jirrisjedi legalment, skont id-dritt nazzjonali, fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkun ċittadin, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali huma obbligati jivverifikaw li rifjut li jingħataw tali benefiċċji bbażat fuq din il-leġiżlazzjoni ma jesponix lil dan iċ-ċittadin, kif ukoll lit-tfal li għalihom ikun responsabbli, għal riskju konkret u attwali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif stabbiliti mill-Artikoli 1, 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Meta l-imsemmi ċittadin ma jkollu ebda riżorsi sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu kif ukoll għal dawk ta’ wliedu u jkun iżolat, dawn l-awtoritajiet għandhom jiżguraw ruħhom li, fil-każ ta’ rifjut tal-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, l-istess ċittadin ikun jista’ madankollu jgħix ma’ wliedu taħt kundizzjonijiet dinjitużi. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi kollha ta’ għajnuna previsti mid-dritt nazzjonali u li ċ-ċittadin ikkonċernat u t-tfal tiegħu jistgħu effettivament jibbenefikaw minnhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.