SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tordna spezzjoni – Rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19 – Regolament (KE) Nru 773/2004 – Artikolu 3 – Reġistrazzjoni ta’ intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha – Bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑693/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑21 ta’ Diċembru 2020,

Intermarché Casino Achats SARL, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn F. Abouzeid, S. Eder, J. Jourdan, C. Mussi u Y. Utzschneider, avocats,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. P. Berghe, A. Cleenewerck de Crayencour,. A. Dawes u I. V. Rogalski, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.‑L. Meyer u O. Segnana, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Intermarché Casino Achats SARL titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni (T‑254/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:459) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1056 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché Casino Achats kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute‑1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Skont il-premessa 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“L-skoperta ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni qed tiġi aktar diffiċli, u, Sabiex il-kompetizzjoni tiġi protteta b’mod effettiv, il-poteri investigattivi tal-Kummissjoni [Ewropea] jridu jiġu supplimentati. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari jkollha s-setgħa li tintervista kwalunkwe persuna li tista tkun f’pussess ta’ xi informazzjoni utli u li tirrekordja xi stqarrijiet li saru. Tul xi spezzjoni, uffiċjali awtorizzati mil-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jwaħħlu siġilli għal perjodu ta’ żmien neċessarju għall-ispezzjoni. Siġilli normalment ma għandhomx jiġu mwaħħla għal aktar min 72 siegħa. Uffiċjali awtorizzati mil-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jistaqsu għal kwalunkwe informazzjoni rilvanti għas-suġġett u r-raġuni tal-ispezzjoni.”

3

Taħt il-Kapitolu V, intitolat “Poteri ta’ l-Investigazzjoni”, jinstab l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Investigazzjonijiet f’setturi ta’ l-ekonomija u f’tipi ta’ ftehim”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn it-tendenza tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-riġiditità tal-prezzijiet jew ta’ ċirkostanzi oħra jissuġġerixxu li il-kompetizzjoni tista’ tkun restretta jew distorta fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tmexxi l-inkjesta fis-settur partikolari tal-ekonomija jew f’tip partikolari ta’ ftehim madwar setturi varji. F’kors ta’ din l-inkjesta, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża kunċernata biex tipprovdi l-infromazzjoni neċessarja biex tagħti effet lill-Artikoli [101] u [102 TFUE] u tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarja tagħha għal dak il-għan.”

4

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Poter li jiġu meħuda stqarrijiet”, jipprevedi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna naturali jew legali li jagħti l-kunsens li jiġi intervistat għall-għan li jinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

2.   Fejn l-intervista skond paragrafu 1 tiġi kondotta fuq is-sit ta’ xi impriża, il-Kummissjoni ħa tinforma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu saret l-intervista. Jekk ikun hekk mitlub mil-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu l-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni biex tagħmel l-intervista.”

5

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprevedi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

(b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords:

(d)

li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

(e)

li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

3.   L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni ħa jeserċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li jispeċiefikaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-pieni previsti mil-Artikolu 23 f’każ li jipproduċu l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun inkomplut jew fejn hemm risposti għad-domandi mistoqsija taħt paragrafu 2 tal-preżent Artikolu jkun inkorret jew qarrieqi. F’ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ħa tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

5.   Uffiċjali ta’ kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mil[l]-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni ħa, mat-talba ta’ din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, tassisti [jassistu] b’mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma ħa jgawdu min poteri speċifikati min paragrafu 2.

6.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat [għandu] jtihom l-assistenza neċessarja, titlob [billi jitlob] fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura [ta’ infurzar] oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom [iħallihom] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7.   Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. L-awtorizzazzjoni tista’ tintalab ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

8.   Fejn [issir applikazzjoni għal]l-awtorizzazzjoni kif msejħa fil-paragrafu 7 […], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni] maħsuba huma la ta’ arbitraġġ u lanqas eċċessivi wara li kkunsidraw is-suġġett ta’ l-ispezzjoni. Fil-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett [suspett ta’ ksur] ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], kif ukoll għas-serjetà [fuq il-gravità] tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta’ involviment ta’ l-impriża konċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix [ma tistax tikkontesta] in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Id-dritt legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun suġġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

6

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, bit-titolu “Multi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux aktar mil-1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negligenti:

[…]

(ċ)

jipproduċu l-kotba u r-rekords rikjesti relatati mal-kummerċ f’forma inkompluta matul l-ispezzjonijiet taħt l-Artikolu 20 jew jirrifjutaw l-għotja ta’ l-ispezzjonijiet ordnati bid-deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 20(4);

(d)

b’risposta għad-domanda mistoqsija skond l-Artikolu 20(2)(e),

jagħtu risposta inkorretta jew qarrieqa,

jonqsu milli jikkoreġu fil-limitu ta’ ħin stipulat mil-Kummissjoni risposta inkoretta, inkompluta jew qarrieqa mogħtija min xi membru tas-staff, jew

jonqsu milli jew jiriffjutaw li jiffornixxu risposta kompluta dwar il-fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ xi spezzjoni ordnata min deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 20(4);

(e)

siġilli mwaħlin skond l-Artikolu 20(2)(d) min uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 773/2004

7

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), intitolat “Bidu ta’ proċeduri”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ teżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha skond il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 qabel tibda l-proċeduri.”

8

Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Investigazzjonijiet mill-Kummissjoni”, jinstab l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Poter (setgħa) li tieħu dikjarazzjonijiet”, li jipprovdi:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 1/2003], hija għandha, fil-bidu ta’ l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta’ l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2.   L-intervista tista’ ssir b’kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla. Kopja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta’ żmien li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew miġbura fil-qosor fil-punti 2 sa 8 tas-sentenza appellata kif ġej:

“2. Intermarché Casino Achats […] hija s-sussidjarja komuni ta’ EMC Distribution, hija stess sussidjarja ta’ Casino, Guichard-Perrachon (iktar ’il quddiem “Casino”), u ta’ ITM Alimentaire International, li hija stess hija sussidjarja ta’ ITM Entreprises (iktar ’il quddiem “Intermarché”), li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom prinċipalment fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel. Il-missjoni prinċipali tagħha hija n-negozjar, f’isem u għan-nom tal-kumpanniji omm tagħha, tal-kundizzjonijiet ta’ xiri tal-prodotti u l-konklużjoni mal-fornituri tal-ftehim annwali previst mid-dritt Franċiż.

3. Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn Casino u Intermarché fis-settur tal-oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, il-Kummissjoni Ewropea adottat [id-deċiżjoni kontenzjuża].

4. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża] huwa kif ġej:

‘L-Ewwel Artikolu

Intermarché Casino Achats […] kif ukoll il-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, huma obbligati jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tikkonċerna l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi prattiki miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101 [TFUE] fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lil manifatturi ta’ prodotti tad-ditta u fis-swieq għall-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum. Dawn il-prattiki miftiehma jikkonsistu fi:

a)

skambji ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet tan-negozju, b’mod partikolari [International Casino Dia Corporationn (ICDC)] […] u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Casino u AgeCore u/jew il-membri tagħha, dwar l-iskontijiet miksuba minnhom fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tat-tindif u l-prezzijiet fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lill-manifatturi tal-prodotti tad-ditta fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, tal-prodotti tal-iġjene u tal-prodotti tat-tindif, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari [fi] Franza, u

b)

skambji ta’ informazzjoni, mill-inqas mill-2016, bejn Intermarché u Casino dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista tal-oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza.

Din l-ispezzjoni tista’ ssir fi kwalunkwe post tal-impriża […]

[Intermarché Casino Achats] tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni u l-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat biex jassistuhom jew maħtura minn din tal-aħħar għal dan il-għan, biex jaċċedu għall-bini u l-mezzi kollha ta’ trasport tagħha matul il-ħinijiet normali tax-xogħol. Hija għandha tissottometti għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz, jekk l-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati hekk jitolbu u tippermettilhom li jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma jew kopja jew estratt minn dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli mal-bini tan-negozju u l-kotba jew id-dokumenti kollha għat-tul tal-ispezzjoni u sakemm dan ikun meħtieġ għall-iskop tal-ispezzjoni. Hija għandha tagħti minnufih spjegazzjonijiet orali fuq il-post dwar l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni hekk jitolbu u tawtorizza lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal biex jagħti tali spjegazzjonijiet. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.

Artikolu 2

L-ispezzjoni tista’ tibda fl-20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara.

Artikolu 3

[Intermarché Casino Achats] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill‑impriża […] li hija d-destinatarja tagħha, skont l‑Artikolu 297(2) [TFUE].’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5. Wara li ġiet informata b’din l-ispezzjoni mill-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża adixxiet lill-juge des libertés et de la détention de tribunal de grande instance (l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza) ta’ Créteil (Franza), sabiex titolbu l-awtorizzazzjoni biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittxija u qbid fil-bini tal-appellanti. B’digriet tas-17 ta’ Frar 2017, l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni awtorizza t-tfittxijiet u l-qbid mitluba għal skopijiet ta’ prevenzjoni. Peress li l-ebda waħda mill-miżuri meħuda matul l-ispezzjoni ma kienet teħtieġ l-użu tas-“setgħat ta’ infurzar” fis-sens tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, dan id-digriet ma ġiex innotifikat lill-appellanti.

6. L-ispezzjoni bdiet fl-20 ta’ Frar 2017, data li fiha l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża, marru fis-sede tal-appellanti u nnotifikawha bid-deċiżjoni [kontenzjuża].

7. Bħala parti mill-ispezzjoni, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, żaret l-uffiċċji, ġabret tagħmir, b’mod partikolari tagħmir informatiku (laptops, mowbajls, tablets, apparat għall-ħażna), intervistat diversi persuni u kkopjat il-kontenut tat-tagħmir miġbur.

8. L-appellanti bagħtet lill-Kummissjoni ittra bid-data tal‑24 ta’ Frar 2017, li fiha hija fformulat riżervi fir-rigward tar-regolarità tal-intervisti u, b’mod iktar ġenerali, tal-ispezzjoni. Dawn ir-riżervi ġew ikkompletati permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Marzu 2017.”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, l-appellanti ppreżentat, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti essenzjalment invokat tliet motivi. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u t-tielet wieħed kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar.

11

Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi l-indizji ta’ ksur preżunt li hija kellha fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża.

12

Bi tweġiba għal din l-istedina, il-Kummissjoni pproduċiet b’mod partikolari l-minuti ta’ intervisti li saru fl-2016 u fl-2017 ma’ tlettax‑il fornitur ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum ikkonċernati li kienu jikkonkludu regolarment ftehimiet ma’ Casino u Intermarché (Annessi Q.1 sa Q.13 tar-risposta tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019) (iktar ’il quddiem l-“intervisti mal-fornituri”).

13

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta li kien hemm ksur li jikkonsisti fi skambji ta’ informazzjoni bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, annullat l‑Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

It‑talbiet tal‑partijiet

14

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 2 u, konsegwentement, il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tannulla l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

15

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

16

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

Fuq l-appell

17

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq l-assenza ta’ rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 u l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) meta qieset li l-minuti prodotti mill-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika n-natura suffiċjentement serja tal-indizji fil-pussess tagħha, ma kinux ivvizzjati b’irregolarità proċedurali li taffettwa l-valur probatorju tagħhom. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju billi ċaħdet l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-assenza, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-ispezzjoni.

Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill‑Qorti Ġenerali fil-kuntest tal‑analiżi tal‑effettività tar-rimedji ġudizzjarji li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet

L‑argumenti tal‑partijiet

18

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, billi ċaħdet, fil-punti 46 sa 79 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq l-assenza ta’ rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

19

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, fis-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza (CE:ECHR:2008:0221JUD001849703), tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808), tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Compagnie des gaz de pétrole Primagaz vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002961308), kif ukoll tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2014:1002JUD000009711), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma ddeċidietx li r-rimedji ġudizzjarji kellhom jiġu evalwati fil-globalità tagħhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ din il-qorti rigward id-dritt għal rimedju effettiv. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ rimedju effettiv tista’ tiġi evalwata abbażi ta’ analiżi globali tad-diversi rimedji ġudizzjarji li, individwalment, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imposti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija għalhekk ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

20

Permezz tat-tieni lment, l-appellanti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li r-rimedji ġudizzjarji eżistenti kienu jippermettu li jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni l-kontestazzjonijiet kollha dwar l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

21

Fl-ewwel lok, hija tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi kompleta tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli kontra d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-ispezzjonijiet iżda tinvoka, b’mod anedotiku, ir-rikors kontra l-atti tal-Kummissjoni li jiċħdu talba għal protezzjoni abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom kif ukoll ir-rikors kontra l-atti tal-Kummissjoni li jiċħdu talba għal protezzjoni abbażi tal-ħajja privata tal-membri tal-persunal ta’ impriża, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata. L-appellanti tgħid li, barra minn hekk, dan l-aħħar rikors huwa inċert sal-lum u, għal din ir-raġuni, ma huwiex effettiv (Qorti EDB, 10 ta’ Settembru 2010, Mac Farlane vs L-Irlanda, CE:ECHR:2010:0910JUD003133306).

22

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma tidentifika l-ebda rimedju ġudizzjarju immedjat sabiex jiġu kkontestati miżuri oħra meħuda b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, bħas-sekwestru ta’ dokumenti li joħorġu barra mill-ambitu tal-ispezzjoni. L-impriża spezzjonata għandha tistenna deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sabiex tikkontesta tali miżuri, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Issa, tali rimedju ġudizzjarju ġie kkunsidrat bħala insuffiċjenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għaliex huwa inċert u għaliex ma jseħħx fi żmien raġonevoli, fis-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Compagnie des gaz de pétrole Primagaz vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002961308), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808).

23

Fit-tielet lok, ir-rimedji l-oħra msemmija mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Karta.

24

L-ewwel, ir-rimedju imsemmi, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa manifestament insuffiċjenti peress li ma jirrigwardax, mid-definizzjoni tiegħu stess, l-iżvolġiment tal-ispezzjoni.

25

Barra minn hekk, ir-rikors kontra eventwali deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni, ibbażata fuq l-użu ta’ dokumenti ssekwestrati illegalment wara l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, imsemmi fil-punt 69 tas-sentenza appellata, huwa inċert u ipotetiku.

26

It-tieni, il-possibbiltà għal impriża, imsemmija fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li topponi l-miżuri ta’ spezzjoni sabiex, sussegwentement, tippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni minħabba xkiel u tikkontesta, f’dan il-kuntest, l-iżvolġiment tal-ispezzjoni, ma tikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju effettiv, kif affermat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66) u kif ilha tirrikonoxxih il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Minbarra li l-eżistenza ta’ dan ir-rimedju hija inċerta, peress li hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni mill-Kummissjoni, hija tippreżupponi li l-impriża tieħu r-riskju ta’ multa.

27

It-tielet, peress li l-iżvolġiment ta’ spezzjoni ma jistax, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni li tirrigwarda ċerti miżuri speċifiċi, ikun is-suġġett ta’ rikors, azzjoni għal miżuri provviżorji ma tkunx possibbli.

28

Ir-raba’, fir-rigward tar-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali msemmi fis-sentenza appellata, l-appellanti tenfasizza li, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza (CE:ECHR:2008:0221JUD001849703, punt 33), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-possibbiltà li jinkiseb kumpens ma kinitx tissostitwixxi stħarriġ ġudizzjarju effettiv, għaliex ma kinitx tippermetti li tiġi mistħarrġa r-regolarità ta’ miżuri meħuda abbażi ta’ tfittxija.

29

Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rimedji ġudizzjarji eżistenti, individwalment jew meħuda flimkien, kienu jippermettu li jiġi offrut dritt għal rimedju effettiv kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

30

Fir-raba’ lok, l-appellanti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kombinazzjoni kumplessa ta’ rimedji differenti, prevista mill-Qorti Ġenerali, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ komprensibbiltà tad-dispożizzjoni legali għall-individwu, a fortiori f’dak li jikkonċerna dritt fundamentali. Barra minn hekk, hija tirrileva li tali kumplessità ma hijiex neċessarja. Fil-fatt, l-Unjoni tista’ faċilment tipprevedi dritt għal rimedju immedjat kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, bħalma jagħmel id-dritt Franċiż.

31

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

32

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-punti 46 sa 79 tas-sentenza appellata li l-appellanti tikkontesta, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, jagħmlu parti mill-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv minħabba l-assenza ta’ rimedju kontra l-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni.

33

B’mod iktar preċiż, fil-punti 46 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret li d-dritt għal rimedju effettiv kien stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Wara li fakkret li l-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-istħarriġ tal-legalità għandu jsir biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, hija enfasizzat li kemm mill-Artikolu 52 tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta f’każ speċifiku.

34

F’dan ir-rigward, hija qieset li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi eżaminat, fil-qasam ta’ żjarat domiċiljarji, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel, għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt u fid-dritt, tar-regolarità tad-deċiżjoni li jsiru tali żjarat jew tal-miżuri meħuda fil-kuntest tagħhom, it-tieni, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli għandhom jippermettu, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità, jew li jipprevjenu t-twettiq tal-operazzjoni, jew, fil-każ li operazzjoni irregolari tkun diġà seħħet, li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq, it-tielet, l-aċċessibbiltà tar-rimedju kkonċernat għandha tkun ċerta u, ir-raba’, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jsir f’terminu raġonevoli.

35

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement osservat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-iżvolġiment ta’ operazzjoni ta’ spezzjoni kellu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u li l-istħarriġ kellu jkun effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rimedji ġuridiċi kollha għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ spezzjoni u b’hekk analiżi globali ta’ dawn ir-rimedji ġuridiċi. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, li, peress li l-verifika tar-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv għandha tkun ibbażata fuq analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi li jistgħu jagħtu lok għall-istħarriġ tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni, ma kienx rilevanti li, meħuda individwalment, kull wieħed mir-rimedji ġuridiċi eżaminati ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv.

36

Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk indikat, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, li, minbarra l-possibbiltà li jiġu indirizzati talbiet lill-uffiċjal tas-smigħ tal-Kummissjoni, kienu jeżistu sitt rimedji ġuridiċi li jippermettu li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Unjoni kontestazzjonijiet rigward operazzjoni ta’ spezzjoni, jiġifieri r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona xkiel għall-ispezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikors kontra kwalunkwe att li jissodisfa l-kundizzjonijiet ġurisprudenzjali tal-att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors, adottat mill-Kummissjoni wara d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u fil-kuntest tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, bħal deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni ta’ dokumenti abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 101 TFUE, ir-rikors għal miżuri provviżorji u r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

37

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 58 sa 66 tas-sentenza appellata, għalfejn hija qieset li dawn ir-rimedji ġuridiċi kienu jippermettu li jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni kontestazzjonijiet rigward l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

38

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara analiżi mwettqa fil-punti 68 sa 78 tas-sentenza appellata, li s-sistema ta’ stħarriġ tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni kkostitwita mir-rimedji ġuridiċi kollha elenkati fil-punt 36 ta’ din is-sentenza setgħet titqies li tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

39

Għalhekk, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

40

Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami individwali tad-diversi rimedji ġudizzjarji sabiex tivverifika jekk id-dritt għal rimedju effettiv kontra l-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni huwiex żgurat, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

41

Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li, sa fejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 116).

42

Issa, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 47 jikkorrispondu rispettivament mal-Artikolu 13 u mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 117). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni, peress li r-rekwiżiti tat-tieni jinsabu inklużi f’dawk, iktar stretti, tal-ewwel wieħed (Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2022, Grzęda vs Il-Polonja, CE:ECHR:2022:0315JUD004357218, punt 352 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 13 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 35).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-protezzjoni offruta mill-Artikolu 13 tal-KEDB ma tmurx sal-punt li teżiġi forma partikolari ta’ rimedju (Qorti EDB, 20 ta’ Marzu 2008, Boudaïeva et vs Ir-Russja, CE:ECHR:2008:0320JUD001533902, punt 190) u li anki jekk l-ebda rimedju offrut mid-dritt intern, meħud waħdu, ma jissodisfax huwa stess ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 13, dan jista’ jkun il-każ ta’ dawn ir-rimedji, meħuda fil-globalità tagħhom (Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2020, Mugemangango vs Il-Belġju, CE:ECHR:2020:0710JUD000031015, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur tad-dritt għar-rispett tad-domiċilju, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, rimedju jkun effettiv, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-KEDB, jekk ir-rikorrent ikollu aċċess għal proċedura li tippermettilu jikkontesta r-regolarità tat-tfittxijiet u tal-qbid imwettqa u jikseb rimedju xieraq jekk dawn ikunu ġew ordnati jew eżegwiti b’mod illegali (Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 84).

46

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 8 tal-KEDB jirriżulta li, fil-qasam ta’ żjarat domiċiljarji, l-assenza ta’ ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni minn qorti, li setgħet tillimita jew tikkontrolla l-iżvolġiment ta’ din l-ispezzjoni, tista’ tiġi kkontrobilanċjata minn stħarriġ ġudizzjarju ex post facto tal-legalità u n-neċessità ta’ tali miżura istruttorja bil-kundizzjoni li dan l-istħarriġ ikun effikaċi fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni. Dan jimplika li l-persuni kkonċernati jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt u fid-dritt, tal-miżura kontenzjuża u tal-iżvolġiment tagħha. Meta operazzjoni meqjusa irregolari tkun diġà seħħet, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli għandhom jippermettu li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq (Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, punti 86 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

B’dan il-mod, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju a posteriori tal-ispezzjoni jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkontrobilanċja l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel u li għandu jiġi pprovdut rimedju xieraq permezz tar-“rimedju jew rimedji disponibbli”, għandu jitqies li, bħala prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rimedji kollha disponibbli sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta humiex issodisfatti.

48

Barra minn hekk, peress li l-appellanti invokaw, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Enterprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), kienet obbligata, sabiex tiddeċiedi dwar din l-eċċezzjoni, li twettaq evalwazzjoni globali tas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, li tmur lil hinn miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi kollha disponibbli sabiex jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

50

Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

51

Fir-rigward tat-tieni lment, għandu, fl-ewwel lok, jitqies, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), li l-assenza ta’ prattika ġudizzjarja stabbilita ma tistax tkun deċiżiva sabiex tiġi miċħuda n-natura effettiva ta’ rimedju ġudizzjarju.

52

Barra minn hekk, il-possibbiltà, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni abbażi tal-ħajja privata tal-membri tal-persunal ta’ impriża, tikkostitwixxi biss l-applikazzjoni għal każ konkret ta’ ġurisprudenza stabbilita, li skontha jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE l-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod distintiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578).

53

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tidentifika rimedju ġudizzjarju immedjat li jippermetti li jiġi kkontestat is-sekwestru ta’ dokumenti li joħorġu barra mill-ambitu tal-ispezzjoni, għandu jiġi speċifikat li, kif jirriżulta mill-punt 69 tas-sentenza appellata, li huwa kkontestat mill-appellanti, dan l-argument jikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-ispezzjoni kkonċernata, li fil-kuntest tagħha dokumenti li joħorġu barra mill-ambitu tal-ispezzjoni jistgħu jiġu ssekwestrati, ma twassalx għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u ta’ sanzjoni, iżda għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmi punt 69, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għad-diversi rimedji ġuridiċi li hija eżaminat fil-punti 57 sa 66 tas-sentenza appellata u kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li l-impriżi spezzjonati jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni u għalhekk jikkontestaw il-legalità tal-indizji li fuqhom hija bbażata bħala li nkisbu b’mod irregolari waqt l-ispezzjoni preċedenti.

55

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji immedjati sabiex jiġu kkontestati l-miżuri meħuda b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, essenzjalment, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, li dawn l-impriżi għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra kull att adottat mill-Kummissjoni wara deċiżjoni ta’ spezzjoni, inkluż waqt l-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, sakemm dan l-att jista’ jkun is-suġġett ta’ tali rikors fid-dawl tal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-ġurisprudenza.

56

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona xkiel għall-ispezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003, l-azzjoni għal miżuri provviżorji u r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, mill-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ebda rimedju ġuridiku għad-dispożizzjoni ta’ impriża suġġetta għal miżura ta’ spezzjoni ma kellu jiġi eskluż mill-Qorti Ġenerali sakemm dan ir-rimedju ġuridiku jippermetti li jiġu kkontestati miżura waħda jew iktar meħuda fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni.

57

Wara li tfakkar dan, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li huwa minnu li r-rikors kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni ma jistax jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju kontra l-miżuri adottati sussegwentement fil-kuntest tal-ispezzjoni, peress li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt eżistenti fil-mument meta din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata, b’tali mod li atti sussegwenti għal deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 69 tas-sentenza appellata, fil-każ fejn l-ispezzjoni inkwistjoni ma twassalx għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u ta’ sanzjoni, iżda għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni, l-impriżi spezzjonati jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni billi jikkontestaw il-legalità tal-indizji li fuqhom hija bbażata bħala li nkisbu b’mod irregolari waqt l-ispezzjoni preċedenti.

59

Issa, kif jirriżulta mill-punt 59 tas-sentenza appellata, tali rikors jista’ jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni jekk il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni preċedenti ma jkunux konformi mal-kamp tad-deċiżjonijiet li ordnawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 56 sa 67 u 71). Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni dan ir-rimedju ġudizzjarju.

60

It-tieni, fir-rigward tar-rikors skont l-Artikolu 263 TFUE kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona xkiel għal spezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà, għal persuna fil-pussess ta’ informazzjoni li l-awtorità nazzjonali kompetenti tindirizzalha deċiżjoni ta’ ordni ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, li tippreżenta rikors dirett kontra din id-deċiżjoni, ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u, għaldaqstant, li l-Artikolu 52(1) ta’ din jipprekludi tali leġiżlazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 69).

61

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din l-interpretazzjoni minħabba li din il-persuna fil-pussess ta’ informazzjoni, li hija distinta mill-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li tat lok għad-deċiżjoni ta’ ordni ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni, ma tistax taċċedi għal qorti, sakemm ma tiksirx din id-deċiżjoni billi tirrifjuta li tikkonforma mal-ordni li hija tinkludi u li tesponi ruħha, għalhekk, għas-sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 68).

62

Issa, l-impriżi kkonċernati minn deċiżjoni ta’ spezzjoni ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), ir-rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każ ta’ xkiel tal-ispezzjoni ma jikkostitwixxix l-uniku rimedju ġuridiku għad-dispożizzjoni tal-impriżi spezzjonati sabiex tiġi kkontestata r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ żvolġiment tal-ispezzjoni.

63

It-tielet, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li essenzjalment jikkontesta l-effettività tal-azzjoni għal miżuri provviżorji, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, minħabba li l-iżvolġiment ta’ spezzjoni ma jistax, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni dwar ċerti miżuri speċifiċi, ikun is-suġġett ta’ rikors prinċipali, biżżejjed jitfakkar li l-miżuri msemmija fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ġew iċċitati mill-Qorti Ġenerali biss bħala eżempji.

64

Ir-raba’, fir-rigward tar-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, għalkemm mill-punt 33 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza (CE:ECHR:2008:0221JUD001849703) jirriżulta li, fil-qasam ta’ żjarat domiċiljarji, azzjoni li għandha biss għan kumpensatorju ma tistax, waħedha, tiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, dan ma jimplikax li tali azzjoni ma tistax tagħmel parti mir-rimedji fid-dispożizzjoni tal-impriżi kkonċernati u toffri lil dawn tal-aħħar rimedju xieraq, b’mod partikolari fil-każ fejn operazzjoni ta’ spezzjoni li diġà seħħet ġiet meqjusa bħala irregolari.

65

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni wkoll dan ir-rimedju, fil-kuntest tal-analiżi globali tagħha, tal-possibbiltà għall-impriżi li jikkontestaw il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-ispezzjonijiet.

66

Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 78 tas-sentenza appellata, in-natura inċerta u t-terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għandha titqiegħed f’perspettiva mal-fatt li, sa din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar is-sanzjoni sussegwenti tal-impriża spezzjonata. Issa, ċerti effetti dannużi kkawżati lil impriża minħabba irregolaritajiet imwettqa waqt l-ispezzjoni jistgħu jseħħu biss jekk u fil-mument li fih tali deċiżjoni tiġi adottata, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578).

67

Min-naħa l-oħra, kif osservat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li kieku konsegwenzi dannużi oħra kellhom iseħħu għall-impriża spezzjonata matul dan it-terminu, bħal aġir dannuż tal-Kummissjoni jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni abbażi tal-informazzjoni miġbura, din l-impriża tkun tista’ tadixxi lill-qorti, immedjatament u mingħajr ma tistenna l-eżitu tal-proċedura għal ksur, b’rikors għal danni jew intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni.

68

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar in-natura kumplessa tas-sistema ta’ rimedji ġuridiċi sabiex jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, l-impriżi kkonċernati minn żjara domiċiljari għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu l-eżami tal-kontenut tal-kontestazzjonijiet tagħhom u l-għoti ta’ rimedju xieraq. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li l-ilmenti kollha li jistgħu jitressqu kontra l-miżuri meħuda mill-awtorità pubblika abbażi tad-deċiżjoni li tippreskrivi t-tfittxija jitqajmu fil-kuntest tal-istess rimedju ġudizzjarju wieħed.

69

Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, l-ewwel aggravju kollu kemm hu.

Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill‑Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-minuti prodotti mill-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika n‑natura suffiċjentement serja tal-indizji fil‑pussess tagħha, ma kinux ivvizzjati b’irregolarità proċedurali li taffettwa l-valur probatorju tagħhom

L‑argumenti tal‑partijiet

70

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 u l-Artikolu 7 tal-Karta meta qieset, fil-punti 190 sa 202 tas-sentenza appellata, li l-minuti prodotti mill-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika n-natura suffiċjentement serja tal-indizji fil-pussess tagħha, ma kinux ivvizzjati b’irregolarità proċedurali li tista’ taffettwa l-valur probatorju tagħhom.

71

L-ewwel, billi ddeċidiet, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li r-regoli tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Poteri ta’ l-Investigazzjoni”, ma kinux applikabbli qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali introduċiet distinzjoni bejn żewġ fażijiet tal-proċedura, dik li teżisti qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni formali u dik ta’ wara tali ftuħ, li la tirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas mir-Regolament Nru 773/2004.

72

Il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003, li fih jinsab l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, ma jintroduċi ebda distinzjoni bejn investigazzjoni formali u informali, jew investigazzjoni preliminari u avvanzata. Barra minn hekk, tali distinzjoni toħloq problemi insolvibbli ta’ definizzjoni u ta’ fruntiera. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 773/2004 ifakkar li l-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni skont dan il-Kapitolu V, qabel ma tiftaħ proċedura. Barra minn hekk, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija stess qieset li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 kienu applikabbli għall-intervisti mal-fornituri.

73

It-tieni, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-formalitajiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli f’dan il-każ, ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva.

74

Barra minn hekk, id-distinzjoni introdotta mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, bejn pre‑investigazzjoni u investigazzjoni hija tal-istess natura bħal dik miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632).

75

It-tielet, din l-interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza dwar il-produzzjoni tal-provi orali. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-prova orali hija awtorizzata biss, fil-proċeduri amministrattivi, bil-kundizzjoni li informazzjoni mogħtija oralment lil amministrazzjoni pubblika, fil-kuntest ta’ laqgħa, normalment tiġi rrekordjata u miżmuma, permezz ta’ reġistrazzjoni awdjo, jew ikkonstatata bil-miktub, permezz tar-redazzjoni ta’ minuti.

76

Barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li waħda mir-raġunijiet li wasslu għall-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament kienet sabiex id-dikjarazzjoni orali tkun tista’ tiġi ppreżentata bħala prova. Bl-istess mod, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li l-validazzjoni tal-kontenut tar-reġistrazzjoni mill-persuna mismugħa kellha l-għan li tiggarantixxi l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet.

77

Dan huwa kkonfermat ukoll mill-punti 31 u 32 tal-Avviż dwar il-Klemenza tal-2006 li jipprovdi li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni japplika sa mill-ewwel dikjarazzjonijiet orali miġbura mill-Kummissjoni sabiex tiġi ggarantita l-eżattezza tal-mezzi ta’ provi miġbura.

78

Ir-raba’, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-indizji huma suġġetti għal grad inqas ta’ formalità mill-provi ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza u hija kontradetta mill-prassi tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal klemenza.

79

L-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali hija inkompatibbli mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li joħloq, permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 773/2004, bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni tinkludi dikjarazzjonijiet orali fil-proċess tal-proċedura, filwaqt li jipprevedi, fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, regoli proċedurali intiżi sabiex jiggarantixxu l-eżattezza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

80

Ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tiġbor indizji matul fażi qabel l-investigazzjoni, mingħajr ma tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet barra minn kull qafas legali u barra minn kull stħarriġ ġudizzjarju.

81

L-appellanti tikkunsidra li għalkemm il-Kummissjoni hija libera li tirċievi informazzjoni, b’mod informali, mingħand terzi, min-naħa l-oħra hija ma tistax tużaha mingħajr ma tosserva l-formalitajiet intiżi sabiex jiggarantixxu n-natura kompleta u affidabbli ta’ din l-informazzjoni.

82

Il-ħames, is-setgħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali li tinterroga xhieda ma tistax tikkumpensa l-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti.

83

Is-sitt, f’dak li jirrigwarda r-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, għall-effetti dissważivi potenzjali li jista’ jkollha intervista formali fuq it-tendenza tax-xhieda li jipprovdu informazzjoni u li jiddenunzjaw ksur, tali effetti jistgħu jiġu evitati, skont l-appellanti, billi jiġi ggarantit l-anonimat tas-sorsi ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, kif l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, in-natura standardizzata ħafna tal-allegati minuti, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti d-data ta’ stabbiliment tagħhom u l-iżbalji materjali rrilevati jqiegħdu f’dubju kemm dawn id-dokumenti huma fidili mad-diskussjonijiet realment miżmuma.

84

Is-seba’, ir-rekwiżit ta’ ħeffa fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma jistax jiġġustifika preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet orali jew, mill-inqas, li jiġu redatti minuti immedjatament wara l-intervisti, ivvalidati mill-impriżi kkonċernati.

85

It-tmien, il-fatt li dikjarazzjonijiet, miġbura mingħajr il-formalitajiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistgħux jintużaw bħala provi ta’ ksur, ma jikkostitwixxix rimedju għal ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni. Tali soluzzjoni tkun tippreġudika l-effettività tal-investigazzjonijiet għaliex dan ikun ifisser li dikjarazzjonijiet orali miġbura qabel spezzjoni ma jistgħux iservu sabiex jiġi stabbilit ksur.

86

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 202 u 218 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ ksur, meta r-regoli proċedurali li jirregolaw ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet orali ma kinux ġew osservati. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kellha tali indizji tal-ewwel ksur hija, konsegwentement, ivvizzjata. Fil-fatt, din il-konklużjoni hija bbażata esklużivament fuq id-dokumenti li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, kif jirriżulta mill-punti 250, 252, 253 u 256 tas-sentenza appellata.

87

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

88

Preliminarjament, il-Kummissjoni tispeċifika li l-ftuħ tal-investigazzjoni huwa differenti kemm mill-ftuħ ta’ fajl kif ukoll mill-ftuħ tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004. Il-ftuħ tal-investigazzjoni jseħħ sa mill-ewwel użu tas-setgħat investigattivi tagħha u l-adozzjoni ta’ miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-entitajiet issuspettati. Il-ftuħ tal-fajl huwa att intern meħud mir-Reġistru tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta jalloka numru tal-każ, u li l-unika portata tiegħu hija l-protezzjoni tad-dokumenti. Il-ftuħ tal-proċedura jikkorrispondi għad-data li fiha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004, sabiex tieħu deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

89

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, introduċiet distinzjoni bejn żewġ fażijiet, dik li kienet teżisti qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni formali u dik ta’ wara tali ftuħ, jirriżulta minn qari żbaljat ta’ dik is-sentenza. L-appellanti tfixkel il-ftuħ tal-investigazzjoni u l-ftuħ tal-proċedura. Issa, is-sentenza appellata tikkonċerna biss l-obbligu li jiġi applikat l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni u mhux matul il-perijodu, itwal, li jintemm bil-ftuħ tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004.

90

Fi kwalunkwe każ, is-segmentazzjoni tal-proċedura f’żewġ fażijiet, qabel u wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni, ma toħloqx “problemi insolvibbli ta’ definizzjoni u ta’ fruntiera”. Għall-kuntrarju, id-data tal-ewwel użu mill-Kummissjoni tas-setgħat investigattivi tagħha tikkostitwixxi kriterju oġġettiv li huwa faċilment identifikabbli.

91

Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn dawn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 191 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ftuħ ta’ investigazzjoni jikkorrispondi għad-data li fiha l-Kummissjoni tuża, għall-ewwel darba, is-setgħat investigattivi tagħha. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa kkonfermat mill-kliem tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 li jgħid li “intervista” fis-sens ta’ dan l-artikolu għandha l-“għan li [t]inġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, li mid-definizzjoni tagħha stess għandha tkun infetħet minn qabel. Kif jikkonferma x-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali li tawtorizza r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet orali “fil-kuntest ta’ investigazzjoni” għall-preżentazzjoni tagħhom mhux bħala sempliċi indizji, iżda bħala “provi”.

92

Il-Kummissjoni żżid, l-ewwel, li huwa irrilevanti li hija sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-minuti tal-intervisti mal-fornituri kienu jikkostitwixxu reġistrazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar dan l-argument.

93

It-tieni, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-fażi tal-proċedura qabel l-ewwel użu tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u dik sussegwenti għal tali użu ma hijiex komparabbli mad-distinzjoni bejn l-intervisti formali u l-intervisti informali miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-laqgħa li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni kien japplika kienet seħħet wara l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Għaldaqstant, hija kienet tikkonċerna investigazzjoni li kienet diġà miftuħa u l-ġbir ta’ provi li setgħu jkunu inkriminanti jew skaġunanti. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-intervisti mal-fornituri seħħew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jew ta’ kwalunkwe miżura istruttorja oħra. Għaldaqstant, dawn l-intervisti kkonċernaw biss il-ġbir ta’ indizji.

94

Fit-tielet lok, l-affermazzjoni tal-appellanti li l-assenza ta’ formalitajiet dwar il-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet orali qabel spezzjoni tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-proporzjonalità u r-regolarità ta’ spezzjoni hija kontradetta mill-istħarriġ tal-indizji magħmul f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali, li wassal għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, anki meta xhieda orali ma tkunx ġiet irreġistrata, il-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà li tisma’ xhieda, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

95

L-applikazzjoni tal-formalitajiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni tippreġudika l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni, billi tipprekludiha milli tiġbor u milli tuża indizji rċevuti taħt forma orali. Jekk il-Kummissjoni tiġi prekluża milli tiġbor indizji f’forma orali, dan ikun jippreġudika l-effettività tal-investigazzjonijiet billi jdewwem id-data tal-ispezzjonijiet.

96

Il-Kummissjoni żżid li l-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni jew produzzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65). Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ prova, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fiha hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tagħha, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tagħha kif ukoll id-destinatarju tagħha u għandu jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, hija tidhirx sensibbli u affidabbli (digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2019, OY vs Il-Kummissjoni, C‑816/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:486, punt 6) Dawn il-prinċipji japplikaw, a fortiori, għall-indizji, li l-valur probatorju tagħhom huwa, mid-definizzjoni tagħhom stess, inqas.

97

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li huwa irrilevanti li, fl-avviż tagħha dwar il-klemenza tal‑2006, il-Kummissjoni pprevediet li tirreġistra, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, l-applikazzjonijiet orali għal klemenza magħmula qabel l-ewwel użu tas-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni.

98

It-tieni, l-argument tal-appellanti li s-sentenza appellata tippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet barra minn kull qafas legali qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni uffiċjali huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dik is-sentenza. Minn naħa, is-sentenza appellata tikkonċerna biss il-perijodu sa l-ewwel użu mill-Kummissjoni tas-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni u mhux il-perijodu sal-ftuħ tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004. Min-naħa l-oħra, l-issuġġettar tal-indizji għal grad inqas ta’ formalità mill-provi jippermetti li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, il-ħtieġa ta’ ħeffa li tiggwida l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-preżervazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

99

It-tielet, l-issuġġettar tal-indizji għal grad inqas ta’ formalità mill-provi ma jippreġudikax l-effettività tal-investigazzjonijiet. Fil-fatt, element materjali li ma josservax il-formalitajiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 jista’ xorta jservi sabiex jiġi stabbilit ksur anki jekk il-valur probatorju tiegħu bħala prova jitnaqqas.

100

Il-ħames, il-Kummissjoni tenfasizza li kien biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li jiġu serjament ippreġudikati l-kxif mill-Kummissjoni tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur u l-implimentazzjoni tas-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni jekk hija tkun obbligata tirreġistra kwalunkwe dikjarazzjoni orali qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

101

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tosserva l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 qabel ma tkun fetħet formalment investigazzjoni u għamlet użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

102

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li hija tagħmel parti minnu kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu tifforma parti (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, HOLD Alapkezelő, C‑352/20, EU:C:2022:606, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista intiża għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 84).

104

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li jissuġġetta l-intervisti bbażati fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-osservanza ta’ ċerti formalitajiet, ma jippreċiżax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

105

Issa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tirreġistra, fil-forma magħżula minnha, kull intervista mwettqa minnha, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni min-naħa tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 90 u 91).

106

Għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat li għandha ssir distinzjoni abbażi tal-għan tal-intervisti li tagħmel il-Kummissjoni, u huma biss dawk intiżi sabiex jiġbru informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u, għaldaqstant, taħt l-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

107

Dan premess, l-ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jew tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 ma jippermetti li jiġi dedott li l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-intervista mwettqa mill-Kummissjoni seħħitx qabel il-ftuħ formali ta’ investigazzjoni, sabiex jinġabru indizji ta’ ksur, jew wara, sabiex jinġabru provi ta’ ksur.

108

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jipprevedu li l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni li tikkostitwixxi s-suġġett tiegħu tistax tiġi kklassifikata bħala indizji jew provi. Għall-kuntrarju, minħabba n-natura ġenerali tat-terminu “informazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għal kull waħda minn dawn il-kategoriji.

109

Huwa minnu li l-kunċetti ta’ “indizji” u ta’ “provi” ma jistgħux jiġu imfixkla, peress li indizju ma jistax, min-natura tiegħu u b’mod differenti minn prova, ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit fatt speċifiku.

110

Jibqa’ l-fatt li l-klassifikazzjoni bħala indizju jew bħala prova ma tiddependix minn stadju speċifiku tal-proċedura, iżda mill-valur probatorju tal-informazzjoni kkonċernata, minn indizji suffiċjentement serji u konsistenti, miġbura f’“serje”, li jistgħu huma stess jipprovaw ksur u jintużaw fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47).

111

Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti ma jistax jiddependi mill-klassifikazzjoni tal-informazzjoni miġbura bħala indizji jew provi, peress li l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni jista’ jiġi evalwat mill-Kummissjoni biss wara dawn l-intervisti, matul il-fażijiet sussegwenti tal-proċedura.

112

Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 lanqas ma jipprevedu li l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-istadju tal-proċedura li fih isiru l-intervisti. Huwa minnu li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-intervisti bbażati fuq din id-dispożizzjoni huma dawk imwettqa għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, li jippreżupponi li investigazzjoni tkun għadha għaddejja. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li dawn l-intervisti għandhom iseħħu wara l-ftuħ formali ta’ investigazzjoni, kif iddefinit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 190 tas-sentenza appellata, bħala l-mument li fih il-Kummissjoni tadotta miżura li timplika l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur.

113

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi osservat, minn naħa, li dan l-artikolu jinsab fil-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma hijiex neċessarjament suġġetta għall-adozzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ miżura li timplika l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur.

114

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, twettaq investigazzjonijiet settorjali, li ma jeħtiġux, minn qabel, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ din in-natura fir-rigward ta’ impriżi.

115

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’ teżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha skond il-Kapitolu V tar-Regolament [Nru 1/2003] qabel tibda l-proċeduri” isostni l-interpretazzjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni elenkati fl-imsemmi kapitolu — inkluż l-Artikolu 19 — jistgħu jiġu applikati qabel ma tkun infetħet formalment investigazzjoni, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mill-punt 193 tas-sentenza appellata.

116

Huwa minnu li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 182) kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38), iċċitati fil-punt 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-punt ta’ tluq tal-investigazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni, fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħala d-data li fiha din l-istituzzjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati.

117

Madankollu, il-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi kienu jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-bidu tal-proċedura amministrattiva sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Issa, din il-verifika teħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-istituzzjoni aġixxietx b’mod diliġenti sa mid-data li fiha hija informat bl-eżistenza ta’ investigazzjoni lill-impriża ssuspettata li wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

118

Min-naħa l-oħra, din id-data ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat minn meta l-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), impriża tista’ tkun koperta mid-dikjarazzjonijiet ta’ terz miġbura matul tali intervisti, mingħajr ma tkun taf bihom. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija data jwassal għall-posponiment tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni u tal-garanziji proċedurali marbuta miegħu, previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ terzi interrogati u tal-impriża ssuspettata, sakemm il-Kummissjoni tadotta miżura li tinforma lil din l-impriża bl-eżistenza ta’ suspetti fil-konfront tagħha. Minħabba dan il-posponiment, l-intervisti mat-terzi mwettqa qabel tali miżura ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti u tal-garanziji proċedurali applikabbli għalihom.

119

Fit-tielet l-aħħar lok, fir-rigward tal-iskop tar-Regolament Nru 1/2003, mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li peress li l-kxif tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qed isir dejjem iktar diffiċli, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż sabiex jikkompleta s-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni billi jippermetti, b’mod partikolari, lil din tal-aħħar tinterroga lil kull persuna li jista’ jkollha informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 85). Issa, l-espressjoni “skoperta [kxif] tal-ksur”, li tinsab fl-imsemmija premessa, issostni l-interpretazzjoni li tgħid li l-intervisti mwettqa mill-Kummissjoni, fi stadju preliminari, sabiex jinġabru indizji relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni jaqgħu wkoll taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

120

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tirreġistra l-intervisti fi kwalunkwe forma. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-fatt li jiġi impost fuqha obbligu ta’ reġistrazzjoni jipprekludiha milli tiġbor u tuża indizji meta dawn jista’ jkollhom biss forma orali u jikkomprometti l-effikaċja tal-investigazzjonijiet billi jittardja d-data tal-ispezzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax issostni li tali obbligu għandu effett dissważiv peress li hija għandha l-possibbiltà li tipproteġi l-identità tal-persuni interrogati.

121

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 l-intervisti li matulhom inġabru indizji li sussegwentement servew bħala bażi għal deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni ta’ impriża, minħabba li l-ebda investigazzjoni fis-sens tal-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament ma kienet miftuħa f’dak iż-żmien, peress li l-Kummissjoni ma adottatx miżura li timplika, fir-rigward ta’ din l-impriża, l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-intervisti kinux jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk dawn kinux intiżi sabiex jiġbru informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tagħhom u l-kuntest tagħhom.

122

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-indizji li joħorġu mill-intervisti mal-fornituri ma jistgħux jiġu esklużi bħala vvizzjati b’irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, b’mod partikolari, għaliex dawn l-intervisti seħħew qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003 u ma kinux jinvolvu, fir-rigward tal-appellanti u a fortiori fir-rigward tal-fornituri, akkuża kwalunkwe ta’ twettiq ta’ ksur.

123

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 155 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), biżżejjed jiġi indikat, f’dan ir-rigward, li, meta l-Kummissjoni twettaq intervisti, li l-għan tagħhom huwa ddefinit minn qabel u li l-għan tagħhom huwa bil-miftuħ dak li tinkiseb informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ suq speċifiku u dwar l-aġir tal-atturi ta’ dan is-suq sabiex jinkixef eventwali aġir li jikkostitwixxi ksur jew sabiex hija tikkonsolida s-suspetti tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali aġir, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħa tagħha li tiġbor dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

124

Konsegwentement, l-intervisti mal-fornituri kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Kummissjoni kienet obbligata li tirreġistra dawn id-dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

125

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, ma kienx japplika għall-intervisti mal-fornituri u li l-indizji li rriżultaw minn dawn l-intervisti ma kinux ivvizzjati b’irregolarità formali.

126

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni aggravju huwa fondat u li, konsegwentement, hemm lok li l-appell jintlaqa’ u li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet aggravju tal-appell. Għaldaqstant, hemm lok ukoll li jiġi annullat il-punt 3, dwar l-ispejjeż, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

127

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

128

Dan huwa l-każ hawnhekk.

129

Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat l-ilment, imqajjem mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-motiv tagħha dwar ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-indizji li jirriżultaw mill-intervisti mal-fornituri għandhom jiġu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

130

Insostenn ta’ dan l-ilment l-appellanti ssostni li l-minuti tal-intervisti mal-fornituri ma kinux reġistrazzjonijiet konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda rikostruzzjonijiet magħmula unilateralment mill-Kummissjoni tal-iskambji tagħha mal-fornituri.

131

Il-Kummissjoni tirribatti li hija ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ reġistrazzjoni billi rrediġiet minuti eżawrjenti li jirriflettu fedelment il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u billi qegħdithom fil-fajl, taħt numru ta’ identifikazzjoni uffiċjali. Dan it-tip ta’ minuti jikkostitwixxi waħda mill-forom ta’ reġistrazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, l-istess bħalma huma reġistrazzjonijiet awdjo jew awdjoviżivi jew traskrizzjonijiet mill-ġdid verbatim.

132

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li tispeċifika li l-Kummissjoni “tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla”, timplika li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li twettaq intervista abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha l-obbligu li tirreġistra din l-intervista fl-intier tagħha, bla ħsara għall-għażla li titħalla lill-Kummissjoni dwar il-forma ta’ din ir-reġistrazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 90).

133

Barra minn hekk, mit-tieni u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata għall-approvazzjoni tagħha kopja tar-reġistrazzjoni u li hija tistabbilixxi, jekk ikun hemm bżonn, terminu li matulu din il-persuna tista’ tikkomunika kull korrezzjoni li għandha ssir fid-dikjarazzjoni.

134

F’dan il-każ, il-Kummissjoni la allegat u lanqas a fortiori pprovat li hija kienet qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-fornituri, għall-approvazzjoni tagħhom, il-minuti li hija kienet irrediġiet.

135

Issa, l-obbligu tal-Kummissjoni li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata, għall-approvazzjoni tagħha, kopja tar-reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna intervistata, billi jiggarantixxi li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu effettivament attribwiti lilha u li l-kontenut tagħhom jirrifletti b’mod fidil u fl-intier tiegħu l-imsemmija dikjarazzjonijiet u mhux l-interpretazzjoni tagħhom magħmula mill-Kummissjoni.

136

Għaldaqstant, indizju, ibbażat fuq dikjarazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, mingħajr ma dan ir-rekwiżit, impost mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, jiġi osservat, għandu jitqies li huwa inammissibbli u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.

137

Għalhekk, dawn il-minuti, ta’ natura purament interna, ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004 li japplika għall-intervisti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

138

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti tal-Kummissjoni, miġbura fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq il-punti 65 sa 69 tas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773).

139

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom u li, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ prova għandu jiġi evalwat b’mod globali, b’tali mod li t-tqajjim ta’ sempliċi dubji mhux issostanzjati fir-rigward tal-awtentiċità ta’ prova ma huwiex biżżejjed biex jikkomprometti l-kredibbiltà tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 65 sa 69).

140

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-prova li l-awtentiċità tagħha kienet ikkontestata kienet messaġġ elettroniku intern għal impriża u mhux ir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni miġbura mill-Kummissjoni vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004.

141

Għalhekk, il-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi ma jistax jiġi invokat sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti proċedurali applikabbli għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet miġbura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità fil-ġbir ta’ indizji, fid-dawl tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, tinsab fl-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tuża dawn l-indizji fl-istadji sussegwenti tal-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

142

F’dan il-każ, peress li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 208 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2022:578), l-informazzjoni li tirriżulta mill-intervisti mal-fornituri kienet tikkostitwixxi l-parti essenzjali tal-indizji li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża u peress li hija vvizzjata b’irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, indizji suffiċjentement serji li hija setgħet tuża u li kienu jiġġustifikaw il-preżunzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

143

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

144

Skont Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti talbu sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet annullata, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

145

Bis-saħħa tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta huwa stess l-appell, huwa jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li l-Kunsill, intervenjent fl-ewwel istanza, ipparteċipa fil-fażi bil-miktub u fil-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura tal-appell kif ukoll mal-proċedura tal-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni (T‑254/17, mhux ippubblikat, EU:T:2020:459) huwa annullat.

 

2)

Il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni (T‑254/17, mhux ippubblikat, EU:T:2020:459), huwa annullat sa fejn iddeċieda fuq l-ispejjeż.

 

3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1056 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché Casino Achats kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1), hija annullata.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Intermarché Casino Achats SARL, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.